Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Stinka biex issebbaħ il-ġenna spiritwali

Stinka biex issebbaħ il-ġenna spiritwali

“Se nigglorifika l-post taʼ saqajja.”—ISAIJA 60:13.

GĦANJIET: 102, 75

1, 2. Fl-Iskrittura Ebrajka, il-frażi “banketta għal saqajja” għal xiex tistaʼ tirreferi?

ALLA ĠEĦOVA qal: “Is-smewwiet it-tron tiegħi, u l-art il-banketta għal saqajja.” (Isaija 66:1) Alla kien qed jitkellem dwar ‘il-banketta għal saqajh’ ukoll meta qal: “Se nigglorifika l-post taʼ saqajja.” (Isaija 60:13) Kif jigglorifika, jew isebbaħ, il-banketta għal saqajh? U dan xi jfisser għal dawk li qed jgħixu fuq din il-banketta, jiġifieri, fuq l-art?

2 Fl-Iskrittura Ebrajka, il-frażi “banketta għal saqajja” ntużat ukoll biex tiddeskrivi t-tempju tal-qedem f’Iżrael. (1 Kronaki 28:2; Salm 132:7) It-tempju kien sabiħ ħafna għal Ġeħova għax kien iċ-ċentru tal-qima vera. U kien jintuża biex jigglorifika lil Ġeħova fuq l-art.

3. X’inhu ċ-ċentru tal-qima vera llum, u meta beda jeżisti?

3 X’inhu ċ-ċentru tal-qima vera llum? Mhuwiex xi bini bħalma kien it-tempju. Hu tempju spiritwali, u dan jigglorifika lil Ġeħova iktar milli qatt setaʼ jagħmel kwalunkwe bini. X’inhu t-tempju spiritwali? Hu l-arranġament t’Alla li jagħmilha possibbli għall-bnedmin biex isiru l-ħbieb tiegħu u jqimuh. Huwa biss permezz tal-fidwa taʼ Ġesù li dan l-arranġament sar possibbli. Dan l-arranġament beda fis-sena 29 wara Kristu (WK) meta Ġesù tgħammed u ġie midluk bħala l-Qassis il-Kbir tat-tempju spiritwali taʼ Ġeħova.—Ebrej 9:11, 12.

In-nies taʼ Ġeħova għandhom ifaħħruh issa stess

4, 5. (a) L-aduraturi veri taʼ Ġeħova xi jridu jagħmlu skont Salm 99? (b) Liema mistoqsija għandna nsaqsu lilna nfusna?

4 Aħna tassew grati għall-arranġament t’Alla għall-qima vera. Nuru l-gratitudni tagħna billi ngħidu lil oħrajn dwar l-isem taʼ Ġeħova u l-għotja tal-għaġeb tiegħu tal-fidwa. Aħna eċċitati li hemm iktar minn tmien miljun Kristjan veru li qed ifaħħru lil Ġeħova kuljum! Filwaqt li ħafna nies reliġjużi b’mod żbaljat jaħsbu li se jfaħħru lil Alla fis-sema wara li jmutu, in-nies taʼ Ġeħova jafu kemm hu importanti li jfaħħruh issa stess.

5 Meta nfaħħru lil Ġeħova, inkunu qed nimitaw l-eżempju tal-qaddejja leali t’Alla li jissemmew f’Salm 99:1-3, 5-7. (Aqra.) Irġiel leali bħal Mosè, Aron, u Samwel appoġġaw għalkollox l-arranġament t’Alla għall-qima vera fl-imgħoddi. Illum il-ġurnata, qabel ma l-midlukin fuq l-art jibdew jaqdu maʼ Ġesù bħala qassisin fis-sema, huma b’lealtà jaqdu lil Ġeħova fil-parti tat-tempju spiritwali fuq l-art. Miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” b’lealtà jgħinuhom. (Ġwanni 10:16) Iż-żewġ gruppi jqimu lil Ġeħova f’unità. Però, għandna nsaqsu lilna nfusna mistoqsija persunali, ‘Jien qed nappoġġa għalkollox l-arranġament t’Alla għall-qima vera?’

NIDENTIFIKAW LIL DAWK LI JAQDU FIT-TEMPJU SPIRITWALI T’ALLA

6, 7. (a) Liema problema tfaċċat fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu? (b) X’ġara sal-1919?

6 Inqas minn 100 sena wara li ġiet stabbilita l-kongregazzjoni Kristjana, tfaċċat l-apostasija, bħalma kien ġie mbassar. (Atti 20:28-30; 2 Tessalonikin 2:3, 4) Wara dak iż-żmien, sar iktar u iktar diffiċli biex jiġu identifikati l-aduraturi veri t’Alla. Għaddew 1,800 sena qabel ma Ġeħova uża lil Ġesù, li kien għadu kif ġie maħtur bħala Sultan, biex jidentifika min verament kien qed jaqdi lil Alla fit-tempju spiritwali Tiegħu.

