Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarreġ lil uliedek biex jaqdu lil Ġeħova—It-2 parti

Ħarreġ lil uliedek biex jaqdu lil Ġeħova—It-2 parti

“Ġesù baqaʼ javanza fl-għerf u fl-iżvilupp fiżiku u approvat minn Alla u mill-bnedmin.”—LUQA 2:52.

GĦANJIET: 41, 89

1, 2. (a) Xi ġenituri li wliedhom huma żgħażagħ dwar xiex jinkwetaw? (b) Iż-żgħażagħ kif jistgħu jibbenefikaw mill-adoloxxenza tagħhom?

WIEĦED mill-iktar mumenti taʼ ferħ għall-ġenituri hu meta wliedhom jitgħammdu. * (Ara n-nota taʼ taħt.) L-erbat itfal taʼ Bernice kollha tgħammdu qabel ma għalqu 14-il sena. Hi tgħid: “Kienet esperjenza emozzjonali ħafna għalina. Ovvjament, konna grati li wliedna riedu jaqdu lil Ġeħova. Imma konna nafu wkoll li bħala żgħażagħ, it-tfal tagħna kienu se jħabbtu wiċċhom maʼ ħafna sfidi.” Int ukoll għandek mnejn tinkwieta dwar dan jekk ibnek jew bintek hi żagħżugħa jew dalwaqt se tkun żagħżugħa.

2 Espert fil-psikoloġija tat-tfal jgħid li l-adoloxxenza tistaʼ tkun diffiċli kemm għall-ġenituri kif ukoll għat-tfal, imma l-ġenituri m’għandhomx jaħsbu li wliedhom huma mġienen jew immaturi. Minflok, jgħid li ż-żgħażagħ huma kreattivi, għandhom emozzjonijiet profondi, u għandhom bżonn iqattgħu l-ħin maʼ sħabhom. Allura, waqt li għadhom żgħażagħ, uliedek jistgħu jiżviluppaw ħbiberija iktar mill-qrib maʼ Ġeħova, kif għamel Ġesù meta kien żgħir. (Aqra Luqa 2:52.) Ukoll, jistgħu jtejbu l-abbiltajiet tagħhom fl-ippritkar u jrawmu xewqa b’saħħitha li jagħmlu iktar biex jaqdu lil Alla. U jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom, bħal pereżempju li jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u jobduh. Imma x’tistaʼ tagħmel int bħala ġenitur biex tħarreġ lil uliedek jaqdu lil Ġeħova? Tistaʼ titgħallem mill-mod kif Ġesù ħarreġ lid-dixxipli tiegħu bl-imħabba, l-umiltà, u d-dehen.

ĦOBB LIL ULIEDEK

3. L-appostli kif kienu jafu li Ġesù kien il-ħabib tagħhom?

3 Ġesù kien iktar minn sempliċement is-Sid tal-appostli tiegħu. Kien ukoll il-ħabib tagħhom. (Aqra Ġwanni 15:15.) Fi żminijiet Bibliċi, ġeneralment sid ma kienx jitkellem mal-ilsiera tiegħu dwar il-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħu. Imma Ġesù ma kienx jittratta lill-appostli tiegħu bħala lsiera. Hu kien iħobbhom u kien iqattaʼ l-ħin magħhom. Kien jieħu pjaċir jgħidilhom x’kien qed jaħseb u kif kien qed iħossu, u ta widen bir-reqqa meta huma qalulu bil-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. (Marku 6:30-32) Din il-komunikazzjoni bejn Ġesù u l-appostli tiegħu għamlithom ħbieb tal-qalb u ħejjiet lill-appostli għax-xogħol li kienu se jagħmlu fil-futur.

4. Ġenituri, kif tistgħu tkunu ħbieb maʼ wliedkom? (Ara l-ewwel stampa.)

