Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Il-fatt li ftakart fl-ewwel imħabba tiegħi għenni nissaporti

Il-fatt li ftakart fl-ewwel imħabba tiegħi għenni nissaporti

F’ĠUNJU tal-1970, kont f’sodda tal-isptar f’Pennsylvania, l-Istati Uniti. Kont suldat t’20 sena u kelli infezzjoni serja. Infermier kien qed jiċċekkjali l-pressjoni tad-demm kull nofs siegħa. L-infermier, li kien biss ftit snin akbar minni, deher inkwetat. Hekk kif il-pressjoni tad-demm tiegħi baqgħet titbaxxa, għedtlu, “Naħseb int qatt ma rajt lil xi ħadd imut, hux?” Wiċċu bjad, u wieġeb, “Le.” Deher li kont se mmut, imma rpiljajt. Ħa ngħidilkom ftit mill-istorja taʼ ħajti.

L-EWWEL ESPERJENZI TIEGĦI TAL-GWERRA

Imradt meta kont qed naħdem bħala technician f’kamra tal-operazzjonijiet matul il-gwerra fil-Vjetnam. Kont nieħu pjaċir ngħin lill-morda u lil dawk feruti, u l-mira tiegħi kienet li nsir kirurgu. Wasalt il-Vjetnam f’Lulju tal-1969. Bħas-suldati ġodda kollha, ingħatajt ġimgħa biex nidra d-differenza fil-ħin u s-sħana.

Ġejt inkarigat naħdem fi sptar tas-suldati fid-Delta Mekong. Ħafna ħelikopters kienu jġibu lil suldati feruti l-isptar. Kont inħobb il-pajjiż tiegħi u kont inħobb naħdem, u allura ridt ngħin lin-nies taʼ pajjiżi bla telf taʼ żmien. Is-suldati mweġġgħin kienu jiġu ppreparati għall-operazzjoni u mbagħad kienu jintbagħtu f’kontejners żgħar tal-metall bl-arja kundizzjonata. Dawn il-kontejners kienu jintużaw bħala kmamar tal-operazzjoni. Kirurgu, anestetista, u żewġ infermieri għamlu ħilithom biex isalvaw il-ħajjiet. Innotajt li kien hemm boroż suwed kbar fuq il-ħelikopters li ma kinux iħottuhom. Intqalli li ġo dawk il-boroż kien hemm partijiet mill-iġsma tas-suldati, dak li kien fadal minnhom wara l-battalja. Din kienet waħda mill-ewwel esperjenzi tiegħi tal-gwerra.

IT-TFITTXIJA TIEGĦI GĦAL ALLA

L-ewwel darba li smajt l-aħbar tajba kont għadni żgħir

L-ewwel darba li smajt il-verità mix-Xhieda taʼ Ġeħova kont għadni żgħir. Ommi studjat il-Bibbja max-Xhieda, imma qatt ma tgħammdet. Minkejja dan, veru kont nieħu gost nattendi dawk l-istudji. Ġurnata minnhom, jien u missieri tar-rispett għaddejna minn ħdejn Sala tas-Saltna. Staqsejtu, “Dik x’inhi?” Hu qalli, “Ara qatt ma tmur ħdejn dawk in-nies!” Peress li kont inħobb u nafda lil missieri tar-rispett, smajt minnu u ma bqajtx niltaqaʼ max-Xhieda taʼ Ġeħova.

Madanakollu, meta ġejt lura mill-Vjetnam, kelli ħafna memorji koroh. Minħabba dak li għaddejt minnu matul il-gwerra, spiċċajt mingħajr emozzjonijiet. Donnu ħadd ma fehem verament x’kien qed jiġri fil-Vjetnam. Niftakarni nismaʼ lil uħud li kienu qed jipprotestaw jgħidu li s-suldati Amerikani kienu qattiela tat-trabi minħabba rapporti li tfal innoċenti kienu qed jinqatlu. Dawn l-affarijiet kollha ġegħluni nħoss li kelli bżonn relazzjoni m’Alla.

Fit-tfittxija tiegħi għal Alla, bdejt inżur knejjes differenti. Minn dejjem kont inħobb lil Alla, imma m’għoġobnix dak li rajt f’dawk il-knejjes. Eventwalment, mort Sala tas-Saltna f’Delray Beach, Florida. L-ewwel laqgħa li attendejt kienet il-Ħadd fi Frar tal-1971.

