Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Immedita fuq l-imħabba dejjiema taʼ Ġeħova

Immedita fuq l-imħabba dejjiema taʼ Ġeħova

“Se nimmedita fuq l-attività tiegħek kollha.”—SALM 77:12.

GĦANJIET: 18, 61

1, 2. (a) Għala int konvint li Ġeħova jħobb lin-nies tiegħu? (b) In-nies b’liema bżonn ġew maħluqin?

GĦALA int konvint li Ġeħova jħobb lin-nies tiegħu? Qabel twieġeb din il-mistoqsija, ikkunsidra dawn l-eżempji: Għal diversi snin, aħwa rġiel u nisa b’qalb tajba inkuraġġew oħt jisimha Taylene. Qalulha biex ma tistenniex wisq minnha nfisha. Hi tgħid: “Kieku Ġeħova ma kienx iħobbni, il-parir tiegħu ma kienx ikun daqstant persistenti.” Brigitte, li rabbiet żewġt itfal waħedha wara li żewġha miet, tgħid: “Li trabbi t-tfal f’din is-sistema taʼ Satana hi waħda mill-iktar sfidi diffiċli, speċjalment meta jkollok trabbihom waħdek. Imma jien konvinta mill-imħabba taʼ Ġeħova għax iggwidani meta kont nibki u kien ikolli wġigħ taʼ qalb, u qatt ma ħallieni nesperjenza iktar milli kont niflaħ.” (1 Korintin 10:13) Sandra għandha marda serja li ma tistax tfiq minnha. F’konvenzjoni minnhom, oħt uriet interess personali f’Sandra. “Għalkemm ma konniex nafuha personalment,” jgħid ir-raġel taʼ Sandra, “l-interess sinċier tagħha ferraħna ħafna. Anki espressjonijiet żgħar taʼ mħabba minn ħutna rġiel u nisa juruni kemm Ġeħova jħobbna.”

2 Ġeħova ħalaq lin-nies bil-bżonn li jħobbu u li jħossuhom maħbubin. Madankollu, hu faċli li nsiru skuraġġiti minħabba mard jew problemi finanzjarji jew minħabba li ma jkollniex riżultati tajbin fil-ministeru. Jekk nibdew inħossu li Ġeħova m’għadux iħobbna, għandna niftakru li aħna prezzjużi għalih u li hu hemm għalina, qed iżommilna idna l-leminija u jgħinna. Hu qatt ma se jinsiena jekk inkunu leali lejh.—Isaija 41:13; 49:15.

3. X’jistaʼ jsaħħilna l-fiduċja tagħna li l-imħabba taʼ Ġeħova hi dejjiema?

3 Ix-Xhieda li ssemmew qabel kienu konvinti li Alla kien magħhom matul żminijiet diffiċli. Aħna jistaʼ jkollna l-istess fiduċja li hu qiegħed fuq in-naħa tagħna. (Salm 118:6, 7) F’dan l-artiklu se niddiskutu erbaʼ għotjiet li jagħtu prova li Ġeħova jħobbna. Dawn huma (1) il-ħolqien tiegħu, (2) il-Bibbja, (3) it-talb, u (4) il-fidwa. Meta nimmeditaw fuq l-affarijiet tajbin li Ġeħova għamel, inkunu nistgħu niġu megħjuna biex inkunu iktar grati għall-imħabba dejjiema tiegħu.—Aqra Salm 77:11, 12.

IMMEDITA FUQ IL-ĦOLQIEN TAʼ ĠEĦOVA

4. X’nitgħallmu mill-ħolqien taʼ Ġeħova?

4 Meta nħarsu lejn il-ħolqien t’Alla, nitgħallmu kemm iħobbna. (Rumani 1:20) Pereżempju, Ġeħova ħalaq l-art b’tali mod ħalli nkunu nistgħu nagħmlu iktar milli sempliċement nibqgħu ħajjin. Hu tana kulma għandna bżonn biex nieħdu pjaċir bil-ħajja. Għandna bżonn nieklu, imma Ġeħova ma jagħtiniex biss tip wieħed t’ikel biex ngħixu imma jtina varjetà t’ikel ħalli nieħdu pjaċir nieklu! (Ekkleżjasti 9:7) Oħt jisimha Catherine tieħu pjaċir tara l-ħolqien, speċjalment matul ir-rebbiegħa fil-Kanada. Hi tgħid: “Huwa verament tal-għaġeb meta toqgħod tqis kif kollox jieħu l-ħajja—il-fjuri li huma programmati biex jinbtu mill-art waħedhom u l-għasafar li jiġu lura wara li jpassu, inkluż il-hummingbird ċkejken li jsib ruħu barra t-tieqa tal-kċina tiegħi fejn inħalli l-ikel għall-għasafar. Ġeħova żgur li jħobbna biex jagħtina tant affarijiet li jġibulna ferħ.” Il-Missier tagħna jħobb il-ħolqien tiegħu, u jridna nieħdu pjaċir bih ukoll.—Atti 14:16, 17.

