Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqaʼ mmedita fuq affarijiet spiritwali

Ibqaʼ mmedita fuq affarijiet spiritwali

“Immedita fuq dawn l-affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 TIMOTJU 4:15.

GĦANJIET: 57, 52

1, 2. X’jagħmel lill-bnedmin differenti mill-annimali?

IL-MOĦĦ uman hu uniku. Pereżempju, il-bnedmin għandhom l-abbiltà li jitgħallmu lingwa. U lingwa tippermettilna naqraw, niktbu, nitkellmu, u nifhmu dak li nisimgħu. Ukoll, tagħtina l-abbiltà li nitolbu u nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova. Dan kollu jagħmilna differenti mill-annimali. Ix-xjentisti ma jistgħux jifhmu bis-sħiħ eżattament kif moħħna hu kapaċi jagħmel dawn l-affarijiet meraviljużi.

2 L-abbiltà tagħna li nużaw il-lingwa hi rigal mingħand Ġeħova. (Salm 139:14; Rivelazzjoni 4:11) Hu tana wkoll rigal ieħor li jagħmilna differenti mill-annimali. Il-bnedmin kienu maħluqin “fix-xbieha t’Alla.” Aħna għandna l-libertà tal-għażla, jiġifieri, minn jeddna nistgħu nagħżlu x’nagħmlu f’ħajjitna. U nistgħu nagħżlu li nużaw il-lingwa biex naqdu u nfaħħru lil Ġeħova.—Ġenesi 1:27.

3. Ġeħova x’tana biex jagħmilna għorrief?

3 Ġeħova wriena kif naqduh u nfaħħruh billi tana l-Bibbja. Il-Bibbja sħiħa jew partijiet minnha huma disponibbli f’iktar minn 2,800 lingwa. Meta nimmeditaw fuq dak li tgħid il-Bibbja, nistgħu nibdew naħsbu bil-mod kif jaħseb Alla. (Salm 40:5; 92:5; 139:17) U l-ħsibijiet taʼ Ġeħova jagħmluna għorrief u jwassluna għall-ħajja taʼ dejjem.—Aqra t-2 Timotju 3:14-17.

4. Xi jfisser li timmedita, u liema mistoqsijiet se niddiskutu?

4 Li timmedita jfisser li tikkonċentra fuq xi ħaġa u taħseb fil-fond u bis-serjetà dwarha. (Salm 77:12; Proverbji 24:1, 2) Aħna nibbenefikaw l-iktar meta nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu dwar Ġeħova u Ġesù. (Ġwanni 17:3) F’dan l-artiklu se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: Kif nistgħu naqraw b’tali mod li jagħmilha iktar faċli li nimmeditaw? Fuqiex nistgħu nimmeditaw? U x’jistaʼ jgħinna nimmeditaw regolarment u nieħdu pjaċir nimmeditaw?

AGĦMEL ĊERT LI TIBBENEFIKA MILL-ISTUDJU TIEGĦEK

5, 6. X’jistaʼ jgħinek tiftakar u tifhem aħjar dak li taqra?

5 Qatt innotajt li hemm xi affarijiet li tistaʼ tagħmel mingħajr ma lanqas biss taħseb dwarhom, bħal pereżempju li tieħu n-nifs, li timxi, u li ssuq rota? Sfortunatament, kultant forsi saħansitra taqra mingħajr ma taħseb. Forsi anki tibda taħseb fuq affarijiet oħra waqt li qed taqra. X’tistaʼ tagħmel biex ma jiġrilekx dan? Hu importanti li tikkonċentra fuq dak li qed taqra u taħseb dwar xi jfisser. Imbagħad, meta tasal fl-aħħar tal-paragrafu jew tasal f’sottitlu f’pubblikazzjoni, ieqaf ftit u mmedita fuq dak li għadek kif qrajt. Aħseb dwar dak li tgħallimt, u agħmel ċert li tassew fhimtu.

Li taqra l-Bibbja b’leħen għoli se jgħinek biex tikkonċentra aħjar u tiftakar iktar

6 Ix-xjentisti skoprew li hu eħfef li niftakru xi ħaġa meta naqrawha b’leħen għoli. Il-Ħallieq tagħna jaf dan, u hu għalhekk li qal lil Ġożwè biex jaqra l-ktieb tal-Liġi “minn taħt l-ilsien.” (Aqra Ġożwè 1:8, ntt.) Li taqra l-Bibbja b’leħen għoli se jgħinek ukoll biex tikkonċentra aħjar u tiftakar iktar.

