Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova b’liema modi jħobbna?

Ġeħova b’liema modi jħobbna?

“Ara liema xorta taʼ mħabba tana l-Missier.”—1 ĠWANNI 3:1.

GĦANJIET: 91, 13

1. L-appostlu Ġwanni dwar xiex inkuraġġiena biex naħsbu, u għala?

L-APPOSTLU Ġwanni inkuraġġiena biex naħsbu sew dwar il-ħafna mħabba li Ġeħova għandu għalina. Fl-1 Ġwanni 3:1 naqraw: “Ara liema xorta taʼ mħabba tana l-Missier”! Meta nimmeditaw dwar kemm Ġeħova jħobbna u kif juri l-imħabba li għandu għalina, aħna nersqu eqreb lejh u aħna nħobbuh saħansitra iktar.

2. Għala hu diffiċli għal xi wħud biex jifhmu li Alla jħobbhom?

2 B’dispjaċir, xi wħud ma jifhmux kemm Alla jistaʼ jħobbhom. Huma jaħsbu li Alla ma jimpurtahx min-nies. Huma forsi jemmnu li kulma jagħmel Alla hu li jagħmel regoli u jikkastiga lil dawk li ma jobduhx. Minħabba tagħlim falz, xi wħud saħansitra jaħsbu li Alla hu kattiv u li hu impossibbli li tħobbu. Oħrajn iħossu li Alla jħobb lin-nies kollha jagħmlu x’jagħmlu. Imma l-istudju tiegħek tal-Bibbja għenek issir taf il-verità dwar Ġeħova. Int taf li l-imħabba hi l-ikbar kwalità tiegħu u li hu bagħat ’l Ibnu bħala fidwa għalik. (Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:8) Madankollu, peress li kellek ċerti esperjenzi f’ħajtek, jistaʼ jkun diffiċli għalik biex tifhem kemm Ġeħova jħobbok.

3. X’se jgħinna nifhmu l-imħabba li għandu Ġeħova għalina?

3 Sabiex nifhmu l-imħabba li għandu Ġeħova għalina, l-ewwel irridu nifhmu li Ġeħova hu l-wieħed li għamilna. Hu tana l-ħajja. (Aqra Salm 100:3-5.) Huwa għalhekk li l-Bibbja tiddeskrivi l-ewwel bniedem bħala “bin Alla.” (Luqa 3:38) U Ġesù għallimna nsejħu lil Ġeħova “Missierna fis-smewwiet.” (Mattew 6:9) Allura Ġeħova hu Missierna, u hu jħobbna bl-istess mod bħalma missier tajjeb iħobb lil uliedu.

4. (a) X’tip taʼ Missier hu Ġeħova? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu u li jmiss?

4 Hu diffiċli għal xi wħud biex jaħsbu f’missier bħala wieħed li jħobb. Forsi għandhom memorji koroh taʼ tfulithom għax missierhom ittrattahom bi krudeltà. Ġeħova qatt ma jagħmel dan lil uliedu. Hu l-aqwa Missier li jistaʼ jkollna. (Salm 27:10) Hu jħobbna ħafna u jieħu ħsiebna b’ħafna u ħafna modi. Iktar ma nħossuna maħbubin minn Ġeħova, iktar se nħobbuh. (Ġakbu 4:8) F’dan l-artiklu, se niddiskutu erbaʼ modi kif Ġeħova juri l-imħabba li għandu għalina. U fl-artiklu li jmiss, se naraw erbaʼ modi kif nistgħu nuru l-imħabba tagħna lejh.

ĠEĦOVA JĦOBB U HU ĠENERUŻ

5. Alla x’jagħti lin-nies kollha?

5 Meta l-appostlu Pawlu kien f’Ateni, il-Greċja, innota li kien hemm ħafna idoli u li n-nies kienu jemmnu li l-allat tagħhom kienu qed jagħtuhom il-ħajja. Allura tkellem dwar “l-Alla li għamel id-dinja u kulma fiha.” Hu qal li Alla jagħti “lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox” u li “bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:24, 25, 28) Ġeħova jagħtina kulma għandna bżonn biex ngħixu u biex nieħdu pjaċir bil-ħajja. Aħseb dwar xi ftit mill-affarijiet li tana minħabba li jħobbna.