7 Sas-sena 1919, dawk li kienu approvati minn Alla u li kienu qed jaqdu fit-tempju spiritwali tiegħu kienu ġew identifikati b’mod ċar. Kienu għamlu aġġustamenti ħalli l-qima tagħhom tkun saħansitra iktar aċċettabbli għal Ġeħova. (Isaija 4:2, 3; Malakija 3:1-4) Għalhekk, bdiet titwettaq viżjoni li kellu l-appostlu Pawlu ħafna mijiet taʼ snin qabel.

8, 9. X’inhi “l-ġenna” li ra Pawlu f’viżjoni?

8 Il-viżjoni taʼ Pawlu tiġi deskritta fit-2 Korintin 12:1-4. (Aqra.) F’dik il-viżjoni, Ġeħova wera lil Pawlu xi ħaġa li kienet se teżisti fil-futur. Imma x’inhi “l-ġenna” li ra Pawlu? Din il-ġenna tirreferi għal tliet affarijiet differenti. Tirreferi għall-Ġenna letterali li daqt se jkun hawn fuq l-art. (Luqa 23:43) Tirreferi wkoll għall-ġenna spiritwali li se titgawda bis-sħiħ fid-dinja l-ġdida. U minbarra dan, tirreferi għall-“ġenna t’Alla,” jiġifieri, il-privileġġ meraviljuż taʼ li wieħed ikun fil-preżenza taʼ Ġeħova fis-sema.—Rivelazzjoni 2:7.

9 Iżda, Pawlu għala qal li kien “semaʼ kliem li ma jitlissinx u li skond il-liġi ebda bniedem ma jistaʼ jgħidu”? Għax kien għadu mhux il-waqt biex jispjega bid-dettall l-affarijiet rimarkevoli li kien ra fil-viżjoni. Imma llum, Ġeħova jħallina ngħidu lil oħrajn dwar il-barkiet li n-nies tiegħu qed igawdu issa stess!

10. Il-ġenna spiritwali u t-tempju spiritwali għala mhumiex l-istess ħaġa?

10 Spiss nitkellmu dwar il-ġenna spiritwali, imma x’inhi eżattament? Hi atmosfera, jew, kundizzjoni speċjali taʼ paċi li Alla jagħti lin-nies tiegħu. Allura l-ġenna spiritwali u t-tempju spiritwali mhumiex l-istess ħaġa. It-tempju spiritwali hu l-arranġament t’Alla għall-qima vera. Il-ġenna spiritwali tidentifika b’mod ċar lil dawk li huma approvati minn Alla u li jqimuh fit-tempju spiritwali tiegħu.—Malakija 3:18.

11. Liema privileġġ għandna llum?

11 Kemm hu eċċitanti li nkunu nafu li sa mill-1919, Ġeħova ħalla lil bnedmin imperfetti jikkultivaw, isaħħu, u jkabbru l-ġenna spiritwali. Qed tgħin int f’dan ix-xogħol mill-isbaħ? Tapprezza l-privileġġ li taħdem maʼ Ġeħova biex tigglorifikah fuq l-art?

ĠEĦOVA QED ISEBBAĦ L-ORGANIZZAZZJONI TIEGĦU

12. It-twettiq taʼ Isaija 60:17 minn xiex jikkonvinċina? (Ara l-ewwel stampa.)

12 Il-profeta Isaija bassar li ħafna bidliet u aġġustamenti tal-għaġeb kienu se jseħħu fil-parti tal-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art. (Aqra Isaija 60:17.) Kristjani li għadhom żgħar jew li huma ġodda qraw biss jew semgħu biss dwar dawn l-affarijiet. Imma hemm ħafna aħwa rġiel u nisa li kellhom il-privileġġ li jesperjenzaw dawn l-aġġustamenti tal-għaġeb! Dawn il-qaddejja leali huma konvinti li Alla qed juża s-Sultan tagħna, Ġesù, biex jiggwida u jidderieġi l-organizzazzjoni Tiegħu! Meta nisimgħu l-esperjenzi taʼ dawn il-Kristjani għeżież, il-fidi u l-fiduċja tagħna f’Ġeħova se jissaħħu.

Il-ġenna spiritwali tirreferi għall-atmosfera speċjali taʼ paċi fost il-Kristjani llum

13. Skont Salm 48:12-14, x’għandna nagħmlu?

13 Il-Kristjani veri kollha għandhom jgħidu lil oħrajn dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hu miraklu li għalkemm ngħixu fid-dinja mill-agħar taʼ Satana, għandna fratellanza paċifika u magħquda! B’ferħ irridu ngħidu “lill-ġenerazzjoni tal-futur” dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, jiġifieri Sijon, u dwar il-ġenna spiritwali!—Aqra Salm 48:12-14.

14, 15. Liema aġġustamenti saru wara l-1970, u l-organizzazzjoni kif ibbenefikat?