7. Meta jkun l-aħjar ħin biex timmedita fuq il-Bibbja? (Ara l-ewwel stampa.)

7 Irridu nagħmlu ħafna sforz biex nimmeditaw u nikkonċentraw fuq dak li nistudjaw. Għalhekk, ikun l-aħjar li timmedita f’ħin meta ma tkunx għajjien u li tagħmel dan f’post għall-kwiet, fejn m’hemmx ħafna affarijiet xi jtellfuk. Is-salmista David immedita meta kien imqajjem fis-sodda matul il-lejl. (Salm 63:6) Ġesù, li kien perfett, għażel postijiet għall-kwiet biex jimmedita u jitlob.—Luqa 6:12.

AFFARIJIET TAJBIN BIEX TIMMEDITA FUQHOM

8. (a) Fuqiex nistgħu nimmeditaw? (b) Ġeħova kif iħossu meta nitkellmu dwaru m’oħrajn?

8 Minbarra dak li taqra fil-Bibbja, hemm affarijiet oħra li tistaʼ timmedita fuqhom. Pereżempju, meta tara xi ħaġa mill-ħolqien meraviljuż taʼ Ġeħova, ieqaf ftit u saqsi lilek innifsek, ‘Dan x’jgħallimni dwar Ġeħova?’ Ħsibijiet bħal dawn żgur li se jqanqluk tirringrazzja lil Ġeħova bit-talb. U jekk tkun maʼ nies oħra, se tkun trid taqsam magħhom is-sentimenti tiegħek. (Salm 104:24; Atti 14:17) Ġeħova jagħti kas x’qed nagħmlu u jieħu pjaċir meta nimmeditaw, nitolbu, u nitkellmu dwaru maʼ xulxin. Il-Bibbja tassigurana: “Ktieb it-tifkira beda jinkiteb quddiemu dwar dawk li għandhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova u dwar dawk li jaħsbu [jew jimmeditaw] fuq ismu.”—Malakija 3:16.

Timmedita int fuq kif tistaʼ tgħin lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek? (Ara paragrafu 9)

9. (a) Pawlu fuqiex qal lil Timotju biex jimmedita? (b) Fuqiex nistgħu nimmeditaw meta nippreparaw għall-ministeru tagħna?

9 L-appostlu Pawlu qal lil Timotju biex jimmedita fuq kif id-diskors, l-imġiba, u t-tagħlim tiegħu effettwaw lil oħrajn. (Aqra l-1 Timotju 4:12-16.) Int ukoll tistaʼ timmedita fuq dawn l-affarijiet. Pereżempju, għandek bżonn il-ħin biex timmedita meta tipprepara għal studju tal-Bibbja. Aħseb fl-istudent tiegħek, u pprova sib mistoqsija jew tixbiha li se tgħinu jagħmel progress. Meta tipprepara għall-istudji tal-Bibbja tiegħek b’dan il-mod, il-fidi tiegħek stess se tissaħħaħ u se ssir għalliem tal-Bibbja aħjar u iktar entużjast. Se tibbenefika wkoll meta timmedita qabel ma toħroġ fil-ministeru. (Aqra Esdra 7:10.) Forsi tistaʼ taqra kapitlu mill-ktieb tal-Atti biex jgħinek issir iktar żeluż fil-ministeru. Tistaʼ wkoll timmedita fuq versi tal-Bibbja li beħsiebek tuża dakinhar u l-pubblikazzjonijiet li beħsiebek toffri. (2 Timotju 1:6) Aħseb dwar in-nies fit-territorju u aħseb dwar x’tistaʼ tgħid biex tqanqlilhom l-interess. Meta tipprepara b’dan il-mod, se tkun tistaʼ tuża l-Bibbja b’mod effettiv biex tagħti xhieda lil oħrajn.—1 Korintin 2:4.

