Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Teħtieġ is-sabar’

‘Teħtieġ is-sabar’

META Anita saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, ir-raġel tagħha kien imdejjaq ħafna. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Hu pprova jwaqqafha milli tmur il-laqgħat u ordnalha biex qatt ma ssemmi isem Alla. Meta sempliċement kienet issemmi l-isem Ġeħova, hu kien jirrabja ħafna.

Barra minn hekk, ir-raġel t’Anita ma kienx ikun iridha tgħallem lil uliedhom dwar Ġeħova jew tiħodhom il-laqgħat. Dan kien diffiċli ħafna għaliha għax kellha tipprova tgħin lit-tfal tagħhom bil-moħbi tiegħu.

Bħalma turi l-esperjenza t’Anita, xi ħadd mill-familja tiegħek għandu mnejn jipprova jwaqqfek milli taqdi lil Ġeħova. Jew forsi għandek sitwazzjoni diffiċli oħra. Forsi ilek żmien twil marid. Għandu mnejn ir-raġel, jew il-mara, jew xi ħadd minn uliedek raqad fil-mewt. Inkella forsi xi ħadd mill-familja li int tħobb telaq lil Ġeħova. F’dawn is-sitwazzjonijiet, x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova?

L-appostlu Pawlu qal: “Teħtieġu s-sabar.” (Ebrej 10:36) Allura, x’jistaʼ jgħinek tissaporti?

ITLOB LIL ĠEĦOVA GĦALL-GĦAJNUNA

Meta tkun qed tbati, ftakar li għandek bżonn tistrieħ fuq Ġeħova biex jgħinek tissaporti. Itolbu biex jagħtik l-għajnuna. Hekk għamlet Ana meta żewġha miet ħabta u sabta. Kienu ilhom 30 sena miżżewġin. Ana tgħid: “Qatt ma reġaʼ ġie lura mix-xogħol. Kien għad għandu 52 sena biss.”

Ix-xogħol t’Ana żammha medhija, imma ma taffilhiex l-uġigħ. X’għamlet? Hi tgħid: “Ftaħt qalbi maʼ Ġeħova u tkarrabt biex jgħinni.” Hi taf li Ġeħova għenha għax wara li kienet titlob, kienet tħoss paċi u kalmezza. U hi tgħid: “M’għandi l-ebda dubju li Ġeħova se jġib lura lil żewġi fl-irxoxt.”—Filippin 4:6, 7.

Ġeħova jwiegħed lill-qaddejja tiegħu li hu se jismaʼ t-talb tagħhom. (Salm 65:2) U se jagħtihom kulma għandhom bżonn biex ikomplu jaqduh. Ġeħova se jgħinek tkun leali lejh anki f’sitwazzjonijiet diffiċli.

ŻOMM QRIB TAʼ ĦUTEK IRĠIEL U NISA

Hemm mod ieħor kif Ġeħova jgħinna nissaportu. Hu tana lil ħutna fil-kongregazzjoni. Nistgħu nitgħallmu mill-mod kif l-aħwa f’Tessalonika għenu lil xulxin meta kienu qed jiġu ppersegwitati bl-aħrax. Matul dak iż-żmien, kellhom bżonn b’mod partikulari li jkomplu jinkuraġġixxu lil xulxin. (1 Tessalonikin 2:14; 5:11) Huma għenu lil ħuthom irġiel u nisa biex ikomplu jkunu leali lejn Ġeħova billi ltaqgħu flimkien u billi kienu ħbieb tal-qalb. X’nistgħu nagħmlu biex inżommu l-lealtà bħal dawk f’Tessalonika?

Hemm bżonn li jkollna ħbiberiji mill-qrib maʼ dawk fil-kongregazzjoni u ninkuraġġixxu lil xulxin, speċjalment matul żminijiet diffiċli. (Rumani 14:19) L-appostlu Pawlu sofra minħabba persekuzzjoni u problemi oħra, imma Ġeħova tah is-saħħa biex jissaporti. Pereżempju, Ġeħova uża lil aħwa rġiel u nisa biex jinkuraġġixxu lil Pawlu. L-appostlu qal dwar ħbiebu: “Għalija saru għajnuna li ssaħħaħni.” (Kolossin 4:10, 11) Dawn l-aħwa ħabbew lil Pawlu. Allura, meta kellu bżonn l-għajnuna, huma farrġuh u inkuraġġewh. Forsi tistaʼ taħseb fid-drabi meta ħutek irġiel u nisa fil-kongregazzjoni tiegħek qalu jew għamlu xi ħaġa li inkuraġġietek.