6. X’tip taʼ post tana Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

6 Pereżempju, Ġeħova pprepara post mill-isbaħ għalina. (Salm 115:15, 16) Mill-pjaneti kollha li ħalaq, l-art tidher li hi unika. Ix-xjenzjati esploraw l-ispazju u skoprew ħafna pjaneti, imma għadhom ma jistgħux isibu pjaneta oħra fejn il-bnedmin ikollhom kulma għandhom bżonn biex jgħixu. Ġeħova mhux biss tana l-ħajja, imma għamel ukoll l-art sabiħa, komda, u post bla periklu fejn aħna nistgħu nieħdu pjaċir bil-ħajja. (Isaija 45:18) Meta naħsbu dwar il-post li tana Missierna, Ġeħova, aħna verament inħossu kemm għandu mħabba għalina.—Aqra Ġob 38:4, 7; Salm 8:3-5.

7. Il-mod kif Ġeħova ħalaqna, kif jurina li hu verament iħobbna?

7 Mod ieħor kif Ġeħova wera li jħobbna hu billi ħalaqna bl-abbiltà li nimitawh. (Ġenesi 1:27) Dan ifisser li nistgħu nħossu l-imħabba li għandu għalina u mbagħad nuru l-imħabba tagħna lejh. Hu jaf li huwa dan li jagħmilna ferħanin verament. Wara kollox, l-ulied ikunu l-iktar ferħanin meta jħossu li l-ġenituri tagħhom iħobbuhom. U ftakar, Ġesù għallimna li se nkunu ferħanin jekk inkunu qrib taʼ Missierna, Ġeħova. (Mattew 5:3) Hu ‘jagħtina kollox għat-tgawdija tagħna.’ B’mod ċar, hu ġeneruż ħafna u hu jħobbna ħafna.—1 Timotju 6:17; Salm 145:16.

ĠEĦOVA JGĦALLIMNA L-VERITÀ

8. Għala rridu lil Ġeħova jgħallimna?

8 Il-missirijiet iħobbu lil uliedhom u ma jriduhomx li jiġu mqarrqin jew żvijati. Imma ħafna ġenituri llum ma jaċċettawx il-livelli tal-Bibbja taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin. Allura ma jistgħux jiggwidaw lit-tfal tagħhom sew. Spiss dan jirriżulta fi dwejjaq u konfużjoni fil-familja. (Proverbji 14:12) Madankollu, Ġeħova jagħti lil uliedu l-aqwa gwida għax hu “l-Alla tal-verità.” (Salm 31:5) Hu jieħu pjaċir jgħallimna l-verità dwaru. Ukoll jgħallimna kif għandna nqimuh u jurina l-aqwa mod kif għandna ngħixu. (Aqra Salm 43:3.) Allura, x’għallimna Ġeħova li juri kemm iħobbna?

Missirijiet Kristjani jimitaw lil Ġeħova billi jgħallmu lil uliedhom il-verità u jgħinuhom ikollhom relazzjoni maʼ Missierhom tas-sema (Ara paragrafi 8-10)

9, 10. (a) Ġeħova għala jgħidilna dwaru nnifsu? (b) X’jgħallimna dwar l-iskop li għandu għalina?

9 L-ewwel u qabel kollox, Ġeħova jgħidilna dwaru nnifsu. Hu jrid li nsiru nafuh. (Ġakbu 4:8) Allura jgħidilna x’jismu. Fil-fatt, il-Bibbja ssemmi ismu iktar minn kwalunkwe isem ieħor. Ġeħova jgħidilna wkoll x’tip taʼ Persuna hu. Meta naraw l-affarijiet li ħalaq, nitgħallmu li għandu l-qawwa u l-għerf. (Rumani 1:20) U meta naqraw il-Bibbja, nitgħallmu kemm hu ġust u kemm iħobbna. Hekk kif insiru nafu l-personalità mill-isbaħ taʼ Ġeħova, aħna nħossuna eqreb tiegħu.

