Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nistgħu nibqgħu safjin

Nistgħu nibqgħu safjin

“Naddfu idejkom, . . . u saffu qlubkom.”—ĠAKBU 4:8.

1. Ħafna nies x’jaħsbu li hu normali?

AĦNA ngħixu f’dinja li hi immorali għall-aħħar. Pereżempju, ħafna nies jaħsbu li hu normali li tkun omosesswali jew li tmur maʼ xi ħadd li mhuwiex is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek fiż-żwieġ. Il-films, il-kotba, u r-reklami huma mimlijin b’immoralità sesswali. (Salm 12:8) Imma Ġeħova jistaʼ jgħinna ngħixu b’tali mod li nogħġbuh. Nistgħu nkunu safjin, jew nodfa, f’dinja li hi immorali għall-aħħar.—Aqra l-1 Tessalonikin 4:3-5.

2, 3. (a) Għala rridu niċħdu x-xewqat ħżiena? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

2 Sabiex nogħġbu lil Ġeħova, irridu niċħdu dak kollu li jobgħod. Imma peress li aħna imperfetti, jistaʼ jkun li l-immoralità tiġbidna lejha, bħalma lixka tattira lil ħuta. Jekk jibda jkollna ħsibijiet immorali, mill-ewwel irridu niċħduhom. Jekk ma nagħmlux hekk, ix-xewqa immorali tant se ssir b’saħħitha li meta jkollna l-opportunità li nidinbu, hekk għandna mnejn nagħmlu. Dan hu eżattament fi qbil maʼ dak li tgħid il-Bibbja: “Meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub.”—Aqra Ġakbu 1:14, 15.

3 Xewqa ħażina tistaʼ tikber ġo qalbna. Hu għalhekk li rridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn dwar dak li nibdew nixxennqu għalih. Jekk niċħdu x-xewqat ħżiena, se nevitaw l-immoralità sesswali u r-riżultati ħżiena li ġġib magħha. (Galatin 5:16) F’dan l-artiklu, se niddiskutu tliet affarijiet li se jgħinuna niġġieldu kontra x-xewqat ħżiena: il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, il-pariri mill-Kelma tiegħu, u l-għajnuna minn Kristjani maturi.

“ERSAQ QRIB LEJN ALLA”

4. Għala hu importanti għalina li nersqu qrib lejn Ġeħova?

4 Il-Bibbja tgħid lil dawk li jridu ‘jersqu qrib lejn Alla’: “Naddfu idejkom” u “saffu qlubkom.” (Ġakbu 4:8) Meta Ġeħova jkun l-aqwa Ħabib tagħna, aħna mhux biss inkunu rridu nogħġbuh bl-azzjonijiet tagħna imma nkunu rridu nogħġbuh anki bil-ħsibijiet tagħna. Jekk il-ħsibijiet tagħna jkunu safjin u nodfa, mela anki qalbna tkun nadifa. (Salm 24:3, 4; 51:6; Filippin 4:8) Ġeħova jifhem li aħna imperfetti u li nistgħu nibdew naħsbu dwar affarijiet immorali. Imma peress li ma rridux insewdu qalb Ġeħova, nagħmlu kulma nistgħu biex niċħdu ħsibijiet ħżiena. (Ġenesi 6:5, 6) Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu ħsibijietna safjin.

5, 6. It-talb kif jistaʼ jgħinna niġġieldu kontra x-xewqat immorali?

5 Ġeħova se jgħinna niġġieldu kontra l-ħsibijiet immorali meta nibqgħu nitolbu għall-għajnuna tiegħu. Hu jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu ħalli jkollna s-saħħa biex nibqgħu safjin. Fit-talb tagħna, nistgħu ngħidu lil Ġeħova li rridu li l-ħsibijiet tagħna jogħġbuh. (Salm 19:14) B’umiltà nitolbuh biex jara jekk hemmx xi xewqat ħżiena f’qalbna li jistgħu jwassluna biex nidinbu. (Salm 139:23, 24) Ibqaʼ itlob lil Ġeħova biex jgħinek tiċħad l-immoralità u tagħmel dak li hu tajjeb anke meta jkun diffiċli.—Mattew 6:13.

