Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Li nersaq qrib Alla kien tajjeb għalija

Li nersaq qrib Alla kien tajjeb għalija

META kelli disaʼ snin, waqaft nitwal. Illum għandi 43 sena, u ma finix iktar minn metru. Meta l-ġenituri rrealizzaw li mhux se nitwal iktar, inkuraġġewni biex naħdem iebes ħalli ma noqgħodx il-ħin kollu naħseb fuq it-tul tiegħi. Biex inżomm ruħi okkupata, armajt stand bil-frott quddiem id-dar tagħna u kont inżomm l-istand nadif u organizzat tajjeb. Dan ġibed lil ħafna klijenti.

Ovvjament, li naħdem iebes ma biddilx kollox. Xorta bqajt qasira ħafna, u kelli nitħabat anki biex nagħmel affarijiet sempliċi tal-ħajja, bħal li nlaħħaq mal-għoli tal-bank tal-ħwienet. Kollox kien qisu magħmul għal nies li kien fihom kważi d-doppju tat-tul tiegħi. Kont nitħassar lili nnifsi, imma dan inbidel meta kelli 14-il sena.

Darba minnhom, żewġ nisa li kienu Xhieda taʼ Ġeħova xtraw xi frott u mbagħad offrewli studju tal-Bibbja. Ma domtx biex indunajt li l-fatt li nsir naf lil Ġeħova u l-iskop tiegħu kien iktar importanti mit-tul tiegħi. Dan għenni ħafna. L-iskrittura taʼ Salm 73:28 saret il-favorita tiegħi. L-ewwel parti taʼ dan il-vers tgħid: “Li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija.”

F’daqqa waħda l-familja tagħna telqet minn Côte d’Ivoire biex tmur tgħix Burkina Faso, u ħajti nbidlet taʼ taħt fuq. Fejn konna noqogħdu qabel, in-nies drawni nkun ħdejn l-istand tal-frott. Imma fejn morna noqogħdu, għan-nies kont stranġiera, u għal ħafna, kont nidher stramba. In-nies kienu jiċċassaw lejja, u allura kont noqgħod ġewwa għal ġimgħat sħaħ. Imbagħad kont ftakart kemm kien tajjeb għalija li nersaq qrib Ġeħova. Ktibt lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova, u bagħtuli l-persuna addattata—Carnia, missjunarja li ġiet iżżurni fuq mutur żgħir.

It-toroq mimlija ramel fl-akkwata tagħna dejjem kienu jkunu jiżolqu, u fl-istaġun tax-xita, jimtlew bit-tajn. Carnia kemm-il darba waqgħet minn fuq il-mutur tagħha hi u ġejja biex tagħmilli l-istudju, imma ma qatgħetx qalba. Darba minnhom, hi offriet li tiħodni l-laqgħat. Jien irrealizzajt li dan kien ifisser li noħroġ mid-dar u noqgħod nissaporti lin-nies iħarsu lejja. Apparti minn hekk, li jkollha lili fuq wara tal-mutur kien ifisser iktar piż għall-mutur li diġà kien diffiċli biex issuqu. Minkejja dan, iddeċidejt li mmur, u bdejt niftakar fit-tieni parti tal-iskrittura favorita tiegħi: “Fil-Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.”

Jien u Carnia ġieli waqajna fit-tajn, imma għax konna nħobbu l-laqgħat, ma konniex nagħtu kas. Kien hemm baħar jaqsam bejn l-aħwa bi tbissima kollha mħabba li rajt fis-Sala tas-Saltna u n-nies li kienu jiċċassaw lejja! Disaʼ xhur wara tgħammidt.

It-tielet parti tal-iskrittura favorita tiegħi tgħid: “Biex niddikjara l-għemejjel kollha tiegħek.” Kont naf li l-ministeru kien se jkun l-ikbar sfida tiegħi. Għadni niftakar l-ewwel darba li mort nipprietka minn dar għal dar. Kemm it-tfal u kemm il-kbar kienu jiċċassaw lejja, isegwuni, u jidħqu bil-mod kif nimxi. Dan vera kien iweġġagħni, imma meta kont infakkar lili nnifsi li kellhom bżonn il-Ġenna tal-art daqs kemm għandi bżonnha jien, stajt nissaporti.

Sabiex nagħmel l-affarijiet iktar faċli, kont nuża tip taʼ rota. Il-ħu jew l-oħt li kont noħroġ fil-ministeru magħha kienet timbottani t-telgħa u mbagħad kienet taqbeż fuq ir-rota hekk kif ir-rota kienet taqbad in-niżla. Għalkemm il-ministeru kien taʼ sfida għall-ewwel, ma damx biex iġibli ferħ kbir, tant li fl-1998, bdejt naqdi bħala pijuniera regulari.

Jien ikkonduċejt ħafna studji tal-Bibbja, u erbgħa minn dawn l-istudenti tgħammdu. Minbarra dawn, waħda minn ħuti wkoll aċċettat il-verità! Kultant kont niskuraġġixxi ruħi. Imma kull meta kien jiġri dan, kont nismaʼ bil-progress taʼ ħaddieħor u kont ninkuraġġixxi ruħi. Darba minnhom waqt li kont qed inbati bil-malarja, irċivejt ittra minn Côte d’Ivoire. Kont bdejt studju tal-Bibbja fuq l-għatba tal-bieb maʼ student tal-università f’Burkina Faso u kont għaddejt l-istudju lil ħu. Iktar tard, l-istudent mar jgħix f’Côte d’Ivoire. Jien fraħt meta smajt li sar pubblikatur mhux mgħammed!

Kif immantni lili nnifsi? Organizzazzjoni li tgħin dawk b’diżabilità offriet li tgħallimni l-ħjata. Għalliema minnhom innotat kemm kont diliġenti u bieżla fix-xogħol u qalet, “Imissna ngħallmuk kif tagħmel is-sapun.” U hekk għamlu. Għalhekk, bdejt nagħmel tipi differenti taʼ sapun mid-dar tiegħi. In-nies mhux biss jogħġobhom is-sapun tiegħi imma jirrikkmandawh lil ħaddieħor ukoll. Jien stess inwassal is-sapun permezz taʼ mutur bi tliet roti.

B’dispjaċir, fl-2004, kelli nieqaf milli nkun pijuniera minħabba wġigħ kbir f’dahri. Imma xorta noħroġ fil-ministeru b’mod regulari.

In-nies jgħidu li jien magħrufa għat-tbissima li għandi. Għandi kull raġun biex inkun ferħana għax li nersaq qrib Alla kien tajjeb għalija.—Kif rakkontata minn Sarah Maiga.