Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Qorob il-ħelsien tagħkom”!

“Qorob il-ħelsien tagħkom”!

“Qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-ħelsien tagħkom.”—LUQA 21:28.

GĦANJIET: 133, 43

1. Liema ġrajjiet seħħew fis-sena 66 WK? (Ara l-ewwel stampa.)

IMMAĠINA li kont Kristjan li qed jgħix f’Ġerusalemm fis-sena 66 WK. Kienu qed jiġru ħafna affarijiet f’dan iż-żmien. Uffiċjal Ruman jismu Floru kien seraq 17-il talent mit-teżor tat-tempju. Il-Lhud mill-ewwel irrabjaw ferm. Qatlu ħafna suldati Rumani u ddikjaraw li huma indipendenti minn Ruma. Imma Ruma ma kinitx se tħallihom jgħadduha lixxa. Fi żmien tliet xhur, 30,000 suldat immexxijin minn Ċestju Gallu kienu dawru lil Ġerusalemm. Ir-ribelli Lhud inħbew fit-tempju, imma s-suldati Rumani eventwalment waslu ħdejn is-sur taʼ barra tat-tempju u pprovaw iwaqqgħuh. Kull min kien fil-belt beda jippanikja. Kif kont tħossok hekk kif tara dan kollu jiżvolġi quddiem għajnejk?

2. Il-Kristjani x’kellhom jagħmlu meta raw is-suldati Rumani jdawru l-belt tagħhom, u dan kif kien possibbli?

2 Int tiftakar li snin qabel, Ġesù kien wissa lid-dixxipli tiegħu dwar din il-ġrajja u kien ta dawn l-istruzzjonijiet: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-ħerba tagħha. Imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha, u dawk li jkunu fil-kampanja ħa ma jidħlux fiha.” (Luqa 21:20, 21) Imma kif se jkun possibbli għalik li tobdi l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù biex titlaq minn Ġerusalemm meta hemm is-suldati madwar il-belt? Imbagħad, tiġri xi ħaġa tal-għaġeb. L-armata Rumana titlaq minn Ġerusalemm ħabta u sabta! Bħalma kien qal Ġesù, l-attakk ‘tqassar’ għax twaqqaf għal ftit. (Mattew 24:22) Issa li kienet telqet l-armata, kellek l-opportunità li tobdi lil Ġesù billi minnufih taħrab lejn il-muntanji flimkien mal-Kristjani leali l-oħra kollha. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Iktar tard, fis-sena 70 WK, armata Rumana oħra tirritorna Ġerusalemm. Din id-darba, teqred lill-belt. Imma peress li int obdejt l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù, salvajt.

3. Il-Kristjani liema sitwazzjoni simili se jesperjenzaw dalwaqt, u x’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 It-twissija u l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù japplikaw ukoll għal żmienna. Fi żmien tassew qasir, se nsibu ruħna f’sitwazzjoni simili. Ġesù uża l-ġrajjiet fl-ewwel seklu biex jispjega x’kien se jiġri meta f’daqqa waħda tibda t-‘tribulazzjoni l-kbira.’ (Mattew 24:3, 21, 29) Bħalma kien hemm Kristjani leali li salvaw mill-qerda taʼ Ġerusalemm, hekk ukoll se jkun hemm “folla kbira” li se ssalva mid-diżastru globali li riesaq. (Aqra Rivelazzjoni 7:9, 13, 14.) Hu importanti ħafna li nifhmu dak li tgħidilna l-Bibbja dwar dawn il-ġrajjiet futuri. Għala? Għax hemm ħajjitna fin-nofs. Għalhekk, ejja niddiskutu kif dawn il-ġrajjiet se jeffettwawna persunalment.