4 Għalkemm għandek awtorità fuq uliedek, tistaʼ wkoll tkun il-ħabib tagħhom. Il-ħbieb iqattgħu l-ħin flimkien. Forsi int tistaʼ tqattaʼ inqas ħin taħdem jew tagħmel affarijiet oħra ħalli jkollok iktar ħin xi tqattaʼ maʼ wliedek. Din hi xi ħaġa li jmissek titlob u taħseb dwarha bis-serjetà. Minbarra dan, il-ħbieb iħobbu affarijiet simili. Għalhekk, sir af xi jħobbu wliedek, pereżempju l-mużika, il-films, jew l-isports favorit tagħhom. Imbagħad ipprova ħu pjaċir b’dak li jogħġob lil uliedek. Ilaria, li tgħix l-Italja, tgħid: “Il-ġenituri tiegħi ħadu interess fil-mużika li kont nismaʼ. Infatti, missieri sar l-aqwa ħabib tiegħi, u ħassejt li stajt inkellmu anke dwar affarijiet li mhux dejjem ikun faċli li titkellem dwarhom.” Imbilli ssir il-ħabib taʼ wliedek u tgħinhom isiru l-ħbieb taʼ Ġeħova, ma jfissirx li qed titlef l-awtorità tiegħek bħala ġenitur. (Salm 25:14) Uliedek se jaraw li tħobbhom u tirrispettahom, u se jkun eħfef għalihom biex jitkellmu miegħek dwar kwalunkwe ħaġa.

5. Id-dixxipli taʼ Ġesù kif setaʼ jkollhom ħajja ferħana hekk kif qdew lil Ġeħova?

5 Ġesù kien jaf li jekk id-dixxipli tiegħu kienu jkunu entużjasti dwar li jaqdu lil Ġeħova u kienu jibqgħu beżlin f’li jippritkaw l-aħbar tajba, kienu se jkunu verament ferħanin. Allura, hu ħeġġiġhom biex jaħdmu iebes fl-ippritkar, u wegħedhom li kien se jgħinhom.—Mattew 28:19, 20.

6, 7. Kif turi mħabbtek għal uliedek meta tgħallimhom ikollhom rutina regulari taʼ servizz lil Ġeħova?

6 Int trid li wliedek jibqgħu qrib taʼ Ġeħova. U Ġeħova jridek tħarriġhom u tiddixxiplinahom. Hu tak l-awtorità biex tagħmel dan. (Efesin 6:4) Għalhekk, għandek bżonn tagħmel ċert li wliedek jieħdu dan it-taħriġ fuq bażi regulari. Aħseb dwar dan: Int taċċerta ruħek li wliedek imorru l-iskola għax taf li l-edukazzjoni li jirċievu hi importanti u tridhom jieħdu pjaċir jitgħallmu affarijiet ġodda. B’mod simili, int tagħmel ċert li jattendu l-laqgħat, l-assembleat, u l-qima bħala familja. Wara kollox, l-edukazzjoni li jirċievu mingħand Ġeħova tistaʼ ssalvalhom ħajjithom. Għalhekk, għinhom jieħdu gost jitgħallmu dwar Ġeħova u għinhom jirrealizzaw li hu jistaʼ jgħinhom ikunu tassew għorrief. (Proverbji 24:14) Ukoll, ħarreġ lil uliedek biex joħorġu b’mod regulari fis-servizz. Imita l-eżempju taʼ Ġesù billi tgħinhom jieħdu pjaċir jgħallmu l-Kelma t’Alla lil oħrajn.

7 Rutina regulari taʼ servizz lil Ġeħova, bħal pereżempju l-istudju, il-laqgħat, u l-ministeru, kif tgħin liż-żgħażagħ? Erin, li tgħix fl-Afrika t’Isfel, tgħid: “Jien u ħuti konna neqirdu u ngergru dwar l-istudju tal-Bibbja, il-laqgħat, u s-servizz. Kultant apposta konna nfixklu l-istudju tal-familja tagħna ħalli nipprovaw niffrankawh. Imma l-ġenituri tagħna ma qatgħux qalbhom.” Hi grata għall-ġenituri tagħha għax għenuha tinduna kemm huma importanti dawn l-affarijiet. Issa, kull meta jkollha titlef xi laqgħa jew ma tkunx tistaʼ toħroġ fis-servizz, ikollha sebaʼ mitt sena biex terġaʼ taqbad ir-rutina tagħha.

KUN UMLI

8. (a) Ġesù kif wera li kien umli? (b) L-umiltà taʼ Ġesù kif għenet lid-dixxipli?

8 Għalkemm Ġesù kien perfett, kien umli u qal lid-dixxipli tiegħu li kellu bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova. (Aqra Ġwanni 5:19.) Wassal dan biex id-dixxipli jkollhom inqas rispett għal Ġesù? Le. Iktar ma raw li kien jistrieħ fuq Ġeħova, iktar fdawh. Iktar tard, huma imitaw l-eżempju tiegħu tal-umiltà.—Atti 3:12, 13, 16.