Hekk kif insiru nafu l-personalità mill-isbaħ taʼ Ġeħova, aħna nħossuna eqreb tiegħu

10 Ġeħova jgħallimna wkoll x’inhu l-iskop tiegħu. Hu jgħidilna li aħna parti mill-familja tiegħu. Barra minn hekk, jispjega dak li jistenna minna ħalli nkunu nistgħu naħdmu f’unita u fil-paċi maʼ kull membru tal-familja tiegħu. Il-Bibbja turi b’mod ċar li Alla ma ħalaqniex bid-dritt li niddeċiedu għalina nfusna dwar x’inhu tajjeb jew ħażin. (Ġeremija 10:23) Ġeħova jaf x’inhu l-aħjar għalina. Huwa biss jekk naċċettaw l-awtorità tiegħu u nobduh li jistaʼ jkollna ħajja mimlija paċi u sodisfazzjon. Ġeħova għallimna din il-verità importanti għax iħobbna.

11. Missierna kollu mħabba x’għallimna dwar il-futur?

11 Missier li jħobb jaħseb sew dwar il-futur taʼ wliedu. Hu jrid li jkollhom ħajja sodisfaċenti. B’dispjaċir, il-maġġorparti tan-nies illum jinkwetaw dwar il-futur, u ħafna nies jaħlu ħajjithom billi jaħdmu għal affarijiet temporanji. (Salm 90:10) Kemm aħna grati li Missierna, Ġeħova, mhux biss għallimna kif ngħixu ħajja sodisfaċenti issa imma wkoll wegħedna futur mill-isbaħ!

ĠEĦOVA JIGGWIDA U JIDDIXXIPLINA LIL ULIEDU

12. Ġeħova kif ipprova jgħin lil Kajjin u Baruk?

12 Meta Ġeħova ra li Kajjin kien lest li jagħmel xi ħaġa ħażina ħafna, hu pprova jgħin lil Kajjin billi saqsieh: “Għala int mgħaddab għall-aħħar u qarrast wiċċek? Jekk iddur biex tagħmel it-tajjeb, ma tiġix milqugħ?” (Ġenesi 4:6, 7) Kajjin irrifjuta l-għajnuna taʼ Ġeħova, u b’hekk bata l-konsegwenzi. (Ġenesi 4:11-13) Darb’oħra, Ġeħova nnota l-attitudni ħażina taʼ Baruk li kienet qed tagħmlu għajjien u skuraġġit. Allura Ġeħova qal lil Baruk li l-irraġunar tiegħu kien ħażin u li hu kellu bżonn jinbidel. Baruk semaʼ mill-parir taʼ Ġeħova, u b’hekk ġie salvat.—Ġeremija 45:2-5.

13. Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova x’tgħallmu mill-provi?

13 Ġeħova jiggwidana u jiddixxiplinana għax iħobbna. Hu mhux biss jikkoreġina meta jkun neċessarju, imma jħarriġna wkoll. (Ebrej 12:6) Fil-Bibbja, naqraw dwar qaddejja leali li ġew imħarrġin minn Ġeħova biex isiru nies aħjar. Pereżempju, Ġużeppi, Mosè, u David għaddew minn żminijiet diffiċli ħafna. Matul il-provi, Ġeħova kien magħhom. U l-affarijiet li tgħallmu matul dawn il-provi għenuhom meta Ġeħova tahom responsabbiltajiet akbar. Meta naqraw fil-Bibbja kif Ġeħova jappoġġa u jħarreġ lin-nies tiegħu, inħossuna li Ġeħova verament iħobbna.—Aqra Proverbji 3:11, 12.

14. Jekk nagħmlu xi ħaġa ħażina, Ġeħova kif juri li jħobbna?

14 Anki meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, Ġeħova jkompli juri li jħobbna. Jekk naċċettaw id-dixxiplina tiegħu u nindmu, hu se jaħfrilna “bil-kbir.” (Isaija 55:7) Dan xi jfisser? Il-kliem taʼ David dwar il-maħfra taʼ Ġeħova jurina kemm għandna Missier ħanin: “Hu li qed jaħfirlek l-iżbalji kollha, li qed ifejqek mill-mard kollu tiegħek, li qed isalvalek ħajtek mill-ħofra, li qed jinkurunak bil-qalb tajba bl-imħabba u l-ħniniet tiegħu. Daqskemm tlugħ ix-xemx huwa ’l bogħod minn inżulha, daqshekk biegħed minna nuqqasijietna.” (Salm 103:3, 4, 12) Ġeħova jiddixxiplinana u jiggwidana b’modi differenti. Int ħafif biex tagħmel bidliet? Dejjem ftakar li Ġeħova jiddixxiplinana għax iħobbna.—Salm 30:5.

