Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aqdi lil Ġeħova mingħajr ma tiġi aljenat

Aqdi lil Ġeħova mingħajr ma tiġi aljenat

‘Marija qagħdet tismaʼ l-kelma taʼ Ġesù. Marta kienet aljenata b’ħafna xogħol.’—LUQA 10:39, 40.

GĦANJIET: 94, 134

1, 2. Ġesù għala kien iħobb lil Marta, imma liema żball għamlet li juri li ma kinitx perfetta?

META toqgħod taħseb fuq Marta oħt Lazzru, x’tip taʼ persuna timmaġina? Il-Bibbja turi li Marta kienet ħabiba ħafna maʼ Ġesù, u l-Bibbja tgħid li kien iħobbha. Ovvjament, Marta ma kinitx l-unika mara li Ġesù kien iħobb u jirrispetta. Pereżempju, Marija, li tiġi oħt Marta, ukoll kienet ħabiba mill-qrib taʼ Ġesù. U Ġesù ħabb lil ommu stess, Marija. (Ġwanni 11:5; 19:25-27) Allura Ġesù għala kien iħobb lil Marta?

2 Ġesù ħabb lil Marta għax kellha qalba tajba u kienet ġeneruża, u wkoll kienet ħabrieka. Imma l-iktar l-iktar, Ġesù ħabbha għax kellha fidi soda. Hi kienet temmen dak kollu li Ġesù għallem, u hi ma kellha l-ebda dubju li hu kien il-Messija mwiegħed. (Ġwanni 11:21-27) Minkejja dan, Marta ma kinitx perfetta. Bħalna lkoll, hi għamlet l-iżbalji. Pereżempju, darba minnhom meta Ġesù kien qed iżurhom, Marta kienet irrabjata m’oħtha Marija, u qalet lil Ġesù li hu għandu jikkoreġiha. Marta qalet, “Mulej, ma jimpurtakx int li oħti ħallietni nieħu ħsieb kollox waħdi? Għalhekk, għidilha tiġi tgħinni.” (Aqra Luqa 10:38-42.) Marta għala qalet dan, u x’nistgħu nitgħallmu mit-tweġiba li Ġesù taha?

MARTA KIENET ALJENATA

3, 4. Marija x’għamlet biex Ġesù approvaha, u Marta x’tgħallmet? (Ara l-ewwel stampa.)

3 Ġesù kien grat li Marta u Marija kienu stidnuh għandhom, u hu ried juża dak il-ħin biex jgħallimhom veritajiet prezzjużi. Marija mill-ewwel poġġiet ħdejh, “tismaʼ l-kelma tiegħu.” Hi riedet titgħallem dak kollu li setgħet mill-Għalliem il-Kbir. Marta wkoll setgħet tagħżel li tismaʼ lil Ġesù. U hu kien se jfaħħarha li kieku waqfet milli kienet qed tagħmel biex tagħti kas tiegħu.

4 Imma Marta kienet aljenata. Hi kienet okkupata tipprepara ikla speċjali għal Ġesù u tagħmel ħafna affarijiet oħra biex tgħinu jħossu komdu kemm jistaʼ jkun. Meta rat li Marija ma kinitx qed tgħinha, bdiet tirrita ruħha u tgerger maʼ Ġesù. Hu kien jaf li Marta kienet qed tipprova tagħmel wisq, u allura b’qalb tajba qal: “Marta, Marta, int ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet.” Hu ssuġġerixxa wkoll li ikla sempliċi, forsi platt wieħed, kien ikun biżżejjed. Imbagħad Ġesù faħħar lil Marija talli kienet qed tisimgħu b’attenzjoni kbira. Hu qal: “Min-naħa tagħha, Marija għażlet l-aħjar sehem, u mhux se jittiħdilha.” Marija forsi maż-żmien kienet insiet x’kielet matul l-ikla, imma bla dubju hi qatt ma nsiet l-affarijiet li tgħallmet minn Ġesù u l-mod kif faħħarha. Iktar minn 60 sena wara, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha.” (Ġwanni 11:5) Dan il-kliem juri li Marta aċċettat il-korrezzjoni bi mħabba taʼ Ġesù u qdiet lil Ġeħova b’lealtà għall-kumplament taʼ ħajjitha.