Meta dħalt fis-Sala tas-Saltna, it-taħdita pubblika kienet waslet biex tispiċċa, u għalhekk bqajt għall-Istudju tat-Torri tal-Għassa. Ma niftakarx x’kien is-suġġett tal-artiklu, imma niftakarni nara t-tfal ifittxu l-iskritturi fil-Bibbja tagħhom. Kemm bqajt impressjonat! Jien qgħadt nismaʼ u nosserva. Hekk kif kont ħa nitlaq, ħu li kellu xi 80 sena avviċinani. Kien jismu Jim Gardner. Xtaq jagħtini l-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna, u hu u jagħtihuli staqsieni, “Tixtieq taċċettah?” Jien għedtlu iva u ftehemna biex niltaqgħu għall-ewwel studju tal-Bibbja tiegħi l-Ħamis filgħodu.

Wara l-laqgħa l-Ħadd, kelli mmur ix-xogħol. Kont qed naħdem fi sptar f’Boca Raton, Florida, u dakinhar kelli naħdem mill-11 taʼ billejl sas-7 taʼ filgħodu. Dak il-lejl ma tantx kien hemm pazjenti, u għalhekk stajt naqra l-ktieb Verità. Infermiera ħatfet il-ktieb minn idi, ħarset lejn il-qoxra, u għajtet, “Tgħidlix li se ssir wieħed minnhom, hux?” Ħtaft il-ktieb lura u għedtilha li għalkemm kont għadni ma qrajtux kollu, żgur li kont qed naħseb fuq li nsir Xhud. Ħallietni bi kwieti, u qrajt il-ktieb kollu dak il-lejl.

L-għalliem tal-Bibbja tiegħi kien Jim Gardner, ħu midluk li qabel kien jaf lil Charles Taze Russell

Bdejt l-ewwel studju tal-Bibbja tiegħi maʼ Ħuna Gardner billi staqsejtu, “Allura, x’se nistudjaw?” Wiġibni: “Il-ktieb li tajtek.” Jien għedtlu, “Diġà qrajtu.” Ħuna Gardner b’qalb tajba qal: “Ara, ejja nikkunsidraw l-ewwel kapitlu biss.” Bqajt imbellah b’kemm kienu qabżuli dettalji. Staqsieni biex infittex ħafna mill-iskritturi fil-Bibbja tiegħi stess. Sa fl-aħħar kont qed nitgħallem dwar l-Alla l-veru, Ġeħova. Jim studja tliet kapitli tal-ktieb Verità miegħi dakinhar. Wara dan, studjajna tliet kapitli kull Ħamis filgħodu. Veru kont nieħu pjaċir b’dawk l-istudji. Kien privileġġ għalija li niġi mgħallem minn dan il-ħu midluk li qabel kien jaf lil Charles T. Russell!

Wara li kont ilni nistudja ftit ġimgħat, ġejt approvat biex nipprietka l-aħbar tajba. Ma kienx faċli għalija li nipprietka minn dar għal dar, imma Jim għenni negħleb l-ansjetajiet tiegħi. (Atti 20:20) Permezz tal-għajnuna tiegħu, sirt inħobb il-ministeru. Inħoss li l-ministeru hu l-akbar privileġġ li għandi. Jien ferħan ħafna li nistaʼ nkun ħaddiem sħab m’Alla.—1 Korintin 3:9.

L-EWWEL IMĦABBA TIEGĦI GĦAL ĠEĦOVA

Issa ħa ngħidilkom dwar xi ħaġa speċjali ħafna għalija—l-ewwel imħabba tiegħi għal Ġeħova. (Rivelazzjoni 2:4) Dik l-imħabba għal Ġeħova għenitni nissaporti memorji koroh dwar il-gwerra u ħafna problemi oħra.—Isaija 65:17.

L-imħabba għal Ġeħova għenitni nissaporti memorji koroh dwar il-gwerra u ħafna problemi oħra

Tgħammidt f’Lulju tal-1971, fl-assemblea distrettwali “L-isem divin” fil-Yankee Stadium

Fl-1971, intqalli li kelli nitlaq mill-appartament fejn kienu ħallewni noqgħod il-ġenituri. Għala? Għax missieri tar-rispett ma riedx li wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jgħix hemm! Ma tantx kelli flus dak iż-żmien. L-isptar kien iħallasni kull ħmistax, u kont għadni kif infaqt il-maġġoranza tal-paga fuq ħwejjeġ għall-ministeru għax ridt nirrappreżenta lil Ġeħova b’mod xieraq. Kelli xi flus imfaddlin il-bank, imma l-bank kien fir-raħal fejn trabbejt f’Michigan. Allura kelli ngħix fil-karozza għal xi ftit ġranet. Kont ninħasel u nqaxxar il-leħja fit-tojlits tal-pompi tal-petrol.