6 Qabel ma tgħallimna dwar Ġeħova, jistaʼ jkun li konna nieħdu pjaċir nagħmlu affarijiet li hu ma jiħux pjaċir bihom, u jistaʼ jkun li għadna qed niġġieldu kontra dawn ix-xewqat ħżiena. Imma Ġeħova jistaʼ jgħinna ninbidlu u nagħmlu dak li jogħġbu. Pereżempju, wara li s-Sultan David kellu relazzjonijiet sesswali maʼ Bat-seba, hu nidem u talab bil-ħrara lil Ġeħova biex jagħtih “qalb pura,” jew nadifa, u biex jgħinu jkun ubbidjenti. (Salm 51:10, 12) Għalhekk, jekk fil-passat kellna xewqat immorali b’saħħithom u għadna qed niġġieldu kontrihom, Ġeħova jistaʼ jgħinna jkollna xewqa saħansitra iktar b’saħħitha biex nobduh u nagħmlu dak li hu tajjeb. Jistaʼ jgħinna wkoll nikkontrollaw il-ħsibijiet imperfetti tagħna.—Salm 119:133.

Jekk xewqa ħażina tibda trabbi l-għeruq ġo qalbna, għandna niċħduha mill-ewwel (Ara paragrafu 6)

“QISU LI TAGĦMLU L-KELMA”

7. Il-Kelma t’Alla kif tistaʼ tgħinna niċħdu ħsibijiet immorali?

7 Ġeħova jistaʼ jwieġeb it-talb tagħna għall-għajnuna permezz taʼ Kelmtu, il-Bibbja. Fiha nsibu l-għerf t’Alla, għerf li hu safi. (Ġakbu 3:17) Meta naqraw il-Bibbja kuljum, se nimlew moħħna bi ħsibijiet safjin. (Salm 19:7, 11; 119:9, 11) Ukoll, fil-Bibbja hemm eżempji u twissijiet li jgħinuna niċħdu ħsibijiet u xewqat immorali.

8, 9. (a) Raġel żagħżugħ għala kellu relazzjonijiet sesswali maʼ mara immorali? (b) L-eżempju fi Proverbji kapitlu 7, liema sitwazzjonijiet se jgħinna nevitaw?

8 Fi Proverbji 5:8, il-Kelma t’Alla twissina biex inżommu ’l bogħod mill-immoralità. Fi Proverbji kapitlu 7, insibu l-istorja taʼ raġel żagħżugħ li billejl mar jimxi ħdejn id-dar taʼ mara immorali. Il-mara kienet fil-kantuniera tat-triq, “liebsa taʼ prostituta.” Resqet lejh, qabditu, bisitu, u qaltlu affarijiet li nisslu fih xewqat mhux xierqa. Iż-żagħżugħ ħalla dawn ix-xewqat irabbu l-għeruq, u spiċċa kellu x’jaqsam magħha. Għalkemm ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jidneb, hekk għamel. Imbagħad kellu jħallas qares, jiġifieri jbati l-konsegwenzi. Li kieku fehem il-periklu li kien hemm, kien iżomm ’il bogħod minnha!—Proverbji 7:6-27.

9 Bħal dak iż-żagħżugħ, nistgħu nieħdu deċiżjonijiet mhux għaqlin għax ma nifhmux il-periklu li jkun hemm. Pereżempju, xi stazzjonijiet tat-televixin juru programmi immorali billejl, u għalhekk jistaʼ jkun perikoluż li toqgħod tqalleb minn stazzjon għall-ieħor sempliċement biex tara x’hemm. Jistaʼ jkun perikoluż ukoll li tikklikkja fuq links tal-Internet meta ma tkunx taf fejn se jiħduk. Bl-istess mod, hu perikoluż li tidħol f’chat rooms jew Websajts li jinkludu riklami immorali u links għall-pornografija. F’dawn is-sitwazzjonijiet, dak li nħarsu lejh jistaʼ jġegħelna jkollna xewqat immorali, u dan jistaʼ jwassal biex ma nobdux lil Ġeħova.