Meta nħarsu lejn il-ħolqien tiegħu, nitgħallmu kemm Ġeħova jħobbna

5. L-imħabba taʼ Ġeħova kif tidher fil-mod kif in-nies huma maħluqin?

5 Ġeħova ħalaqna bl-abbiltà li nagħmlu xogħol siewi u biex nieħdu pjaċir nagħmluh. (Ekkleżjasti 2:24) Hu ta lin-nies l-inkarigu biex jimlew u jikkultivaw l-art, u biex jieħdu ħsieb il-ħut, l-għasafar, u l-affarijiet ħajjin l-oħra li jgħixu fuq l-art. (Ġenesi 1:26-28) U hu ħalaqna wkoll bi kwalitajiet sbieħ ħalli nkunu nistgħu nimitawh!—Efesin 5:1.

IL-KELMA T’ALLA HI PREZZJUŻA

6. Meta nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla, dan x’jgħinna naraw?

6 Ġeħova tana l-Bibbja għax iħobbna ħafna. Din tgħidilna dak li għandna bżonn inkunu nafu dwaru u kif iħossu dwar in-nies. Pereżempju, il-Bibbja tgħidilna kif Ġeħova ħassu dwar l-Iżraelin, li spiss m’obdewhx. Salm 78:38 jgħid: “Hu kien ħanin; kien jgħatti l-iżball [jiġifieri jaħfer l-iżball] u ma jġibx ħerba fuqhom. Ħafna drabi reġġaʼ lura r-rabja tiegħu, u ma kienx iħalli l-korla tiegħu tixgħel għalkollox.” Meta timmedita fuq dan il-vers, dan jistaʼ jgħinek tara kemm Ġeħova jħobbok u jieħu ħsiebek. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova tassew jimpurtah minna.—Aqra l-1 Pietru 5:6, 7.

Il-Bibbja tgħidilna dak li għandna bżonn inkunu nafu dwar Alla u kif iħossu dwar in-nies

7. Il-Bibbja għala għandha tkun prezzjuża għalina?

7 Il-Bibbja għandha tkun prezzjuża ħafna għalina.Għala? Għax Ġeħova jikkomunika magħna permezz tal-Kelma tiegħu. Meta ġenitur u iben jikkomunikaw bil-miftuħ maʼ xulxin, huma jsaħħu l-imħabba li jkollhom għal xulxin u tikber il-fiduċja f’xulxin. Ġeħova hu Missierna li jħobbna. U għalkemm qatt ma rajnieh jew smajna leħnu, ikun bħallikieku qed jikkomunika direttament magħna permezz tal-Bibbja. Għandna nibqgħu nagħtuh widen! (Isaija 30:20, 21) Meta naqraw il-Kelma t’Alla, naraw li Ġeħova jixtieq jiggwidana u jipproteġina. Hu jridna nsiru nafuh u nafdawh ukoll.—Aqra Salm 19:7-11; Proverbji 1:33.

Għalkemm Ġeħosafat ġie mċanfar minn Ġeħu, Ġeħova sab “affarijiet tajbin” fis-sultan (Ara paragrafi 8, 9)

8, 9. Ġeħova xi jridna nkunu nafu? Agħti eżempju mill-Bibbja.

8 Ġeħova jridna nkunu nafu li jħobbna u li jara lil hinn mill-imperfezzjonijiet tagħna. Hu jfittex it-tajjeb fina. (2 Kronaki 16:9) Ejja naraw kif Ġeħova fittex it-tajjeb fis-Sultan Ġeħosafat taʼ Ġuda. Ġeħosafat ħa deċiżjoni ħażina meta ngħaqad mas-Sultan Aħab tal-Iżrael u ġġieled kontra s-Sirjani taʼ Ramot-gilegħad. Għalkemm 400 profeta falz qalu lis-sultan mill-agħar Aħab li kien se jirbaħ il-battalja, il-profeta veru t’Alla, li kien jismu Mikaja, qal lil Ġeħosafat u lil Aħab li jekk jiġġieldu, kienu se jitilfu. U eżattament hekk ġara! Aħab miet fil-battalja, u Ġeħosafat ħelisha bi żbrixx minn ħalq il-mewt. Wara l-battalja, Ġeħova uża lil Ġeħu biex iċanfar lil Ġeħosafat dwar l-iżball tiegħu. Madankollu, Ġeħu qallu: “Instabu fik xi affarijiet tajbin.”—2 Kronaki 18:4, 5, 18-22, 33, 34; 19:1-3.