ĠEĦOVA JIPPROTEĠINA

15. X’inhu mod ieħor kif Ġeħova juri li jħobbna?

15 Missier li jħobb jipproteġi lill-familja tiegħu mill-periklu. Hekk jagħmel għalina Missierna, Ġeħova. Is-salmista jgħid dwar Ġeħova: “Hu qed iħares ruħ il-leali tiegħu; minn id dawk mill-agħar jeħlishom.” (Salm 97:10) Aħseb dwar dan: Bħalma tkun ħafif biex tipproteġi lil għajnejk għax huma prezzjużi għalik, hekk ukoll Ġeħova hu ħafif biex jipproteġi lin-nies tiegħu għax huma prezzjużi għalih.—Aqra Żakkarija 2:8.

Ġeħova hu ħafif biex jipproteġi lin-nies tiegħu għax huma prezzjużi għalih

16, 17. Ġeħova kif ipproteġa lin-nies tiegħu fil-passat u fi żmienna?

16 Mod minnhom kif Ġeħova jipproteġi lin-nies tiegħu, kemm fil-passat u kemm fi żmienna, hu permezz tal-anġli tiegħu. (Salm 91:11) Anġlu wieħed qatel 185,000 suldat Assirjan f’lejla waħda u salva lin-nies t’Alla. (2 Slaten 19:35) Fl-ewwel seklu, xi anġli salvaw lil Pietru, Pawlu u oħrajn mill-ħabs. (Atti 5:18-20; 12:6-11) Dan l-aħħar, kien hemm gwerra kiefra f’wieħed mill-pajjiżi tal-Afrika. Il-pajjiż kien f’kaos għax in-nies kienu qed jiġġieldu, jisirqu, jistupraw, u joqtlu. Għalkemm ħadd mill-aħwa ma miet, ħafna tilfu kulma kellhom. Imma kollha ħassew l-imħabba taʼ Ġeħova u kienu jafu li kien qed jieħu ħsiebhom. Minkejja dak kollu li sofrew, xorta kienu ferħanin. Meta rappreżentant tal-kwartieri ġenerali mar għand l-aħwa rġiel u nisa u saqsiehom kif kienu, huma qalu, “Kollox sew, grazzi għal Ġeħova!”

17 Ovvjament, xi qaddejja taʼ Ġeħova, bħad-dixxiplu Stiefnu u oħrajn bħalu, inqatlu minħabba li kienu leali. Ġeħova mhux dejjem iwaqqaf dan milli jiġri. Imma lin-nies tiegħu jipproteġihom bħala grupp billi jwissihom dwar il-modi differenti li Satana jipprova jqarraq bihom. (Efesin 6:10-12) Aħna nsibu dawn it-twissijiet fil-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Pereżempju, nitgħallmu biex ma nużawx ħażin l-Internet, biex ma nħobbux il-flus, u biex nevitaw films, kotba, jew logħob immorali u vjolenti għax dawn huma taʼ periklu għalina. B’mod ċar, Ġeħova jħobbna u jrid jipproteġina.

UNUR KBIR

18. Kif tħossok dwar l-imħabba li għandu Ġeħova għalik?

18 Meta Mosè ħaseb dwar is-snin kollha li kien ilu jaqdi lil Ġeħova, hu kien konvint li Ġeħova kien iħobbu. Mosè qal: “Issodisfana fil-għodu bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, sabiex ngħajtu bil-ferħ u nithennew matul jiemna kollha.” (Salm 90:14) Aħna mberkin li nkunu nistgħu nifhmu u nħossu l-imħabba taʼ Ġeħova għalina. X’unur kbir hu li nkunu maħbubin minn Ġeħova! Aħna nħossuna bħall-appostlu Ġwanni, li qal: “Ara liema xorta taʼ mħabba tana l-Missier”!—1 Ġwanni 3:1.