Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

“Ħa jithennew il-ħafna gżejjer”

“Ħa jithennew il-ħafna gżejjer”

Qatt ma se ninsa dak il-jum fi Brooklyn. Kont qed nistenna fil-kamra tal-konferenza tal-Ġemgħa li Tiggverna m’aħwa rġiel oħra minn partijiet differenti tad-dinja. Konna qed nistennew biex jidħol il-Kumitat tal-Kitba. Konna se nippreżentaw xi soluzzjonijiet għall-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tradutturi, u konna xi ftit eċċitati. Kien it-22 taʼ Mejju tas-sena 2000. Imma din il-laqgħa għala kienet daqstant importanti? Qabel ma nispjega, ħa ngħidilkom ftit dwari.

Tgħammidt fi Queensland, qdejt bħala pijunier fit-Tasmanja, u qdejt bħala missjunarju f’Tuvalu, f’Samoa, u f’Fiġi

JIEN twelidt fl-istat taʼ Queensland, l-Awstralja, fl-1955. Ftit wara dan, ommi, Estelle, bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Tgħammdet sena wara, u missieri, Ron, ġie fil-verità 13-il sena wara. Jien tgħammidt fl-1968, fl-inħawi iżolati taʼ Queensland.

Minn mindu kont għadni daqsxejn taʼ tifel, kont inħobb il-kotba u l-lingwi. Kull meta jien u l-ġenituri konna nagħmlu vjaġġi bil-karozza, jien kont noqgħod fuq wara tal-karozza naqra xi ktieb. Il-ġenituri tiegħi abbli ħassewhom frustrati għax ma kontx qed inħares lejn il-veduta. Imma l-fatt li kont inħobb naqra għenni mmur tajjeb fl-iskola. U saħansitra rbaħt diversi premjijiet waqt li kont fl-iskola sekondarja fil-belt taʼ Glenorchy, fil-gżira tat-Tasmanja.

Matul dak iż-żmien, kelli nieħu deċiżjoni importanti. Kont se naċċetta scholarship biex immur l-università? Għalkemm kont inħobb naqra u nħobb nitgħallem, jien grat li ommi kienet għallmitni biex inħobb lil Ġeħova iktar minn kull persuna jew ħaġa oħra. (1 Korintin 3:18, 19) Għalhekk, bl-approvazzjoni tal-ġenituri tiegħi, iddeċidejt li malli nispiċċa l-edukazzjoni bażika, kont se nitlaq mill-iskola u nibda naqdi bħala pijunier. Dan għamiltu f’Jannar tal-1971, meta kelli 15-il sena.

Għal tmien snin, jiġifieri sal-1978, kelli l-privileġġ li naqdi bħala pijunier fit-Tasmanja. Matul dak iż-żmien, iżżewwiġt mara mill-isbaħ mit-Tasmanja, Jenny Alcock. Għal erbaʼ snin, qdejna flimkien bħala pijunieri speċjali fil-bliet iżolati taʼ Smithton u Queenstown.

MISSJUNARJI FIL-GŻEJJER TAL-PAĊIFIKU

Fl-1978, jien u marti vvjaġġajna sa Port Moresby, il-Papwa Ginea Ġdida, biex nattendu konvenzjoni internazzjonali. Għadni niftakarni nismaʼ lil missjunarju jagħti taħdita bil-lingwa Hiri Motu. Għalkemm ma stajtx nifhem x’kien qed jgħid, nibtet fija x-xewqa li jien ukoll insir missjunarju, nitgħallem lingwa oħra, u nkun nistaʼ ninkuraġġixxi lill-aħwa billi nagħti taħdita bil-lingwa tagħhom. Fl-aħħar, indunajt kif stajt nuża l-imħabba tiegħi għal-lingwa biex naqdi lil Ġeħova.

Meta morna lura d-dar, tistaʼ timmaġina kif bqajna mbellhin li konna ġejna mistidnin naqdu bħala missjunarji. F’Jannar tal-1979 wasalna fuq il-gżira taʼ Funafuti, f’Tuvalu. Tliet pubblikaturi mgħammdin oħra biss kien hemm f’Tuvalu kollu.