10. Għala hu perikoluż li tifflertja? (Ara l-ewwel stampa.)

10 Il-Bibbja tgħidilna wkoll kif irġiel u nisa għandhom jittrattaw lil xulxin. (Aqra l-1 Timotju 5:2.) Il-Kristjani jagħtu attenzjoni romantika biss lill-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ jew lil dawk li huma jixtiequ jiżżewġu. Huma ma jifflertjawx. Xi wħud forsi jaħsbu li m’hemm xejn ħażin imbilli jġibu ruħhom b’mod romantiku maʼ xi ħadd, bħal pereżempju bil-mod kif jiċċaqalqu, bil-ġesti, jew bil-ħars, basta ma jmissux lil xulxin. Imma meta tnejn min-nies jifflertjaw maʼ xulxin, jistgħu jibdew ikollhom ħsibijiet immorali, u dan jistaʼ jwassal għall-immoralità sesswali. Dan ġieli ġara, u jistaʼ jerġaʼ jiġri.

11. X’nitgħallmu minn Ġużeppi?

11 Ġużeppi hu eżempju tajjeb għalina. Il-mara taʼ Potifar ipprovat tħajjar lil Ġużeppi biex imur magħha. Hu m’aċċettax, imma dan ma waqqafhiex milli tipprova twaqqgħu fid-dnub. Kuljum saqsiet lil Ġużeppi “biex ikompli magħha.” (Ġenesi 39:7, 8, 10) Studjuż tal-Bibbja spjega li l-mara taʼ Potifar ittamat li jekk ikunu waħedhom, Ġużeppi kien jiżviluppa xewqa għaliha. Ġużeppi kien determinat li qatt ma jagħtiha l-wiċċ, u ma fflertjax magħha. B’hekk, ma ħalliex ix-xewqat ħżiena jrabbu l-għeruq f’qalbu. U meta qabdet lil Ġużeppi minn ħwejġu u pprovat iġġiegħlu jkollu relazzjonijiet sesswali magħha, hu mill-ewwel “ħalla ħwejġu f’idha u ħarab u telaq ’il barra.”—Ġenesi 39:12.

12. Kif nafu li dak li nħarsu lejh jistaʼ jeffettwa lil qalbna?

12 Ġesù wissiena li dak li nħarsu lejh jistaʼ jeffettwa lil qalbna u joħloq ġo fina xewqat sesswali mhux xierqa. Hu qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Hekk ġralu s-Sultan David. “Minn fuq il-bejt lemaħ mara tinħasel,” u minflok ma dawwar ħarstu mill-ewwel, hu ma qalax għajnejh minn fuqha u baqaʼ jaħseb dwarha. (2 Samwel 11:2) Għalkemm kienet il-mara taʼ raġel ieħor, hu xorta żviluppa xewqa għaliha u kellu relazzjonijiet sesswali magħha.

13. Għala għandna bżonn nagħmlu “patt” m’għajnejna, u kif nistgħu nagħmlu dan?

13 Jekk irridu niċħdu ħsibijiet immorali, għandna bżonn insegwu l-eżempju taʼ Ġob. Hu qal: “Patt m’għajnejja għamilt.” (Ġob 31:1, 7, 9) Bħal Ġob, aħna nistgħu niddeċiedu li qatt ma naħsbu b’mod immorali meta nħarsu lejn xi ħadd. U jekk naraw stampa sesswali fuq il-kompjuter, f’riklam, f’rivista, jew xi mkien ieħor, mill-ewwel għandna ndawru wiċċna.

14. Xi rridu nagħmlu biex nibqgħu safjin?

14 Meta taħseb dwar dak li ddiskutejna, forsi tirrealizza li teħtieġ tagħmel iktar biex tiġġieled kontra x-xewqat immorali. Jekk għandek bżonn tagħmel xi bidliet, agħmilhom bla telf taʼ żmien! Meta tobdi dak li jgħid Ġeħova, tistaʼ tevita l-immoralità sesswali u tibqaʼ safi.—Aqra Ġakbu 1:21-25.

‘SEJJAĦ GĦANDEK LILL-ANZJANI’

15. Jekk qed insibuha diffiċli li niġġieldu kontra x-xewqat ħżiena, għala jkun importanti li nitolbu l-għajnuna t’oħrajn?