Ġurnata minnhom meta kont għadni qed ngħix fil-karozza, lestejt mix-xogħol u mort is-Sala tas-Saltna ftit sigħat qabel il-laqgħa għas-servizz tal-għalqa. Hekk kif poġġejt bilqiegħda wara s-Sala tas-Saltna fejn ħadd ma setaʼ jarani, reġgħu bdew jiġuni memorji koroh tal-Vjetnam. Kien donnu stajt inxomm ir-riħa taʼ iġsma maħruqin u nara ħafna dmija. Kien bħallikieku stajt nismaʼ u nara l-irġiel żgħażagħ jitkarrbu miegħi: “Se nibqaʼ ħaj? Se nibqaʼ ħaj?” Jien kont naf li se jmutu, imma pprovajt infarraġhom u nagħmel tabirruħi li kollox se jgħaddi b’wiċċ il-ġid. Hekk kif qgħadt bilqiegħda hemm, ħassejtni maħkum minn emozzjonijiet koroh.

Kull meta jkolli l-problemi f’ħajti, nagħmel l-almu tiegħi biex niftakar fl-ewwel imħabba tiegħi għal Ġeħova

Hekk kif infexxejt nibki, tlabt lil Ġeħova. (Salm 56:8) Bdejt naħseb bis-serjetà dwar l-irxoxt. Kien f’dan il-waqt li ndunajt kemm tassew hi meraviljuża din it-tama! Ġeħova se jqajjem mill-imwiet lil dawn l-irġiel żgħażagħ, u dawn se jkollhom iċ-ċans li jitgħallmu l-verità dwaru. L-irxoxt se jneħħi l-uġigħ u t-tbatija kollha li ġarrabna. (Atti 24:15) Meta fhimt dan, l-imħabba tiegħi għal Ġeħova ssaħħet iktar minn qatt qabel. Dak il-jum għadu speċjali għalija. Minn dakinhar ’l hawn, kull meta jkolli l-problemi f’ħajti, nagħmel l-almu tiegħi biex niftakar fl-ewwel imħabba tiegħi għal Ġeħova.

ĠEĦOVA KIEN TAJJEB MIEGĦI

In-nies jagħmlu affarijiet terribbli matul il-gwerra, u jien m’għamiltx inqas minnhom. Imma nħossni mfarraġ meta nimmedita fuq tnejn mill-iskritturi favoriti tiegħi. L-ewwel waħda hi Rivelazzjoni 12:10, 11, li tgħid li x-Xitan jiġi megħlub mhux biss permezz tal-ippritkar tagħna imma wkoll permezz tad-demm taʼ Ġesù. It-tieni hi Galatin 2:20, li tfakkarni li Ġesù miet għalija. Grazzi għas-sagrifiċċju taʼ Kristu, Ġeħova ħafirli dak li għamilt. Allura issa għandi kuxjenza nadifa u xewqa b’saħħitha li ngħid lil oħrajn dwar Alla tagħna kollu ħniena, Ġeħova.—Ebrej 9:14.

Meta naħseb dwar dak li ħabbatt wiċċi miegħu fil-ħajja, jidher ċar għalija li Ġeħova minn dejjem ħa ħsiebi sew. Pereżempju, l-istess ġurnata li Jim sar jaf li kont qed ngħix fil-karozza, hu laqqagħni m’oħt li kienet tikri l-kmamar fid-dar tagħha. Jien ninsab ċert li Ġeħova uża lil Jim u lill-oħt biex jipprovdili dar tajba fejn ngħix. Ġeħova tassew hu qalbu tajba! Hu jieħu ħsieb l-aduraturi leali tiegħu.

NITGĦALLEM INKUN ŻELUŻ U WKOLL NUŻA T-TATTIKA

F’Mejju tal-1971, kelli bżonn immur Michigan. Għalhekk, qabel ma tlaqt minn Florida, imlejt il-bagoll tal-karozza b’ħafna letteratura, u mbagħad irħejtha lejn it-Tramuntana. Qabel ma kont wasalt nofs triq, kont diġà ħallejt il-letteratura kollha. Ippritkajt b’żelu l-aħbar tajba tas-Saltna kull fejn mort. Ippritkajt fil-ħabsijiet u saħansitra tajt fuljetti lill-irġiel fit-tojlits f’postijiet fejn tistaʼ tieqaf ftit bil-karozza. Sal-ġurnata tal-lum għadni naħseb jekk qattx nibtet xi waħda minn dawk iż-żrieragħ li żrajt.—1 Korintin 3:6, 7.

Ikolli nammetti li meta l-ewwel tgħallimt il-verità, ma kontx dejjem nuża t-tattika, speċjalment meta kont nitkellem maʼ tal-familja. Kultant kont wisq taʼ żaqqi f’fommi. Jien tassew inħobb lil ħuti, John u Ron, u meta kont nippritkalhom, kont nipprova nġegħelhom jaċċettaw it-twemmin ġdid tiegħi. Iktar tard, kelli niskuża ruħi magħhom. Imma nkompli nitlob li xi darba jaċċettaw il-verità. Minn dak iż-żmien ’l hawn, Ġeħova għenni nuża iktar tattika meta nipprietka u ngħallem.—Kolossin 4:6.