Maʼ Jenny f’Tuvalu

Ma kienx faċli li nitgħallem it-Tuvaluan, il-lingwa mitkellma f’Tuvalu. L-uniku ktieb li kien jeżisti b’dik il-lingwa kien it-“Testment il-Ġdid.” Ma kien hemm l-ebda dizzjunarju u lanqas korsijiet tal-lingwa, allura ddeċidejna li nipprovaw nitgħallmu bejn 10 kelmiet u 20 kelma ġdida kuljum. Imma malajr indunajna li ma konniex qed nifhmu t-tifsira eżatta tal-biċċa l-kbira mill-kliem li konna qed nitgħallmu. Minflok ma għedna lin-nies li d-demoniżmu hu ħażin, konna qed ngħidulhom li ma messhomx jużaw miżien u bsaten! Imma kellna nibqgħu nipprovaw nitgħallmu l-lingwa għax konna bdejna diversi studji tal-Bibbja. Ħafna snin wara, waħda li konna nistudjaw il-Bibbja magħha fil-bidu li ġejna, qaltilna: “Kemm aħna ferħanin li issa tistgħu titkellmu bil-lingwa tagħna. Għall-ewwel, lanqas idea ma kellna taʼ x’kontu qed tipprovaw tgħidu!”

Imma kien hemm xi ħaġa li vera għenitna nitgħallmu l-lingwa iktar malajr. Peress li ma kienx hemm postijiet li stajna nikru, kellna ngħixu maʼ familja taʼ Xhieda fir-raħal ewlieni. Kellna nitkellmu bit-Tuvaluan kullimkien, anke d-dar. Wara li konna ilna ma nitkellmu bl-Ingliż għal xi snin, sibna li t-Tuvaluan kienet saret il-lingwa prinċipali tagħna.

Ftit wara li wasalna hemm, ħafna wħud bdew juru interess fil-verità. Imma xi stajna nużaw biex nistudjaw magħhom? Ma kellniex letteratura bil-lingwa tagħhom. Kif setgħu jagħmlu studju persunali? Meta bdew jiġu l-laqgħat, liema għanjiet kienu se jkantaw, kif kienu se jagħtu t-taħditiet, u kif setgħu jippreparaw għal-laqgħat? Kif setgħu qatt jitgħammdu? Dawn in-nies umli kellhom bżonn pubblikazzjonijiet bil-lingwa tagħhom stess ħalli jitgħallmu dwar Ġeħova! (1 Korintin 14:9) Aħna ħsibna bejnna u bejn ruħna, ‘Qatt se jkollna letteratura bit-Tuvaluan, lingwa mitkellma minn inqas minn 15,000 persuna?’ Ġeħova wieġeb dawn il-mistoqsijiet, u b’hekk uriena żewġ affarijiet: (1) Hu jrid li n-nies fil-“gżejjer fil-bogħod” jitgħallmu dwaru, u (2) irid li dawk l-uħud li d-dinja tqishom bħala li huma “bla ġieħ” u “mmaqdrin” jistkennu f’ismu.—Ġeremija 31:10; 1 Korintin 1:28.

XOGĦOL TAʼ TRADUZZJONI BIEX TIĠI MGĦALLMA L-VERITÀ

Fl-1980, l-uffiċċju tal-fergħa inkarigana biex nittraduċu xi pubblikazzjonijiet għat-Tuvaluan. Bdejna x-xogħol, avolja ma ħsibniex li konna tajbin biżżejjed fil-lingwa. (1 Korintin 1:28, 29) Għall-ewwel xtrajna magna antika mingħand il-gvern biex nistampaw b’mod manwali l-letteratura għal-laqgħat tagħna. Iktar tard, saħansitra ttraduċejna l-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna għat-Tuvaluan u stampajnieh permezz taʼ din il-magna żgħira. Għadni niftakar ir-riħa qawwija tal-linka, kif ukoll is-sħana tropikali qalila li għamlithielna diffiċli ħafna biex nistampaw dawn il-pubblikazzjonijiet kollha b’mod manwali. F’dak iż-żmien, ma kellniex elettriku!

Ma kienx faċli li naqilbu għat-Tuvaluan għax ma stajniex infittxu l-kliem f’dizzjunarju jew nagħmlu riċerka f’kotba bit-Tuvaluan. Imma kultant konna nirċievu l-għajnuna li kellna bżonn b’modi oħra. Għodwa minnhom bi żball ħabbatt il-bieb taʼ xi ħadd li jopponi l-verità. Dan ir-raġel imdaħħal fiż-żmien, li qabel kien għalliem, fakkarni li ma ridniex inħabbtulu l-bieb. Imbagħad qal: “Imma rrid ngħidilkom xi ħaġa. Fit-traduzzjoni tagħkom, tittraduċu ċerti verbi b’tali mod li ma tantx jintuża bit-Tuvaluan.” Iċċekkjajt maʼ xi nies oħra, u sibt li kellu raġun. Għalhekk, għamilna xi bidliet biex intejbu t-traduzzjoni tagħna. Bqajt mistagħġeb li Ġeħova kien għenna permezz taʼ raġel li kien jopponi l-verità imma li ovvjament kien qed jaqra l-pubblikazzjonijiet tagħna!