IL-BIDU TAT-TRIBULAZZJONI L-KBIRA

4. Kif se tibda t-tribulazzjoni l-kbira?

4 Kif se tibda t-tribulazzjoni l-kbira? Bil-qerda tar-reliġjon falza. Fil-Bibbja, ir-reliġjon falza tiġi msejħa “Babilonja l-Kbira, omm il-prostituti.” (Rivelazzjoni 17:5-7) Ir-reliġjon falza għala tiġi msejħa prostituta? Għax il-kleru tagħha ma kienx leali lejn Alla. Minflok m’appoġġa b’lealtà lil Ġesù u s-Saltna tiegħu, il-kleru appoġġa l-gvernijiet umani u injora t-tagħlim tal-Bibbja ħalli jkollu iktar poter. Il-qima tal-kleru mhix bħall-qima nadifa tal-midlukin. (2 Korintin 11:2; Ġakbu 1:27; Rivelazzjoni 14:4) Imma min se jeqred lil Babilonja l-Kbira? Ġeħova se jġiegħel lill-“għaxart iqrun” tal-“bhima salvaġġa lewn l-iskarlat . . . iwettqu l-ħsieb tiegħu.” Il-“bhima salvaġġa lewn l-iskarlat” tirrappreżenta l-Ġnus Magħquda, u “l-għaxart iqrun” jirrappreżentaw il-qawwiet politiċi kollha li jappoġġawha.—Aqra Rivelazzjoni 17:3, 16-18.

5, 6. Għala ngħidu li l-qerda taʼ Babilonja l-Kbira ma tfissirx il-mewt tal-membri kollha tagħha?

5 Se jinqatlu l-membri kollha tar-reliġjon falza meta Babilonja l-Kbira tiġi meqruda? Le. Ġeħova nebbaħ lill-profeta Żakkarija biex jikteb dwar x’se jiġri. F’dak iż-żmien, xi ħadd li darba kien parti mir-reliġjon falza se jgħid: “‘M’iniex profeta. Jien raġel li qed naħdem l-art, għax bniedem xtrani bi lsir sa minn żgħożiti ’l quddiem.’ U jintqallu, ‘X’inhuma dawn il-feriti li għandek bejn spallejk?’ U hu se jkollu jgħid, ‘Indrabt bihom fid-dar taʼ dawk li jħobbuni bil-kbir.’” (Żakkarija 13:4-6) Allura anke l-mexxejja reliġjużi se jagħmlu tabirruħhom li mhumiex reliġjużi u se jgħidu li qatt ma kienu parti minn dawn ir-reliġjonijiet foloz.

6 X’se jiġri lin-nies t’Alla matul dak iż-żmien? Ġesù jispjega: “Fil-fatt, kieku dawk il-jiem ma jitqassrux, ebda bniedem ma jiġi salvat; imma minħabba l-magħżulin dawk il-jiem jitqassru.” (Mattew 24:22) Fis-sena 66 WK, it-tribulazzjoni f’Ġerusalemm ‘tqassret.’ Dan ta ċans biex “il-magħżulin,” jew, il-Kristjani midlukin, jaħarbu. B’mod simili, l-ewwel parti tat-tribulazzjoni l-kbira se ‘titqassar’ minħabba “l-magħżulin.” Il-qawwiet politiċi, jew, “l-għaxart iqrun,” mhux se jitħallew jeqirdu lin-nies t’Alla. Minflok, se jkun hemm perijodu qasir taʼ kalmezza wara li jispiċċa l-ewwel attakk, jiġifieri wara l-qerda tar-reliġjonijiet foloz kollha.

ŻMIEN TAʼ PROVA U ĠUDIZZJU

7, 8. (a) Liema opportunità se jkun hemm wara l-qerda tar-reliġjon falza? (b) In-nies t’Alla kif se jkunu differenti min-nies l-oħra kollha f’dak iż-żmien?

7 X’se jiġri wara l-qerda tar-reliġjon falza? Se jkun iż-żmien biex nuru x’verament hemm ġo qalbna. F’dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira mill-bnedmin se jipprovaw jiksbu l-protezzjoni u l-għajnuna mingħand organizzazzjonijiet umani, “il-blat tal-muntanji.” (Rivelazzjoni 6:15-17) Imma n-nies taʼ Ġeħova se jduru lejh għall-protezzjoni. Meta l-attakk ‘tqassar’ fl-ewwel seklu, dan ma kienx iż-żmien biex il-Lhud kollha f’daqqa waħda jaqilbu r-reliġjon u jsiru Kristjani. Minflok, kien iż-żmien biex dawk li ġa kienu Kristjani jaħarbu minn Ġerusalemm bħalma kien qalilhom Ġesù. B’mod simili fil-futur, meta l-attakk kontra Babilonja l-Kbira ‘jitqassar,’ ma nistgħux nistennew li ħafna nies f’daqqa waħda se jikkonvertu għall-Kristjanità vera. Minflok, dan se jkun opportunità għall-aduraturi veri kollha biex juru biċ-ċar li jħobbu lil Ġeħova u biex jappoġġaw lill-midlukin.—Mattew 25:34-40.