14 Ħafna wħud akbar fl-età fil-kongregazzjonijiet tagħna esperjenzaw aġġustamenti li sebbħu l-parti tal-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art. Huma jiftakru meta l-kongregazzjonijiet kellhom qaddej tal-kongregazzjoni minflok ġemgħa tal-anzjani, meta l-pajjiżi kellhom qaddej tal-fergħa minflok Kumitat tal-Fergħa, jew meta l-president tal-Watch Tower Society kien jagħti d-direzzjoni minflok il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Avolja dawn l-aħwa kollha kellhom assistenti leali, xorta waħda individwu wieħed bażikament kien responsabbli biex jieħu d-deċiżjonijiet fil-kongregazzjonijiet, fl-uffiċċji tal-fergħa, jew fil-kwartieri ġenerali. Wara l-1970, saru aġġustamenti sabiex gruppi t’anzjani jkollhom ir-responsabbiltà li jieħdu d-deċiżjonijiet minflok individwu wieħed.

15 Dawn l-aġġustamenti għala kienu taʼ benefiċċju għall-organizzazzjoni? Għax kienu bbażati fuq fehma aħjar tal-Iskrittura. Minflok ma jkun hemm individwu wieħed li jieħu d-deċiżjonijiet kollha, l-organizzazzjoni tibbenefika mill-kwalitajiet tajbin tal-anzjani kollha, li huma “rġiel bħala għotjiet” mingħand Ġeħova.—Efesin 4:8; Proverbji 24:6.

Ġeħova qed jagħti lin-nies madwar id-dinja kollha l-gwida li għandhom bżonn fil-ħajja (Ara paragrafi 16, 17)

16, 17. Liema aġġustamenti reċenti impressjonawk, u għala?

16 Aħseb dwar ftit mill-aġġustamenti li kellna fil-letteratura tagħna dan l-aħħar. Aħna nieħdu pjaċir noffru letteratura t’għajnuna u li tiġbed l-għajn meta nkunu fil-ministeru. Aħseb ukoll dwar kif nużaw teknoloġija ġdida biex inxandru l-aħbar tajba. Pereżempju, il-Websajt jw.org tilħaq lil ħafna iktar nies ħalli jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna li tassew jeħtieġu. F’dawn l-aġġustamenti kollha, naraw l-interess profond li Ġeħova għandu fin-nies u naraw l-imħabba li għandu għalihom.

Aħna grati għat- taħriġ li nirċievu mill-ħafna skejjel Bibliċi li għandna

17 Napprezzaw ukoll l-aġġustamenti li saru fil-laqgħat tagħna ħalli jkollna l-ħin għall-qima bħala familja jew għall-istudju persunali. U napprezzaw il-bidliet li saru fil-programmi tal-assembleat u l-konvenzjonijiet tagħna. Donnu minn sena għal sena jmissulna qalbna iktar! Aħna grati wkoll għat-taħriġ li nirċievu mill-ħafna skejjel Bibliċi li għandna. F’dawn l-aġġustamenti kollha, jidher ċar daqs il-kristall li Ġeħova qed jidderieġi l-organizzazzjoni tiegħu u li qed ikompli jsebbaħ il-ġenna spiritwali!

KIF AĦNA NISTGĦU NGĦINU BIEX INSEBBĦU L-ĠENNA SPIRITWALI

18, 19. Kif nistgħu ngħinu biex insebbħu l-ġenna spiritwali?

18 Ġeħova tana l-privileġġ li ngħinu biex insebbħu l-ġenna spiritwali tagħna. Imma kif nistgħu nagħmlu dan? Billi b’żelu nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u nagħmlu iktar dixxipli. Kull darba li ngħinu lil xi ħadd isir qaddej t’Alla, inkunu qed ngħinu biex il-ġenna spiritwali tikber.—Isaija 26:15; 54:2.

19 Ukoll, nistgħu ngħinu biex insebbħu l-ġenna spiritwali meta nistinkaw ħalli ntejbu l-personalità Kristjana tagħna. Dan jgħin biex il-ġenna spiritwali tkun iktar attraenti għal ħaddieħor. Normalment, ma jkunx biss l-għarfien li għandna tal-Bibbja li l-ewwel jiġbed lin-nies lejn l-organizzazzjoni u mbagħad lejn Ġeħova u Ġesù imma l-kondotta nadifa u paċifika tagħna.

Int tistaʼ tgħin biex il-ġenna spiritwali tikber (Ara paragrafi 18, 19)

20. Skont Proverbji 14:35, x’għandha tkun ix-xewqa tagħna?

20 Min jaf kemm jieħdu gost Ġeħova u Ġesù meta jaraw il-ġenna spiritwali tagħna llum! Il-ferħ li nħossu issa għax qed insebbħuha hu biss eżempju żgħir tal-ferħ li se nħossu iktar ’il quddiem meta naħdmu biex inbiddlu l-art f’ġenna letterali. Dejjem għandna niftakru l-kliem taʼ Proverbji 14:35, li jgħid: “Sultan jieħu pjaċir b’qaddej li qed jaġixxi bid-dehen.” Ejja nkunu għaqlin hekk kif nistinkaw biex insebbħu l-ġenna spiritwali!