5. Għala hu diffiċli li nibqgħu ffokati fuq dak li hu l-iktar importanti b’mod partikulari llum, u liema mistoqsija se nwieġbu?

5 Meta nqabblu d-dinja tal-lum maʼ kif kienet id-dinja fi żmien il-Bibbja, aħna nirrealizzaw li llum hemm ħafna aktar affarijiet li jistgħu jaljenawna milli naqdu lil Ġeħova. Il-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Settembru 1958 wissiet lill-aħwa rġiel u nisa biex ma jħallux it-teknoloġija taljenahom milli jaqdu lil Ġeħova. Anki f’dak iż-żmien, donnu kuljum kien hemm xi ħaġa ġdida. Affarijiet bħal rivisti attraenti, ir-radju, il-films, u t-televixin kienu saru popolari ħafna. It-Torri tal-Għassa qal li hekk kif nersqu eqreb lejn it-tmiem taʼ din is-sistema, “l-aljenazzjonijiet aktarx se jiżdiedu.” Illum, iktar minn qatt qabel, hemm ħafna u ħafna affarijiet li jistgħu jaljenawna. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu iktar bħal Marija u nibqgħu ffokati fuq li nqimu lil Ġeħova?

TUŻAX ID-DINJA BIS-SĦIĦ

6. In-nies taʼ Ġeħova kif użaw it-teknoloġija?

6 In-nies taʼ Ġeħova użaw it-teknoloġija tad-dinja biex jippritkaw l-aħbar tajba. Pereżempju, qabel u matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, urew il-Photo-Drama of Creation.” Permezz taʼ slajds u filmati bil-kulur u s-sawnd, huma ppritkaw lil miljuni taʼ nies f’ħafna pajjiżi. Fl-aħħar tal-“Photo-Drama” kien jiġi deskritt iż-żmien taʼ paċi meta Ġesù Kristu kien se jmexxi d-dinja. Iktar tard, in-nies taʼ Ġeħova użaw ir-radju biex iwasslu l-messaġġ tas-Saltna lil miljuni taʼ nies madwar id-dinja. Illum, nużaw il-kompjuters u l-Internet biex nilħqu n-nies kullimkien, anki fi nħawi iżolati.

Tħallix affarijiet li mhumiex essenzjali jaljenawk milli taqdi lil Ġeħova (Ara paragrafu 7)

7. (a) Għala hu perikoluż li nużaw id-dinja bis-sħiħ? (b) Minn xiex għandna noqogħdu attenti? (Ara n-nota taʼ taħt.)

7 Il-Bibbja twissina biex ma nużawx id-dinja bis-sħiħ. Dan jinkludi li ma nqattgħux ħin żejjed f’affarijiet li toffri d-dinja. (Aqra l-1 Korintin 7:29-31.) Xi wħud minn dawn l-affarijiet mhumiex ħżiena, imma jistgħu jaħlulna ħafna mill-ħin tagħna. Pereżempju, forsi nieħdu pjaċir b’xi delizzju, naqraw kotba, naraw it-televixin, naraw postijiet taʼ interess, immorru nixtru l-ħwejjeġ, u nsiru nafu dwar l-affarijiet elettroniċi jew lussużi tal-aħħar. Ħafna jħobbu jiċċettjaw fuq l-Internet, jibagħtu messaġġi jew e-mails, jew il-ħin kollu jiċċekkjaw l-aħbarijiet jew ir-riżultati tal-isports. Xi wħud ma jkunux jistgħu joqogħdu mingħajr ma jagħmlu dawn l-affarijiet. * (Ara n-nota taʼ taħt.) (Ekkleżjasti 3:1, 6) Jekk nużaw ħafna mill-ħin tagħna f’affarijiet mhux essenzjali, forsi ma nkunux nistgħu nagħtu attenzjoni biżżejjed għal dak li hu l-iktar importanti, jiġifieri l-qima tagħna lil Ġeħova.—Aqra Efesin 5:15-17.