Aħbar tas-Saltna Nru. 30 bit-Tuvaluan

L-ewwel pubblikazzjoni bit-Tuvaluan li offrejna lin-nies kienet invit għat-Tifkira. Imbagħad kellna l-fuljett Aħbar tas-Saltna Nru. 30, li ħareġ fl-istess żmien mal-Ingliż. Kemm konna ferħanin li stajna nagħtu lin-nies xi ħaġa bil-lingwa tagħhom stess! Wara ftit, kellna wkoll xi browxers u anke xi kotba bit-Tuvaluan. Fl-1983, il-fergħa tal-Awstralja bdiet tipprintja It-Torri tal-Għassa bit-Tuvaluan. Ir-rivista kellha 24 paġna u kienet toħroġ darba kull tliet xhur. Ħadu pjaċir in-nies f’Tuvalu b’dawn il-kotba u r-rivisti? Iva, ħadu pjaċir għax iħobbu jaqraw. Kull darba li konna noħorġu xi pubblikazzjoni ġdida, l-istazzjon tar-radju tal-gvern ħabbarha fl-aħbarijiet, u kultant kienet l-istorja ewlenija tal-ġurnata! *—Ara n-nota taʼ taħt.

Ix-xogħol taʼ traduzzjoni kif kien isir? L-ewwel konna niktbu kollox bil-biro fuq il-karti. Imbagħad konna nittajpjaw it-traduzzjoni għal darba wara l-oħra sakemm kienet tkun lesta biex tintbagħat il-fergħa fl-Awstralja. Żewġ aħwa nisa fil-fergħa kienu jittajpjaw il-kitba bit-Tuvaluan f’kompjuter separatament, avolja ma kinux jifhmu l-lingwa. Imma peress li t-tnejn li huma kienu jdaħħlu l-kitba u jqabblu d-differenzi fuq il-kompjuter, setgħu jevitaw l-iżbalji. Imbagħad il-fergħa kienet tagħmel composition tal-pubblikazzjonijiet, jiġifieri kienet tgħaqqad il-kitba mal-istampi biex jiġu forma taʼ PDF. Imbagħad kienu jibagħtulna bl-ajru dawn il-paġni bl-istampi. Aħna konna niċċekkjawhom u nibagħtuhom lura l-fergħa ħalli jiġu pprintjati.

Ix-xogħol taʼ traduzzjoni tjieb ħafna! Issa kull team tat-traduzzjoni jikteb il-kliem u jikkoreġih mill-ewwel fuq il-kompjuter. Ġeneralment, xi ħadd li hu fl-istess post fejn jinsab it-team jagħmel composition tal-pubblikazzjonijiet. Imbagħad, permezz tal-Internet, it-team jibgħat il-fajls lill-fergħat li jistampaw. Ħadd m’għandu għalfejn jiġri s’għand tal-posta fl-aħħar minuta biex jibgħat il-kitba tradotta.

INKARIGI OĦRA

Hekk kif għaddew is-snin, jien u Jenny rċivejna diversi inkarigi f’partijiet differenti tal-Paċifiku. Minn Tuvalu ġejna inkarigati naqdu fil-fergħa taʼ Samoa fl-1985. Hemmhekk għenna fit-traduzzjoni tal-lingwi tas-Samoan, it-Tongan, u t-Tokelauan, minbarra li għenna fit-traduzzjoni għat-Tuvaluan. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Imbagħad, fl-1996, ġejna inkarigati naqdu fil-fergħa taʼ Fiġi, u hemm għenna fit-traduzzjoni tal-lingwi tal-Fiġjan, il-Kiribati, in-Nauruan, ir-Rotuman, u t-Tuvaluan.