Se jkollna opportunità biex nuru biċ-ċar li nħobbu lil Ġeħova u biex nappoġġaw lill-midlukin

8 Ma nafux eżatt x’se jiġri matul dak iż-żmien taʼ prova. Madanakollu, nistennew li l-ħajja mhix se tkun faċli u li se jkollna bżonn nagħmlu sagrifiċċji. Fl-ewwel seklu, il-Kristjani kellhom jitilqu djarhom u jissaportu d-diffikultajiet sabiex isalvaw. (Marku 13:15-18) Għandna nsaqsu lilna nfusna: ‘Lest jien li nħalli warajja l-affarijiet materjali? Lest li nagħmel kulma hemm bżonn ħalli nibqaʼ leali lejn Ġeħova?’ Aħseb ftit! F’dak iż-żmien, se nkunu l-uniċi nies li jkunu qed jaqdu lill-Alla tagħna jiġri x’jiġri, bħalma għamel il-profeta Danjel.—Danjel 6:10, 11.

Se jkun wasal żmien “it-tmiem”!

9, 10. (a) In-nies t’Alla liema messaġġ se jxandru matul it-tribulazzjoni l-kbira? (b) L-għedewwa tan-nies t’Alla kif se jirreaġixxu?

9 Mhux se jkun il-waqt li nippritkaw “l-aħbar tajba tas-saltna” matul it-tribulazzjoni l-kbira. Se jkun għadda ż-żmien biex inxandru dan il-messaġġ. Se jkun wasal żmien “it-tmiem”! (Mattew 24:14) In-nies t’Alla bil-qlubija se jxandru messaġġ qawwi taʼ ġudizzju li se jeffettwa lin-nies kollha. Il-messaġġ jistaʼ jkun li d-dinja mill-agħar taʼ Satana waslet biex tinqered għalkollox. Il-Bibbja tqabbel dan il-messaġġ maʼ silġ meta tgħid: “Silġ oħxon b’kull silġa tiżen madwar talent niżel mis-sema fuq il-bnedmin, u l-bnedmin dgħaw b’Alla minħabba l-kastig tas-silġ, għax il-kastig kien kbir b’mod mhux tas-soltu.”—Rivelazzjoni 16:21.

10 L-għedewwa tagħna se jisimgħu dan il-messaġġ qawwi. Ġeħova nebbaħ lill-profeta Eżekjel biex jispjega kif grupp taʼ ġnus, li fil-Bibbja jissejjaħ Gog taʼ Magog, se jirreaġixxi: “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘U jiġri dakinhar li f’qalbek jiġuk xi ħsibijiet, u int taħseb fi pjan taʼ ħsara; u tgħid: “Se nitlaʼ kontra l-pajjiż li jinsab fil-kampanja miftuħa. Nidħol fuq dawk li qegħdin fil-kwiet, li jgħammru fis-sigurtà, ilkoll jgħammru mingħajr swar, u lanqas biss għandhom staneg u bibien.” Dan se tagħmlu biex taħtaf priża kbira u biex tisraq ħafna, sabiex terfaʼ idek fuq postijiet imħarbtin li ġew mgħammrin mill-ġdid u fuq poplu miġbur mill-ġnus, wieħed li qed jiġmaʼ għana u proprjetà, dawk li qed jgħammru fiċ-ċentru taʼ l-art.’” (Eżekjel 38:10-12) F’sens spiritwali, in-nies t’Alla se jispikkaw bħala li huma differenti min-nies l-oħra kollha, bħallikieku qed “jgħammru fiċ-ċentru taʼ l-art.” Meta jaraw dan, il-ġnus mhux se jkunu kapaċi jżommu lura iktar. Iva, se jkunu ħerqanin biex jattakkaw lill-midlukin taʼ Ġeħova u lil dawk li jappoġġawhom.

11. (a) Xi rridu niftakru dwar l-ordni taʼ kif se jiġru l-affarijiet matul it-tribulazzjoni l-kbira? (b) In-nies kif se jirreaġixxu meta jaraw is-sinjali?

11 Imbagħad x’se jiġri? Il-Bibbja ma tgħidilniex l-ordni eżatt taʼ kif se jiġru l-affarijiet, imma xi ġrajjiet probabbli se jiġru fl-istess ħin. Fil-profezija tiegħu dwar il-konklużjoni taʼ din is-sistema, Ġesù qal: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb, u fuq l-art diqa tal-ġnus, li ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-għajat u t-taqlib tal-baħar, waqt li n-nies iħosshom ħażin bil-biżaʼ u bl-istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-art abitata; għax il-qawwiet tas-smewwiet jitheżżu. U mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba b’qawwa u glorja kbira.” (Luqa 21:25-27; aqra Marku 13:24-26.) Se jinkludi t-twettiq taʼ din il-profezija sinjali tal-biżaʼ u ġrajjiet fis-sema? Ma nafux, irridu nistennew u mbagħad insiru nafu. Però, dak li nafu hu li meta l-għedewwa t’Alla jaraw dawn is-sinjali se jitwerwru u jippanikjaw.