8. Għala hu importanti ħafna li ma nħobbux l-affarijiet tad-dinja?

8 Satana jagħmel kulma jistaʼ biex jattirana lejn l-affarijiet li għandu fid-dinja tiegħu u biex jaljenana milli naqdu lil Ġeħova. Satana għamel dan fl-ewwel seklu, u qed jagħmel dan saħansitra iktar illum il-ġurnata. (2 Timotju 4:10) Allura, hemm bżonn li b’mod kontinwu neżaminaw kif inħossuna dwar l-affarijiet tad-dinja u nagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa. Il-Bibbja twissina li m’għandniex inħobbu l-affarijiet tad-dinja. Minflok, irridu nżommu l-imħabba tagħna għal Ġeħova b’saħħitha. Jekk nagħmlu hekk, ikun eħfef biex nobdu lil Ġeħova u nibqgħu qrib tiegħu.—1 Ġwanni 2:15-17.

IBQAʼ FFOKAT FUQ DAK LI HU L-IKTAR IMPORTANTI

9. Ġesù fuq xiex għallimhom jiffokaw lid-dixxipli tiegħu, u hu kif ħalla eżempju?

9 Eżatt bħalma Ġesù b’qalb tajba għallem lil Marta biex ma tkunx aljenata b’ħafna affarijiet, hu għallem lid-dixxipli tiegħu l-istess lezzjoni. Hu inkuraġġiehom biex jibqgħu ffokati fuq li jaqdu lil Ġeħova u s-Saltna Tiegħu. (Aqra Mattew 6:22, 33.) Ġesù nnifsu ħalla eżempju eċċellenti. Hu ma kellux ħafna affarijiet, u ma kellux xi dar jew art.—Luqa 9:58; 19:33-35.

10. Ġesù liema eżempju tajjeb ħallielna?

10 Ġesù ma ħalla xejn jaljenah mill-ippritkar. Pereżempju, ftit wara li beda jipprietka, il-folol f’Kafarnahum riedu li Ġesù jqattaʼ iktar żmien fil-belt. X’għamel? Hu baqaʼ ffokat fuq l-inkarigu tiegħu. Hu qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:42-44) Ġesù mexa ħafna u ħafna biex jipprietka l-aħbar tajba u jgħallem lil kemm jistaʼ jkun nies. Hu kien raġel perfett, imma xorta kien jegħja u kellu bżonn jistrieħ għax kien jaħdem iebes ħafna.—Luqa 8:23; Ġwanni 4:6.

Ġesù għallimna li jekk niffokaw fuq li jkollna iktar affarijiet materjali, nistgħu niġu aljenati milli naqdu lil Alla

11. (a) Ġesù x’għamel meta raġel saqsieh dwar problema personali? (b) Ġesù liema lezzjoni għallem lid-dixxipli tiegħu?

11 Iktar tard, meta Ġesù kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni importanti, raġel qatagħlu kliemu billi qal: “Għalliem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” Ġesù ma pprovax isolvi l-problema personali taʼ dan ir-raġel. Ma aljenax ruħu, anzi baqaʼ jgħallem lid-dixxipli tiegħu. Fil-fatt, hu uża din l-opportunità biex jgħallimhom li jekk jiffokaw fuq li jkollhom iktar affarijiet materjali, jistgħu jiġu aljenati milli jaqdu lil Alla.—Luqa 12:13-15.

12, 13. (a) Ġesù x’għamel li impressjona lil xi Griegi f’Ġerusalemm? (b) Ġesù kif irreaġixxa meta Filippu talbu biex jiltaqaʼ maʼ dawk in-nies?