Agħti ċans biex dak li qed taqra jinżel f’qalbek u rringrazzja lil Ġeħova għall-affarijiet sbieħ li qed titgħallem

10. Liema affarijiet sbieħ oħra nistgħu nimmeditaw fuqhom?

10 X’inhuma xi affarijiet oħra li tistaʼ timmedita fuqhom? Jekk tieħu noti matul it-taħditiet pubbliċi, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet, ħu l-ħin biex tirrivedihom. Hekk kif tagħmel dan, saqsi lilek innifsek, ‘X’tgħallimt mill-Kelma t’Alla u mill-organizzazzjoni tiegħu?’ Tistaʼ timmedita wkoll fuq l-informazzjoni li jkollna fil-ħarġiet regolari tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! u fl-aħħar ħarġiet li kellna fil-konvenzjoni. Meta taqra l-Yearbook, ieqaf wara li taqra esperjenza, aħseb dwarha, u ħalliha tmisslek qalbek. Meta taqra l-pubblikazzjonijiet tagħna, forsi tkun trid timmarka l-ħsibijiet prinċipali jew tieħu noti fil-ġnub tal-paġna. Dan se jgħinek meta tipprepara għal żjara lura, żjara pastorali, jew taħdita. Iktar importanti minn hekk, meta tieqaf u timmedita fuq dak li taqra, tkun qed tagħti ċans biex il-materjal jinżel f’qalbek u jkollok ħin titlob u tirringrazzja lil Ġeħova għall-affarijiet sbieħ li qed titgħallem.

IMMEDITA FUQ IL-KELMA T’ALLA KULJUM

11. X’inhi l-iktar pubblikazzjoni importanti li għandna nimmeditaw fuqha, u kif se niġu megħjunin jekk nagħmlu dan? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

11 Ovvjament, il-Bibbja hi l-iktar pubblikazzjoni importanti li għandna nimmeditaw fuqha. Imma xi ngħidu jekk xi darba ma titħalliex ikollok Bibbja? * (Ara n-nota taʼ taħt.) Ħadd ma jistaʼ jwaqqfek milli timmedita fuq l-affarijiet li tgħallimt bl-amment, bħal pereżempju l-iskritturi favoriti tiegħek jew xi għanjiet tas-Saltna. (Atti 16:25) U l-ispirtu t’Alla se jgħinek tiftakar l-affarijiet li tgħallimt, u dan se jgħinek tibqaʼ leali.—Ġwanni 14:26.

12. X’inhu mod wieħed kif tistaʼ tippjana l-qari tal-Bibbja taʼ kuljum tiegħek?

12 X’inhu mod wieħed kif tistaʼ tippjana l-qari tal-Bibbja taʼ kuljum tiegħek? Xi ġranet fil-ġimgħa, forsi tistaʼ taqra u timmedita fuq il-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Ġranet oħra tistaʼ taqra mill-Evanġelji taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni u timmedita fuq dak li Ġesù qal u għamel. (Rumani 10:17; Ebrej 12:2; 1 Pietru 2:21) Minbarra dan, għandna pubblikazzjoni li tiddeskrivi l-ġrajjiet fil-ħajja taʼ Ġesù bl-ordni li seħħew. Din il-pubblikazzjoni tistaʼ tgħinek tibbenefika iktar bis-sħiħ mill-qari tiegħek tal-Evanġelji.—Ġwanni 14:6.

IL-MEDITAZZJONI GĦALA HI TANT IMPORTANTI?

13, 14. Għala hu tant importanti li nibqgħu nimmeditaw fuq Ġeħova u Ġesù, u dan x’se jqanqalna nagħmlu?

13 Jekk individwu jimmedita fuq Ġeħova u Ġesù, dan jistaʼ jgħinu jsir Kristjan matur u jibqaʼ jkollu fidi soda. (Ebrej 5:14; 6:1) Individwu li ftit li xejn iqattaʼ ħin jaħseb dwar Alla eventwalment se jitlef ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova jew saħansitra jispiċċa jagħtih dahru. (Ebrej 2:1; 3:12) Ġesù wissa li jekk ma nisimgħux, jew ma naċċettawx, il-Kelma t’Alla ‘b’qalb tajba’ mhux se ‘nżommuha.’ Minflok, faċilment nistgħu ‘ninġarru mill-ansjetajiet u mir-rikkezzi u mill-pjaċiri taʼ din il-ħajja.’—Luqa 8:14, 15.

14 Għalhekk, ejja nkomplu nimmeditaw fuq il-Bibbja u nsiru nafu lil Ġeħova aħjar. Dan se jqanqalna biex nimitaw il-kwalitajiet u l-personalità tiegħu iktar bis-sħiħ. (2 Korintin 3:18) Nistgħu nkomplu nitgħallmu iktar dwar Missierna tas-sema u nimitawh għal dejjem. M’hemmx unur akbar minn dan!—Ekkleżjasti 3:11.