Nistgħu nkunu fiduċjużi għax nafu li se nsalvaw! (Ara paragrafi 12, 13)

12, 13. (a) X’se jiġri meta Ġesù jiġi “b’qawwa u glorja kbira”? (b) Il-qaddejja t’Alla kif se jirreaġixxu f’dak iż-żmien?

12 X’se jiġri meta Ġesù jiġi “b’qawwa u glorja kbira”? Hu se jippremja lil dawk li huma leali u jikkastiga lil dawk li mhumiex. (Mattew 24:46, 47, 50, 51; 25:19, 28-30) Ġesù uża tixbiha biex jispjega dan b’iktar dettall. Hu qal: “Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu. U l-ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-nies, wieħed mill-ieħor, bħalma ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż. U jpoġġi lin-nagħaġ fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.” (Mattew 25:31-33) X’se jiġri min-nagħaġ u l-mogħoż? Se jiġu ġġudikati. Il-mogħoż, jew l-uħud żleali, se “jmorru fil-qtugħ taʼ dejjem.” Imma n-nagħaġ, jew l-uħud leali, se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.—Mattew 25:46.

13 Il-mogħoż kif se jirreaġixxu meta jindunaw li se jinqerdu? Se “jibku u jħabbtu fuq sidirhom.” (Mattew 24:30) Imma l-midlukin u dawk li jappoġġawhom kif se jirreaġixxu? Se jagħmlu dak li qal Ġesù: “Malli jibdew iseħħu dawn l-affarijiet, qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-ħelsien tagħkom.”—Luqa 21:28.

JIDDU FIS-SALTNA

14, 15. Liema xogħol taʼ ġbir se jkun hemm wara li jibda l-attakk taʼ Gog taʼ Magog, u dan kif se jiġri?

14 X’se jiġri wara li Gog taʼ Magog jibda jattakka n-nies t’Alla? Il-Bibbja tgħid li Bin il-bniedem se “jibgħat lill-anġli u jiġbor flimkien lill-magħżulin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.” (Marku 13:27; Mattew 24:31) Dan ix-xogħol taʼ ġbir ma jirreferix għall-ewwel immarkar bis-siġill tal-Kristjani, li beda f’Pentekoste tas-sena 33 WK. U lanqas ma jirreferi għall-aħħar immarkar bis-siġill tal-midlukin li għad hawn fuq l-art. (Mattew 13:37, 38) Dan l-immarkar bis-siġill se jsir eżatt qabel ma tibda t-tribulazzjoni l-kbira. (Rivelazzjoni 7:1-4) Allura, x’inhu dan ix-xogħol taʼ ġbir? Hu ż-żmien meta l-midlukin li jkun għad hawn fuq l-art jirċievu l-premju tagħhom u jitilgħu fis-sema. (1 Tessalonikin 4:15-17; Rivelazzjoni 14:1) Din il-ġrajja se sseħħ xi żmien wara li jibda l-attakk taʼ Gog taʼ Magog. (Eżekjel 38:11) Imbagħad, bħalma qal Ġesù, “in-nies sewwa jiddu bħax-xemx fis-saltna taʼ Missierhom.”Mattew 13:43. * (Ara n-nota taʼ taħt.)

15 Ħafna nies fil-Kristjaneżmu jemmnu li l-Kristjani se jittieħdu fis-sema f’ġisem uman. Ukoll, jaħsbu li se jaraw lil Ġesù jirritorna b’mod viżibbli biex imexxi l-art. Iżda, il-Bibbja turi b’mod ċar li Ġesù se jirritorna b’mod inviżibbli meta tgħid: “Jidher fis-sema s-sinjal taʼ Bin il-bniedem” u, Ġesù se jiġi “fuq is-sħab tas-sema.” (Mattew 24:30) Il-Bibbja tgħid ukoll li “l-laħam u d-demm ma jistgħux jirtu s-saltna t’Alla.” Għalhekk, dawk li jittieħdu fis-sema jridu l-ewwel ‘jitbiddlu, f’mument, f’ħakka t’għajn, matul l-aħħar trumbetta.’ * (Ara n-nota taʼ taħt.) (Aqra l-1 Korintin 15:50-53.) Il-midlukin leali li jkun għad hawn fuq l-art se jinġabru flimkien f’daqqa.