Meta tammetti l-iżbalji tiegħek, uliedek se jimitawk u jirrispettawk

9. Meta tammetti l-iżbalji tiegħek u tiskuża ruħek, dan kif jistaʼ jgħin lil uliedek?

9 Kuntrarju għal Ġesù, aħna imperfetti u niżbaljaw. Allura kun umli. Irrealizza li hemm bosta affarijiet li m’intix kapaċi tagħmel, u ammetti meta tiżbalja. (1 Ġwanni 1:8) Imbagħad uliedek se jitgħallmu biex jammettu l-iżbalji tagħhom stess, u se jirrispettawk saħansitra iktar. Wara kollox, int lil min tirrispetta l-iktar? Imgħallem li jammetti meta jiżbalja jew inkella imgħallem li qatt ma jiskuża ruħu? Rosemary, li għandha tlett itfal, tgħid li hi u żewġha kienu lesti li jammettu l-iżbalji tagħhom. Hi tispjega: “Dan qanqal lil uliedna jiftħu qalbhom magħna meta kellhom xi problema.” Iżżid tgħid: “Għallimna lil uliedna fejn jistgħu jsibu l-aqwa soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom. Meta kellhom bżonn l-għajnuna, dejjem konna nidderiġuhom lejn il-letteratura tagħna bbażata fuq il-Bibbja u konna nitolbu flimkien.”

10. Ġesù kif kien umli anke meta kien qed jgħid lid-dixxipli x’għandhom jagħmlu?

10 Ġesù kellu l-awtorità li jgħid lid-dixxipli tiegħu x’għandhom jagħmlu. Imma peress li kien umli, spiss spjega għala għandhom jagħmluh. Pereżempju, hu mhux sempliċement qalilhom biex ifittxu l-ewwel is-Saltna u s-sewwa t’Alla, imma wkoll qal: “U dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” Meta Ġesù qalilhom biex jieqfu jiġġudikaw, hu spjega: “Biex ma tiġux ġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati.”—Mattew 6:31–7:2.

11. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek billi tispjegalhom għala għamilt ċerta regola jew ħadt ċerta deċiżjoni?

11 Sib il-ħin it-tajjeb biex tispjega lil uliedek għala għamilt ċerta regola jew ħadt ċerta deċiżjoni. Meta jifhmu r-raġuni għala, x’aktarx li iktar se jkunu lesti li jobduk. Barry, li rabba erbat itfal, jgħid: “Li tagħti raġunijiet jgħin liż-żgħażagħ tiegħek biex jafdawk.” Iż-żgħażagħ se jaraw li ma ħadtx ċerta deċiżjoni sempliċement għax għandek l-awtorità biex tagħmel dan imma għax għandek raġuni tajba. Ukoll, tinsiex li ż-żgħażagħ m’għadhomx tfal żgħar. Qed jitgħallmu kif jirraġunaw waħedhom, u jridu jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom. (Rumani 12:1) Barry jispjega: “Iż-żgħażagħ għandhom bżonn jitgħallmu jieħdu deċiżjonijiet tajbin li huma bbażati fuq ir-raġuni u mhux fuq emozzjoni.” (Salm 119:34) Għalhekk, kun umli u spjega lil uliedek għala ħadt ċerta deċiżjoni. B’dan il-mod, se jitgħallmu jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom u se jkunu jafu li tirrispettahom u li tirrealizza li qed isiru adulti.

URI D-DEHEN

12. Peress li Ġesù kellu d-dehen, kif għen lil Pietru?

12 Ġesù kellu d-dehen u fehem liema għajnuna kellhom bżonn id-dixxipli tiegħu. Pereżempju, meta Ġesù qal lid-dixxipli li kien se jiġi maqtul, Pietru qallu biex ikun ħanin miegħu nnifsu. Ġesù kien jaf li Pietru kien iħobbu, imma kien jaf ukoll li Pietru ma kienx qed jirraġuna sew. Ġesù kif għen lilu u lid-dixxipli l-oħra? L-ewwel, ikkoreġa lil Pietru. Imbagħad, Ġesù spjega x’kien se jiġri lil dawk li jevitaw li jagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova meta din tkun diffiċli biex jagħmluha. Ġesù wkoll qal li Ġeħova kien se jippremja lil dawk li mhumiex egoisti. (Mattew 16:21-27) Pietru tgħallimha l-lezzjoni.—1 Pietru 2:20, 21.