9 Snin qabel, Ġeħosafat kien qal lill-prinċpijiet, il-Leviti, u l-qassisin biex iżuru l-bliet kollha taʼ Ġuda ħalli jgħallmu l-Liġi taʼ Ġeħova lin-nies. Tant kellhom suċċess li anki nies minn nazzjonijiet oħra saru jafu b’Ġeħova. (2 Kronaki 17:3-10) Allura, għalkemm Ġeħosafat ħa deċiżjoni ħażina iktar tard, Ġeħova ma kienx nesa l-affarijiet tajbin li kien għamel f’ħajtu qabel. Dan l-eżempju hu taʼ faraġ kbir għalina għax kultant niżbaljaw. Però, jekk nagħmlu l-aħjar tagħna biex naqdu lil Ġeħova, hu se jkompli jħobbna u mhux se jinsa l-affarijiet tajbin li nkunu għamilna.

APPREZZA L-PRIVILEĠĠ TAT-TALB

10, 11. (a) It-talb għala hu rigal prezzjuż mingħand Ġeħova? (b) Alla kif jistaʼ jwiġbilna t-talb? (Ara l-ewwel stampa.)

10 Missier li jħobb, jieħu l-ħin biex jismaʼ x’għandhom xi jgħidu t-tfal tiegħu meta jkunu jridu jkellmuh. Hu jrid ikun jaf kif iħossuhom għax verament jimpurtah minnhom. Missierna li jħobb, Ġeħova, jagħmel l-istess. Hu jagħti widen meta nitolbu lilu. Li nitkellmu maʼ Missierna hu privileġġ prezzjuż!

Ġeħova jismaʼ t-talb bil-ħrara tagħna, u hu jifhimna anki meta ħadd iktar ma jifhimna

11 Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova meta rridu. Hu l-Ħabib tagħna, u dejjem lest biex jismaʼ t-talb tagħna. Taylene, li ssemmiet qabel, tgħid: “Tistaʼ tgħidlu li trid u kulma trid.” Meta ngħidu lil Ġeħova l-ħsibijiet profondi tagħna, hu għandu mnejn iwiġibna permezz taʼ skrittura, artiklu mil-letteratura tagħna, jew inkuraġġiment minn xi ħu jew oħt. Ġeħova jismaʼ t-talb bil-ħrara tagħna, u hu jifhimna anki meta ħadd iktar ma jifhimna. It-tweġibiet tiegħu għat-talb tagħna jagħtu prova li mħabbtu għalina hi dejjiema.

12. Għala għandna nistudjaw it-talb li nsibu fil-Bibbja? Agħti eżempju.

12 Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti mit-talb li nsibu fil-Bibbja. Kultant, ikun t’għajnuna li nistudjaw xi ftit minn dan it-talb matul il-qima bħala familja. Il-kwalità tat-talb tagħna se tkun aħjar meta nimmeditaw dwar it-talb mill-qalb tal-qaddejja t’Alla tal-passat. Pereżempju, ikkunsidra t-talba umli taʼ Ġona li għamel meta kien fiż-żaqq taʼ ħuta kbira. (Ġona 1:17–2:10) Irrivedi t-talba sinċiera taʼ Salamun lil Ġeħova meta t-tempju kien ġie ddedikat. (1 Slaten 8:22-53) U mmedita fuq it-talba mudell taʼ Ġesù. (Mattew 6:9-13) U l-iktar importanti, b’mod regulari ‘ħalli lil Alla jkun jaf x’teħtieġ.’ B’hekk, ‘il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbek u l-qawwa mentali tiegħek.’ Il-gratitudni tagħna għall-imħabba dejjiema taʼ Ġeħova se tkompli tikber.—Filippin 4:6, 7.