Konna nużaw il-pubblikazzjonijiet bit-Tuvaluan biex ngħinu lil oħrajn

Jien dejjem nibqaʼ mistagħġeb b’kemm it-tradutturi jħobbu x-xogħol tagħhom avolja mhuwiex faċli u jistaʼ jħallik bla saħħa. Bħal Ġeħova, dawn l-aħwa rġiel u nisa leali verament iridu li n-nies jisimgħu l-aħbar tajba bil-lingwa tagħhom. (Rivelazzjoni 14:6) Pereżempju, meta kienet qed tiġi organizzata t-traduzzjoni tal-ewwel rivista tat-Torri tal-Għassa bit-Tongan, jien iltqajt mal-anzjani kollha f’Tonga u staqsejt min minnhom setaʼ jiġi mħarreġ bħala traduttur. Wieħed mill-anzjani, li kellu xogħol tajjeb bħala mekkanik, offra li jitlaq minn xogħlu l-għada stess u mill-ewwel jibda bħala traduttur. Ħassejtni inkuraġġit mill-fidi b’saħħitha tiegħu, għax kellu familja u ma kellux idea kif kien se jaqlaʼ biżżejjed flus biex imantnihom. Imma Ġeħova ħa ħsieb tiegħu u tal-familja tiegħu, u hu baqaʼ fix-xogħol tat-traduzzjoni għal bosta snin.

Bħal dawn it-tradutturi, l-aħwa fil-Ġemgħa li Tiggverna tassew jimpurtahom dwar li jipprovdu pubblikazzjonijiet bil-lingwi kollha, anke dawk mitkellma minn ammont żgħir taʼ nies. Pereżempju, qamet il-mistoqsija jekk kienx worth it ix-xogħol kollu involut biex il-pubblikazzjonijiet jiġu maqluba għat-Tuvaluan. Jien kont inkuraġġit ħafna meta qrajt din it-tweġiba mill-Ġemgħa li Tiggverna: “M’hemm l-ebda raġuni għala għandkom tieqfu tittraduċu għat-Tuvaluan. Għalkemm it-territorju Tuvaluan hu iżgħar meta mqabbel maʼ dak taʼ lingwi oħra, in-nies xorta għandhom bżonn li jirċievu l-aħbar tajba bil-lingwa tagħhom stess.”

Ngħammed lil xi ħadd f’għadira ħdejn il-baħar

Fl-2003, jien u Jenny ntbgħatna biex mid-Dipartiment tat-Traduzzjoni f’Fiġi nibdew naqdu fis-Servizzi tat-Traduzzjoni f’Patterson, New York. Kienet qisha ħolma li saritilna realtà! Sirna parti minn team li jgħin biex jappoġġa t-traduzzjoni tal-pubblikazzjonijiet tagħna f’iktar lingwi. Matul is-sentejn jew ftit iktar li konna fis-Servizzi tat-Traduzzjoni, ġejna inkarigati biex ngħinu fit-taħriġ taʼ timijiet tat-traduzzjoni f’diversi pajjiżi.

DEĊIŻJONIJIET IMPORTANTI ĦAFNA

Issa ħalli mmur lura għal-laqgħa importanti li semmejt fil-bidu. Sas-sena 2000, il-Ġemgħa li Tiggverna ħasset li t-timijiet tat-traduzzjoni kellhom bżonn l-għajnuna biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Il-biċċa l-kbira mit-tradutturi ma kinux attendew xi kors tat-traduzzjoni. Wara dik il-laqgħa mal-Kumitat tal-Kitba, il-Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li t-tradutturi kollha madwar id-dinja jridu jiġu mħarrġin. It-tradutturi kienu se jiġu mgħallmin kif jifhmu l-Ingliż, kif jittrattaw maʼ problemi taʼ traduzzjoni, u kif jaħdmu flimkien bħala team.

X’kien ir-riżultat taʼ dan it-taħriġ kollu għat-tradutturi? Il-kwalità tat-traduzzjoni marret għall-aħjar. Ukoll, il-pubblikazzjonijiet tagħna qed jiġu tradotti f’iktar lingwi minn qatt qabel. Fl-1979, meta ġejna inkarigati biex naqdu bħala missjunarji, ir-rivista It-Torri tal-Għassa kienet disponibbli fi 82 lingwa biss. Minkejja dan, fil-maġġoranza tal-lingwi, ir-rivista It-Torri tal-Għassa kienet toħroġ ftit xhur wara l-verżjoni bl-Ingliż. Imma issa din ir-rivista toħroġ f’iktar minn 240 lingwa, u għall-biċċa l-kbira minnhom, ir-rivista toħroġ fl-istess żmien li toħroġ bl-Ingliż. Issa f’iktar minn 700 lingwa, in-nies jistgħu jaqraw xi ħaġa li tgħallimhom il-verità mill-Bibbja. Xi snin ilu, dan kien jidher li kien impossibbli.

Fl-2004, il-Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li kien importanti ħafna li jkun hemm disponibbli t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida b’ħafna iktar lingwi u malajr kemm jistaʼ jkun. Minħabba din id-deċiżjoni, ħafna iktar nies issa jistgħu jaqraw it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bil-lingwa tagħhom stess. Infatti, fl-2014, din il-Bibbja jew partijiet minnha kienu disponibbli f’128 lingwa, inkluż għadd taʼ lingwi mitkellma fil-Paċifiku tan-Nofsinhar.