16, 17. Xi jrid jiġri qabel iż-żwieġ tal-Ħaruf?

16 Ladarba l-144,000 kollha jkunu fis-sema, jistgħu jinbdew l-aħħar preparazzjonijiet għat-tieġ tal-Ħaruf. (Rivelazzjoni 19:9) Imma trid tiġri xi ħaġ’oħra qabel din il-ġrajja eċċitanti. Tinsiex li Gog se jattakka lin-nies t’Alla waqt li l-fdal tal-midlukin ikunu għadhom hawn fuq l-art. (Eżekjel 38:16) In-nies t’Alla kif se jirreaġixxu? Se jobdu dawn l-istruzzjonijiet: “Ma jkollkomx għalfejn tiġġieldu din id-darba. Ħudu postkom, tiċċaqalqux u araw is-salvazzjoni minn Ġeħova għan-nom tagħkom. . . . Tibżgħux u titwerwrux.” (2 Kronaki 20:17) Xi żmien wara li jibda l-attakk taʼ Gog, dawk kollha mill-midlukin li jkun għad hawn fuq l-art se jittieħdu fis-sema. Imbagħad Rivelazzjoni 17:14 jgħidilna dwar ir-reazzjoni fis-sema għall-attakk taʼ Gog. L-għedewwa tan-nies t’Alla se “jitqabdu mal-Ħaruf, imma, peress li hu Sid tas-sidien u Sultan tas-slaten, il-Ħaruf jirbħilhom. Anki dawk li huma msejħin u magħżulin u leali miegħu jirbħulhom.” B’hekk, Ġesù, flimkien mal-144,000 sultan midluk fis-sema, se jeħles lin-nies t’Alla hawn fuq l-art.

17 Dan se jwassal għall-gwerra t’Armageddon, li se ġġib glorja lill-isem qaddis taʼ Ġeħova. (Rivelazzjoni 16:16) Dawk kollha li jiġu ġġudikati bħala li huma mogħoż, jew bħala li huma żleali, se jinqerdu. Mhux se jkun hemm iktar ħażen fuq l-art, u l-‘folla l-kbira’ se tgħaddi ħajja minn Armageddon. Fl-aħħar, jistaʼ jseħħ it-tmiem eċċitanti tal-ktieb tar-Rivelazzjoni—iż-żwieġ tal-Ħaruf! (Rivelazzjoni 21:1-4) * (Ara n-nota taʼ taħt.) Dawk kollha fuq l-art li jibqgħu ħajjin se jgawdu l-approvazzjoni t’Alla u se jesperjenzaw l-imħabba u l-ġenerożità kbira tiegħu. Għandna sebaʼ mitt sena biex jasal dak iż-żmien. Kemm se nieħdu pjaċir b’din il-festa tat-tieġ!—Aqra t-2 Pietru 3:13.

18. Meta nqisu l-ġrajjiet eċċitanti li dalwaqt se nesperjenzaw, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

18 Meta nqisu dawn il-ġrajjiet eċċitanti li dalwaqt se nesperjenzaw, kull wieħed u waħda minna x’għandu jagħmel issa? Ġeħova nebbaħ lill-appostlu Pietru biex jikteb: “Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-mod, oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova . . . B’hekk, maħbubin, ladarba qed tistennew dawn l-affarijiet, agħmlu l-almu tagħkom biex fl-aħħar isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-paċi.” (2 Pietru 3:11, 12, 14) Għaldaqstant, ejja nkunu determinati li nżommu l-qima tagħna nadifa, mingħajr ebda konnessjoni mar-reliġjon falza, u nappoġġaw lis-Sultan tal-Paċi, Ġesù Kristu.

^ par. 15 L-iġsma fiżiċi tal-midlukin li jkunu ħajjin f’dak iż-żmien mhux se jittieħdu fis-sema. (1 Korintin 15:48, 49) X’aktarx li ġisimhom se jisparixxi bl-istess mod kif sparixxa taʼ Ġesù.

^ par. 17 Salm 45 ukoll jagħti xi dettalji tal-ordni kif se jseħħu l-ġrajjiet. L-ewwel, is-Sultan jiġġieled il-gwerra, u mbagħad ikun hemm iż-żwieġ.