OĦRAJN LI NĦOBB

Ir-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova dejjem se tiġi l-ewwel f’ħajti. Però, hemm nies oħra li wkoll inħobb ħafna, speċjalment marti Susan, li hi prezzjuża ħafna għalija. Kont determinat li niżżewweġ mara li kienet se tgħinni nkompli naqdi lil Ġeħova. Susan hi mara determinata li tħobb ħafna lil Ġeħova. Ġurnata minnhom, meta konna għadna għarajjes, mort naraha għand il-ġenituri tagħha f’Rhode Island. Kienet bilqiegħda barra quddiem id-dar taqra t-Torri tal-Għassa flimkien mal-Bibbja tagħha. Dak li impressjonani kien li kienet qed tfittex l-iskritturi kollha, avolja ma kinitx qed taqra artiklu għall-istudju. Stajt nara kemm kienet importanti għaliha r-relazzjoni tagħha maʼ Ġeħova. Iżżewwiġna f’Diċembru tal-1971. Kemm jien grat li għandi mara li tant tappoġġani. L-iktar ħaġa li napprezza fiha hi li tħobb lil Ġeħova saħansitra iktar milli tħobb lili.

Maʼ marti, Susan, u wliedna, Paul u Jesse

Ġeħova berikna b’żewġ ulied subien, Jesse u Paul. Huma u jikbru, Ġeħova kien magħhom. (1 Samwel 3:19) Huma għandhom relazzjoni persunali miegħu, u dan tgħidx kemm iferraħna. It-tnejn li huma ilhom jaqdu lil Ġeħova fis-servizz full-time għal iktar minn 20 sena. U jkomplu jaqduh għax huma wkoll ftakru fl-ewwel imħabba tagħhom għalih. Jien kburi ħafna wkoll biż-żewġ nisa mill-aħjar taʼ wliedi, Stephanie u Racquel, li nqishom daqslikieku huma wliedi stess. Kemm jien grat li wliedi żżewġu nisa li jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha u li jużaw ħajjithom biex jaqduh.—Efesin 6:6.

Konna nieħdu pjaċir nippritkaw bħala familja f’territorju li rari kien jinħadem

Qdejt għal 16-il sena f’Rhode Island, fejn għamilt ħafna ħbieb. Għadni niftakar l-anzjani eċċellenti li qdejt magħhom spalla maʼ spalla. Jien grat ukoll għall-ħafna indokraturi li jivvjaġġaw li għenuni. Kien privileġġ għalija li naqdi lil Ġeħova flimkien maʼ rġiel li żammew l-ewwel imħabba tagħhom għal Ġeħova. Fl-1987, morna noqogħdu f’North Carolina fejn il-bżonn kien akbar, u hemmhekk ukoll għamilna ħafna ħbieb tal-qalb. *—Ara n-nota taʼ taħt.

Nikkonduċi laqgħa għas-servizz tal-għalqa waqt li kont fix-xogħol tal-ivvjaġġar

F’Awwissu tal-2002, jien u Susan aċċettajna l-istedina biex insiru parti mill-familja Betel tal-Istati Uniti f’Patterson. Ħdimt fid-Dipartiment tas-Servizz, u Susan ħadmet fil-laundry—xogħol li kienet tħobb tagħmlu! F’Awwissu tal-2005, ingħatajt il-privileġġ li nsir membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Ma ħassejtnix kwalifikat għal dan l-inkarigu ġdid. Susan ukoll ħassitha xi ftit imbeżżgħa minħabba r-responsabbiltà, ix-xogħol, u l-ivvjaġġar involuti. Hi minn dejjem ma kienx jogħġobha l-ivvjaġġar bl-ajruplan; imma, spiss ikollna nivvjaġġaw bl-ajruplan. Il-pariri bi mħabba mingħand nisa oħra taʼ membri mill-Ġemgħa li Tiggverna għenuha biex tkun iktar determinata li tappoġġani. U hi verament kienet t’appoġġ għalija, u għalhekk inħobbha ħafna!

Fl-uffiċċju tiegħi għandi ħafna ritratti mill-isbaħ li jfakkruni fil-ħajja mill-aqwa li gawdejt. Jien irċivejt bosta barkiet talli stinkajt biex niftakar fl-ewwel imħabba tiegħi għal Ġeħova!

Meta nqattaʼ l-ħin mal-familja tiegħi, inkun ferħan ħafna

^ par. 30 Tistaʼ ssib iktar informazzjoni dwar is-servizz full-time taʼ Ħuna Morris f’paġna 26 tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 2006.