Li timmedita fuq Ġeħova u Ġesù jgħinek tibqaʼ żeluż għall-verità

15, 16. (a) Kif ibbenefikajt mill-meditazzjoni fuq Ġeħova u Ġesù? (b) Kultant għala jistaʼ jkun diffiċli li nimmeditaw, imma għala m’għandniex naqtgħu qalbna?

15 Li timmedita fuq Ġeħova u Ġesù jgħinek tibqaʼ żeluż għall-verità. Iż-żelu tiegħek se jinkuraġġixxi lil ħutek u lin-nies li tiltaqaʼ magħhom fis-servizz tal-għalqa. U meta timmedita fuq dak li għamel għalik Ġeħova billi pprovda s-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù, int se tkompli tgħożż ir-relazzjoni mill-qrib li għandek m’Alla. (Rumani 3:24; Ġakbu 4:8) Mark, ħu mill-Afrika t’Isfel li qattaʼ tliet snin il-ħabs minħabba t-twemmin tiegħu, qal: “Il-meditazzjoni tistaʼ tiġi mqabbla m’avventura eċċitanti. Iktar ma nimmeditaw fuq affarijiet spiritwali, iktar se niskopru affarijiet ġodda dwar Alla tagħna, Ġeħova. Kultant, meta nħossni xi ftit skuraġġit jew ansjuż dwar il-futur, naqbad il-Bibbja u nimmedita fuq silta mill-Iskrittura. Inħoss li dan tassew jikkalmani.”

16 Il-ħajja f’din id-dinja tant hi mimlija affarijiet li jaljenawna li hu diffiċli nsibu ħin nimmeditaw fuq il-Bibbja. Patrick, ħu mill-Afrika, qal: “Moħħi hu bħal kaxxa tal-ittri mimlija b’varjetà taʼ informazzjoni, kemm informazzjoni utli u anke informazzjoni li mhix utli, u din l-informazzjoni kollha trid tiġi organizzata kuljum. Hekk kif infittex f’dak li hemm f’moħħi, spiss insib “ħsibijiet li jinkwetawni,’ u jkolli nitlob lil Ġeħova dwarhom qabel ma nkun nistaʼ nimmedita u nkun moħħni hemm. Għalkemm il-fatt li nagħmel dan jistaʼ jieħu xi ħin qabel ma nkun nistaʼ nibda nimmedita fuq affarijiet spiritwali, inħossni eqreb lejn Ġeħova. Dan jiftaħli moħħi biex inkun nistaʼ nifhem il-verità aħjar.” (Salm 94:19) Iva, aħna nibbenefikaw b’ħafna u ħafna modi meta naqraw u nimmeditaw fuq il-Bibbja kuljum.—Atti 17:11.

KIF ISSIB IL-ĦIN?

17. Int kif issib il-ħin biex timmedita?

17 Xi wħud iqumu kmieni filgħodu biex jaqraw, jimmeditaw, u jitolbu. Oħrajn jagħmlu dan fil-brejk taʼ nofsinhar. Forsi fil-każ tiegħek, l-aħjar ħin biex taqra l-Bibbja hu filgħaxija jew qabel ma tidħol torqod. Xi wħud iħobbu jaqraw il-Bibbja filgħodu u jerġgħu jaqrawha qabel ma jorqdu. (Ġożwè 1:8) L-importanti hu li ‘tuża l-ħin bl-aħjar mod,’ jiġifieri, li tieħu ħin minn affarijiet inqas importanti ħalli tkun tistaʼ timmedita fuq il-Kelma t’Alla kuljum.—Efesin 5:15, 16.

18. Il-Bibbja xi twiegħed għal dawk li jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla kuljum u li japplikaw dak li jitgħallmu?

18 Il-Bibbja twiegħed li Ġeħova se jbierek lil dawk kollha li jimmeditaw fuq Kelmtu u li jistinkaw biex japplikaw dak li tgħallmu. (Aqra Salm 1:1-3.) Ġesù qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28) Imma l-iktar importanti hu li jekk nimmeditaw kuljum fuq il-Kelma taʼ Ġeħova, dan se jgħinna nġibu ruħna b’tali mod li jonorah. Meta nagħmlu dan, Ġeħova se jippremjana b’ferħ issa u b’ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida tiegħu.—Ġakbu 1:25; Rivelazzjoni 1:3.

^ par. 11 Ara l-artiklu “Il-Ġlieda Tagħna biex Nibqgħu b’Saħħitna Spiritwalment” fit-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 2006.