ITLOB L-GĦAJNUNA TAL-ANZJANI

Ġeħova pprovdielek ukoll l-anzjani fil-kongregazzjoni. Dawn l-irġiel jistgħu jinkuraġġuk u jagħtuk pariri tajbin mill-Bibbja. Huma “bħal post taʼ kenn mir-riħ u lqugħ mill-maltempata tax-xita, bħal nixxigħat taʼ l-ilma f’art bla ilma, bħad-dell taʼ blata kbira f’art niexfa.” (Isaija 32:2) Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li dawn l-aħwa huma lesti biex jgħinuna. Allura, meta tkun għaddej minn żminijiet diffiċli, mur għand l-anzjani. Jistgħu jgħinuk tibqaʼ taqdi lil Ġeħova.

Ovvjament, l-anzjani ma jistgħux isolvulek il-problemi kollha. U huma imperfetti bħalek. (Atti 14:15) Imma tistaʼ tħossok aħjar meta tmur għand anzjan u hu jitlob lil Ġeħova dwar il-problema tiegħek. (Ġakbu 5:14, 15) Pereżempju, l-anzjani inkuraġġew lil ħu fl-Italja li ilu ħafna snin ibati bi problema serja taʼ saħħa. Fil-fatt, hu qal: “Dak li għenni nissaporti kienu l-imħabba u l-affezzjoni tal-aħwa flimkien maż-żjajjar frekwenti li kienu jagħmluli.” Jekk qed tbati, Ġeħova jridek titlob lill-anzjani biex jgħinuk.

IFFOKA FUQ LI TAQDI LIL ĠEĦOVA

Meta niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova, se naraw kif Ġeħova jgħinna. Hekk għamel John. Meta kellu 39 sena, sar jaf li kellu kanċer mhux komuni. Hu ħass li ma kienx sew li hu sar tant ma jiflaħx, speċjalment minħabba li kien għadu tant żgħir. U kien qed jinkwieta dwar martu u ibnu, li kien għad għandu tliet snin biss. Hu jgħid: “Marti mhux biss kellha tieħu ħsieb liż-żgħir tagħna imma kellha wkoll tieħu ħsieb lili. Apparti minn hekk, kellha tgħinni bl-appuntamenti mediċi kollha li kelli.” Minħabba li kien qed jieħu kura medika, ħassu għajjien ħafna u kellu problemi bl-istonku. U biex tkompli tgħaxxaqha, John sar jaf li missieru kien qed imut u kellu bżonn min jieħu ħsiebu.

X’għen lil John u familtu matul dan iż-żmien diffiċli? Għalkemm John spiss ħassu għajjien, għamel ċert li l-familja tibqaʼ ffokata fuq li taqdi lil Ġeħova. Hu jgħid: “Morna l-laqgħat kollha, kull ġimgħa ħadna sehem fil-ministeru, u kellna qima bħala familja regulari anki meta kien diffiċli.” John tgħallem kemm kien importanti li jżomm ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova b’saħħitha. Għalkemm għall-ewwel kien ixxokkjat u inkwetat, ma damx biex iħossu iktar kalm. Hu kien jaf li Ġeħova ħabbu u tah is-saħħa meħtieġa. Ġeħova jistaʼ jgħinek bl-istess mod meta tkun inkwetat jew imbeżżaʼ. John jgħid: “Ġeħova jistaʼ jagħmlek b’saħħtek, bħalma għamel lili.”

Meta tkun qed issofri, ftakar fil-kliem taʼ Pawlu: ‘Teħtieġ is-sabar.’ Strieħ fuq Ġeħova billi titlob lilu. Ibqaʼ qrib taʼ ħutek fil-kongregazzjoni, itlob l-għajnuna tal-anzjani, u ibqaʼ ffokat fuq li tqim lil Ġeħova. Hu se jgħinek fi kwalunkwe problema li għandu mnejn ikollok issa jew fi kwalunkwe diffikultà li forsi jkollok fil-futur.

^ par. 2 Xi ismijiet ġew mibdulin.