URI LI INT GRAT GĦALL-FIDWA

13. Liema opportunità għandna minħabba l-fidwa?

13 Ġeħova tana r-rigal tal-fidwa ħalli “niksbu l-ħajja.” (1 Ġwanni 4:9) Meta l-appostlu Pawlu rrefera għal din l-espressjoni mill-isbaħ tal-imħabba t’Alla, kiteb: “Kristu miet fiż-żmien stabbilit għal nies mhux devoti. Bilkemm xi ħadd ikun irid imut għal bniedem ġust; iva, għat-tajjeb forsi xi ħadd jissogra jmut. Imma Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:6-8) Il-fidwa hi l-akbar eżempju tal-imħabba t’Alla, u tagħti lin-nies l-opportunità li jkollhom relazzjoni mill-qrib miegħu.

14, 15. Il-fidwa xi tfisser (a) għall-Kristjani midlukin? (b) għal dawk bit-tama li jgħixu fuq l-art?

14 Grupp żgħir taʼ Kristjani jħossu l-imħabba dejjiema taʼ Ġeħova b’mod speċjali ħafna. (Ġwanni 1:12, 13; 3:5-7) Alla dilek lil dawn l-uħud bl-ispirtu qaddis, u minħabba dan saru “wlied Alla.” (Rumani 8:15, 16) Ladarba xi wħud minnhom għadhom fuq l-art, Pawlu għala qal li huma bilqiegħda “flimkien fil-postijiet tas-sema f’unjoni maʼ Kristu Ġesù”? (Efesin 2:6) Huma għandhom din il-pożizzjoni spiritwali għax ġew ‘immarkati bis-siġill taʼ l-ispirtu qaddis imwiegħed, li hu garanzija bil-quddiem tal-wirt tagħhom,’ jiġifieri ‘t-tama merfugħa għalihom fis-smewwiet.’—Efesin 1:13, 14; Kolossin 1:5.

Il-fidwa turi l-imħabba taʼ Ġeħova għan-nies kollha

15 Dawk kollha li mhumiex midlukin jistgħu jsiru ħbieb t’Alla jekk juru fidi fil-fidwa. Huma wkoll għandhom il-possibbiltà li jiġu adottati bħala wlied Alla u li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-art. Il-fidwa turi l-imħabba taʼ Ġeħova għan-nies kollha. (Ġwanni 3:16) Żgur li hu eċċitanti li nkunu nafu li jekk naqdu ’l Alla b’mod leali, hu se jagħtina l-aħjar ħajja possibbli fid-dinja l-ġdida. Allura ejja nuru li napprezzaw il-fidwa, l-akbar prova tal-imħabba dejjiema t’Alla għalina.

URI LI TĦOBB LIL ĠEĦOVA

16. X’motivazzjoni jkollna meta nimmeditaw fuq l-imħabba t’Alla?

16 Huwa impossibbli li żżomm kont tal-ħafna modi li Ġeħova juri li jħobbna. Is-Sultan David kanta: “Kemm huma prezzjużi għalija ħsibijietek! O Alla, kemm hu kbir l-għadd kollu tagħhom! Kieku kelli nipprova ngħoddhom, kienu jkunu iktar mill-frak tar-ramel.” (Salm 139:17, 18) Meta nimmeditaw fuq il-ħafna modi li Ġeħova jħobbna, se niġu mmotivati nħobbuh lura u nagħtuh l-aqwa u l-aħjar tagħna.

17, 18. X’inhuma xi modi li bihom nistgħu nuru li nħobbu ’l Alla?

17 Hemm ħafna modi kif nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova. Pereżempju, nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova billi b’żelu ngħidu lil oħrajn dwar l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Nistgħu wkoll nuru li nħobbu ’l Alla billi b’lealtà nissaportu sitwazzjonijiet diffiċli li jgħaddu minn prova l-fidi tagħna. (Aqra Salm 84:11; Ġakbu 1:2-5.) Anki jekk il-provi tagħna huma diffiċli ħafna, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova hu konxju tas-sofferenzi tagħna u li se jgħinna għax aħna prezzjużi għalih.—Salm 56:8.

18 L-imħabba tagħna għal Ġeħova timmotivana biex nimmeditaw fuq l-affarijiet mill-isbaħ kollha li ħalaq. Aħna nuru lil Ġeħova li nħobbu lilu u l-Kelma tiegħu billi nkunu studenti tajbin tal-Bibbja. Aħna nitolbu lil Ġeħova b’mod regulari għax inħobbuh u rridu nsaħħu r-relazzjoni tagħna miegħu. U meta nimmeditaw fuq ir-rigal prezzjuż tal-fidwa, insiru nħobbuh saħansitra iktar. (1 Ġwanni 2:1, 2) Dawn huma biss ftit mill-ħafna modi kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw l-imħabba dejjiema li għandu għalina.