12 L-aħħar ftit jiem taʼ Ġesù bħala bniedem kienu stressanti ħafna. (Mattew 26:38; Ġwanni 12:27) Hu kien jaf li kien se jkollu jbati ħafna u jmut mewta krudila. Kien jaf ukoll li kien għad fadallu ħafna xogħol x’jagħmel qabel imut. Pereżempju, il-Ħadd, 9 taʼ Nisan, Ġesù daħal Ġerusalemm riekeb fuq felu. Il-folol laqgħuh bħala s-Sultan tagħhom. (Luqa 19:38) L-għada, Ġesù b’kuraġġ keċċa ’l barra mit-tempju l-irġiel rgħiba li kienu qed ibigħu affarijiet m’għola s-sema, u li b’hekk kienu qed jisirqu lin-nies.—Luqa 19:45, 46.

13 Xi nies Griegi, li kienu marru Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Qbiż, raw dak li kien għamel Ġesù u impressjonaw ruħhom. Allura saqsew lill-appostlu Filippu jekk setgħux jiltaqgħu maʼ Ġesù. Imma Ġesù ma kienx qed jipprova jfittex lin-nies li setgħu jappoġġawh u jiddefenduh quddiem l-għedewwa tiegħu. Hu kien jaf x’kien iktar importanti. Hu baqaʼ ffokat fuq li jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju. Dan kien fi qbil mar-rieda taʼ Ġeħova. Allura fakkar id-dixxipli tiegħu li ma kienx fadallu biex imut u li dawk kollha li jsegwuh għandhom ikunu lesti biex jissagrifikaw ħajjithom ukoll. Hu qal: “Min jgħożż lil ruħu jeqridha, imma min jobgħod lil ruħu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja taʼ dejjem.” Imma Ġesù wiegħed ukoll li ‘l-Missier se jonorahom’ lis-segwaċi tiegħu u li se jagħtihom ħajja taʼ dejjem. Filippu setaʼ jagħti lil dawk il-Griegi dan il-messaġġ inkuraġġanti.—Ġwanni 12:20-26.

14. Għalkemm Ġesù poġġa l-ewwel l-ippritkar f’ħajtu, x’kien ċert li jagħmel?

14 Meta Ġesù kien fuq l-art, ix-xogħol primarju tiegħu kien li jipprietka l-aħbar tajba. Għalkemm iffoka ħajtu fuq li jipprietka, ma kienx moħħu biss fix-xogħol. Pereżempju, hu mar minn tal-inqas għal tieġ wieħed, fejn biddel l-ilma fl-aħjar inbid. (Ġwanni 2:2, 6-10) Hu kien ikun mistieden għall-ikel fid-djar tal-ħbieb tiegħu u t’oħrajn li kienu interessati fl-aħbar tajba. (Luqa 5:29; Ġwanni 12:2) Imma iktar importanti minn hekk, Ġesù spiss kien jagħmel il-ħin biex jitlob, jimmedita, u jistrieħ.—Mattew 14:23; Marku 1:35; 6:31, 32.

‘NEĦĦI KULL PIŻ’