15 Jekk qed issibha diffiċli li tiġġieled kontra x-xewqat ħżiena, tkellem maʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni li ilu jaqdi lil Ġeħova għal żmien twil u li jistaʼ jagħtik pariri tajbin mill-Kelma t’Alla. Veru, jaf ma jkunx faċli għalik li titkellem m’oħrajn dwar il-problemi persunali tiegħek, imma hu importanti li titlob l-għajnuna t’oħrajn. (Proverbji 18:1; Ebrej 3:12, 13) Kristjani maturi jistgħu jgħinuk tinduna liema bidliet għandek bżonn tagħmel. Imbagħad, agħmel dawk il-bidliet ħalli tkun tistaʼ tibqaʼ ħabib taʼ Ġeħova.

16, 17. (a) L-anzjani kif jistgħu jgħinu lil dawk li jsibuha diffiċli li jiġġieldu kontra x-xewqat immorali? Agħti eżempju. (b) Għala hu importanti li dawk li jaraw il-pornografija jitolbu l-għajnuna minnufih?

16 L-anzjani fil-kongregazzjoni tagħna huma speċjalment kwalifikati biex jgħinuna. (Aqra Ġakbu 5:13-15.) Għal bosta snin, raġel żagħżugħ fil-Brażil sabha diffiċli li jiġġieled kontra x-xewqat ħżiena. Hu jgħid: “Kont naf li l-ħsibijiet tiegħi ma kinux jogħġbu lil Ġeħova, imma ħassejtni wisq imbarazzat biex ngħid lil ħaddieħor kif kont qed inħossni.” Anzjan intebaħ li dan ir-raġel żagħżugħ kellu bżonn l-għajnuna u inkuraġġieh biex iħalli lill-anzjani jgħinuh. Ir-raġel żagħżugħ jgħid: “Bqajt sorpriż b’kemm l-anzjani ttrattawni b’qalb tajba. Ma ħsibtx li kien jistħoqqli daqstant qalb tajba u li kienu se jifhmuni daqshekk. Taw widen għall-problemi tiegħi. Użaw il-Bibbja biex jassigurawni li Ġeħova jħobbni, u talbu miegħi. Dan għamilha eħfef għalija li naċċetta l-pariri mill-Bibbja li tawni.” Issa li saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova, dan ir-raġel żagħżugħ jgħid: “Qed nirrealizza kemm hu importanti li nfittxu l-għajnuna t’oħrajn minflok ma nipprovaw nieħdu ħsieb il-problemi tagħna waħedna.”

17 Jekk ħadtha drawwa li tara l-pornografija, għandek titlob l-għajnuna minnufih. Iktar ma ddum biex titlob l-għajnuna, iktar se jkun hemm ir-riskju li tikkommetti l-immoralità sesswali. Imbagħad se tweġġaʼ lil ħaddieħor u ġġib tmaqdir fuq isem Ġeħova. Ħafna wħud talbu l-għajnuna tal-anzjani u aċċettaw il-pariri tagħhom biex jogħġbu lil Ġeħova u jibqgħu fil-kongregazzjoni Kristjana.—Salm 141:5; Ebrej 12:5, 6; Ġakbu 1:15.

KUN DETERMINAT LI TIBQAʼ SAFI!

18. X’int determinat li tagħmel?

18 Id-dinja taʼ Satana qed issir iktar u iktar immorali. Imma l-qaddejja taʼ Ġeħova jistinkaw biex iżommu l-ħsibijiet tagħhom nodfa u biex ikunu safjin. Ġeħova hu kburi ħafna b’dawn il-Kristjani. Ejja nibqgħu qrib taʼ Ġeħova u nobdu l-pariri li jagħtina permezz tal-Kelma tiegħu u tal-kongregazzjoni Kristjana. Meta nagħmlu dan, inkunu ferħanin u jkollna kuxjenza nadifa. (Salm 119:5, 6) U fil-futur, wara li jitneħħa Satana, se jkollna l-privileġġ li ngħixu għal dejjem f’dinja li tkun tnaddfet mill-influwenza ħażina tiegħu.