Meta ħarġet it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bit-Tuvaluan

Waħda mill-iktar memorji għal qalbi kienet dik taʼ konvenzjoni f’Tuvalu fl-2011. Għal ħafna xhur, kien hemm nixfa kbira fil-pajjiż kollu. L-aħwa ħasbu li kien se jkollhom jikkanċellaw il-konvenzjoni. Imma għall-grazzja t’Alla, dik il-lejla li wasalna, qabdet nieżla xita bil-qliel. Allura setaʼ jkollna l-konvenzjoni! Għalija kien privileġġ kbir li stajt inħabbar il-ħruġ tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bit-Tuvaluan! Għalkemm hemm biss numru żgħir taʼ aħwa li jitkellmu b’dik il-lingwa, huma wkoll setgħu jirċievu din l-għotja mill-isbaħ mingħand Ġeħova. Imbagħad fl-aħħar tal-konvenzjoni kien hemm maltempata oħra tax-xita. Allura kulħadd kellu ħafna ilma tal-verità kif ukoll ilma tax-xita!

Nintervista lill-ġenituri tiegħi, Ron u Estelle, f’konvenzjoni f’Townsville, l-Awstralja, fl-2014

B’sogħba, l-għażiża marti Jenny ma kinitx hemm miegħi. Kienet mietet fl-2009, wara li kienet ilha tissielet kontra l-kanċer għal 10 snin. Konna ilna miżżewġin 35 sena. Meta tirxoxta, se tkun ferħana ħafna meta ssir taf dwar il-ħruġ tal-Bibbja bit-Tuvaluan.

Ġeħova berikni b’mara mill-isbaħ oħra, Loraini Sikivou. Loraini u Jenny kienu ħadmu flimkien fil-Betel taʼ Fiġi, u Loraini wkoll kienet traduttriċi. Għalhekk, għal darb’oħra għandi mara li taqdi lil Ġeħova fedelment miegħi u li bħali tħobb il-lingwi!

Maʼ Loraini, nagħtu xhieda f’Fiġi

Matul is-snin, rajt kif Missierna kollu mħabba, Ġeħova, jieħu ħsieb il-bżonnijiet tan-nies taʼ kull lingwa, anke jekk il-lingwa tagħhom hi mitkellma minn ftit nies biss. (Salm 49:1-3) Rajt kemm in-nies huma ferħanin meta jirċievu l-pubblikazzjonijiet tagħna bil-lingwa tagħhom għall-ewwel darba jew meta jkantaw lil Ġeħova bil-lingwa taʼ qalbhom. Fi żminijiet bħal dawn, naħseb dwar l-imħabba kbira li Ġeħova għandu għalina. (Atti 2:8, 11) Għadni nistaʼ niftakar b’mod ċar il-kliem taʼ Saulo Teasi, ħu mdaħħal fiż-żmien minn Tuvalu. Wara li kanta għanja tas-Saltna għall-ewwel darba bil-lingwa tiegħu, kien qal: “Naħseb li jmissek tgħid lill-Ġemgħa li Tiggverna li dawn l-għanjiet jinstemgħu aħjar bit-Tuvaluan milli bl-Ingliż.”

F’Settembru tal-2005, bqajt sorpriż meta rċivejt il-privileġġ li naqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm m’għadnix nistaʼ naqdi bħala traduttur, nirringrazzja lil Ġeħova talli ħallieni nkompli nappoġġa x-xogħol taʼ traduzzjoni li qed isir madwar id-dinja. Tgħidx kemm iferraħni l-fatt li naf li Ġeħova jieħu ħsieb il-bżonnijiet tan-nies kollha tiegħu, anke dawk fi gżejjer iżolati f’nofs l-Oċean Paċifiku! Iva, bħalma qal is-salmista, “Ġeħova sar sultan! Ħa tifraħ l-art. Ħa jithennew il-ħafna gżejjer.”—Salm 97:1.

^ par. 18 Biex taqra iktar dwar kif in-nies irreaġixxew għall-pubblikazzjonijiet tagħna, ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Diċembru 2000, paġna 32; It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’Awwissu 1988, paġna 22; u Stenbaħ! bl-Ingliż tat-22 taʼ Diċembru 2000, paġna 9.

^ par. 22 Biex taqra iktar dwar ix-xogħol taʼ traduzzjoni f’Samoa, ara t-2009 Yearbook, paġni 120-121, 123-124.