15. L-appostlu Pawlu x’qal li l-Kristjani għandhom jagħmlu, u kif ħalla eżempju tajjeb?

15 L-appostlu Pawlu qal li l-Kristjani huma bħal ġerrejja f’tellieqa twila u li biex jispiċċaw it-tellieqa, għandhom ineħħu kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ttaqqalhom jew twaqqafhom. (Aqra Ebrej 12:1.) Pawlu nnifsu ħalla eżempju tajjeb. Hu setaʼ jkun sinjur u famuż bħala mexxej reliġjuż Lhudi, imma hu telaq din il-karriera biex jiffoka fuq “dak li hu iktar importanti.” Hu ħadem iebes ħafna biex jipprietka u jivvjaġġa f’ħafna postijiet, inkluż is-Sirja, l-Asja Minuri, il-Maċedonja, u l-Lhudija. Pawlu ħares ’il quddiem għall-premju tal-ħajja taʼ dejjem fis-sema. Hu qal: “Waqt li ninsa l-affarijiet taʼ warajja u niġġebbed biex nilħaq l-affarijiet li hemm quddiemi, qed niġri lejn il-mira għall-premju.” (Filippin 1:10; 3:8, 13, 14) Pawlu ma kienx miżżewweġ, u dan għenu biex ‘jaqdi lill-Mulej il-ħin kollu u mingħajr distrazzjoni.’—1 Korintin 7:32-35.

Pawlu telaq il-karriera tiegħu biex jiffoka fuq “dak li hu iktar importanti”

16, 17. (a) Kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk le, kif nistgħu nsegwu l-eżempju taʼ Pawlu? (b) Mark u Claire kif għamlu dan?

16 Bħal Pawlu, xi qaddejja taʼ Ġeħova llum jagħżlu li ma jiżżewġux ħalli jkunu jistgħu jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova. (Mattew 19:11, 12) Nies mhux miżżewġa spiss ikollhom inqas responsabbiltajiet tal-familja min-nies miżżewġa. Iżda kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk le, ilkoll nistgħu ‘nneħħu kull piż’ li jistaʼ jaljenana milli naqdu lil Ġeħova. Għandu mnejn ikollna bżonn innaqqsu mid-drawwiet tagħna li jiħdulna l-ħin u nagħmlu miri li jgħinuna nżidu fil-ħin li nqattgħu fis-servizz t’Alla.

17 Pereżempju, Mark u Claire, li trabbew f’Wales, bdew ix-xogħol taʼ pijunier meta spiċċaw l-iskola. Wara li żżewġu, baqgħu pijunieri. Imma riedu jagħmlu iktar. Mark jispjega: “Stajna nissimplifikaw ħajjitna iktar billi neħħejna d-dar li kellna bi tlett ikmamar tas-sodda u waqqafna x-xogħol part-time tagħna ħalli b’hekk stajna naħdmu fix-xogħol tal-kostruzzjoni internazzjonali.” Għal dawn l-aħħar 20 sena, ivvjaġġaw f’ħafna partijiet tal-Afrika biex jgħinu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna. Kultant bilkemm kellhom flus, imma Ġeħova dejjem ħa ħsiebhom. Claire tgħid: “Il-fatt li nistgħu naqdu lil Ġeħova kuljum, itina sens taʼ sodisfazzjon kbir. Matul dan iż-żmien, għamilna ħafna ħbieb, u ma jonqosna xejn. Il-ftit affarijiet li kellna ngħaddu mingħajrhom ma jistgħux jitqabblu mal-ferħ li jiġi meta taqdi lil Ġeħova full-time.” Ħafna qaddejja full-time iħossuhom bl-istess mod. *—Ara n-nota taʼ taħt.

18. X’mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna?

18 Taħseb li tistaʼ tkun iktar entużjast fis-servizz tiegħek lil Ġeħova? Hemm affarijiet li qed jaljenawk minn dak li hu iktar importanti? Jekk inhu hekk, x’tistaʼ tagħmel? Forsi tistaʼ taqra u tistudja l-Bibbja aħjar. L-artiklu li jmiss se jispjega kif tistaʼ tagħmel dan.

^ par. 17 Ara wkoll il-bijografija taʼ Hadyn u Melody Sanderson fl-artiklu “Nagħraf Dak li Hu Tajjeb u Nagħmlu.” (It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Marzu 2006) In-negozju tagħhom fl-Awstralja kien sejjer tajjeb, imma bigħuh biex jidħlu fis-servizz full-time. Aqra x’ġara wara li spiċċawlhom il-flus waqt li kienu qed jaqdu bħala missjunarji fl-Indja.