13, 14. (a) X’jistaʼ juri li bintek jew ibnek għandu bżonn isaħħaħ il-fidi tiegħu? (b) Kif tistaʼ ssir taf liema għajnuna tassew għandu bżonn ibnek jew bintek?

13 Itlob lil Ġeħova għad-dehen biex tkun tistaʼ tifhem liema għajnuna għandhom bżonn uliedek. (Salm 32:8) Forsi tinduna li xi ħadd minn uliedek m’għadux ferħan daqs kemm kien jew li jitkellem b’mod negattiv dwar l-aħwa. Forsi tħoss li hemm xi ħaġa li mhux qed jgħidlek. Taqbadx u tassumi li qed jagħmel xi ħaġa ħażina ħafna bil-moħbi. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Imma lanqas m’għandek tinjora l-problema jew tittama li jgħaddilu. Jistaʼ jkun li jkollok bżonn tgħinu jsaħħaħ il-fidi tiegħu.

Għin lil uliedek jagħmlu ħbieb tajbin fil-kongregazzjoni (Ara paragrafu 14)

14 Biex issir taf kif tistaʼ tgħin lil bintek jew ibnek, saqsi l-mistoqsijiet b’qalb tajba u rispett. Dan bħal meta ttellaʼ l-ilma minn bir. Jekk ittellgħu malajr wisq, mhux se ttellaʼ ilma daqs kemm trid. B’mod simili, jekk tkun bla paċenzja meta ssaqsi l-mistoqsijiet jew tipprova ġġiegħel lil ibnek jitkellem, m’intix se ssir taf x’jaħseb u xi jħoss verament. (Aqra Proverbji 20:5.) Ilaria tiftakar li meta kienet żagħżugħa, riedet tqattaʼ iktar ħin maʼ sħabha tal-klassi imma kienet taf li dan ma kienx sew. Il-ġenituri tagħha nnotaw li kienet inkwetata dwar xi ħaġa. Ilaria tgħid: “Darba minnhom filgħaxija, sempliċement semmew li kienu nnotaw li kont xi ftit imdejqa, u saqsewni x’kienet il-problema. Infqajt nibki, spjegajt is-sitwazzjoni, u saqsejthom għall-għajnuna. Għannquni, qaluli li fehmuni, u wiegħdu li jgħinuni.” Il-ġenituri taʼ Ilaria mill-ewwel bdew jgħinuha tagħmel ħbieb tajbin fil-kongregazzjoni.

Fittex għall-kwalitajiet tajbin taʼ wliedek u faħħarhom

15. X’inhu mod ieħor kif Ġesù wera li kellu d-dehen?

15 Ġesù wera d-dehen ukoll meta nnota l-kwalitajiet tajbin tad-dixxipli tiegħu. Pereżempju, meta Natanjel sar jaf li Ġesù kien minn Nazaret, qal: “Tistaʼ xi ħaġa tajba toħroġ minn Nazaret?” (Ġwanni 1:46) Li kieku kont hemm, kont taħseb int li Natanjel kien negattiv jew preġudikat jew li ma kellux fidi? Jistaʼ jkun, imma Ġesù mhux hekk ħaseb. Minflok, kellu d-dehen u kien jaf li Natanjel kien onest, u allura sejjaħlu “Israeli fil-veru sens tal-kelma, li fih m’hemm ebda qerq.” (Ġwanni 1:47) Ġesù setaʼ jaqra l-qalb, u hu uża din l-abbiltà biex ifittex għall-kwalitajiet tajbin tan-nies.

16. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jitjiebu?

16 Għalkemm ma tistax taqra l-qalb bħal Ġesù, jistaʼ jkollok id-dehen. Ġeħova jistaʼ jgħinek tfittex għall-kwalitajiet tajbin taʼ wliedek. Anke jekk uliedek jiddiżappuntawk, qatt m’għandek tgħidilhom li huma nies ħżiena jew li dejjem jaqilgħu l-inkwiet. Lanqas biss għandu jgħaddilek minn moħħok ħsieb bħal dan. Minflok, għidilhom li tistaʼ tara l-kwalitajiet tajbin tagħhom u li int ċert li huma jridu jagħmlu dak li hu sew. Innota x’jagħmlu biex jitjiebu u faħħarhom taʼ dan. Għinhom jaħdmu fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom billi tagħtihom iktar responsabbiltajiet meta jkun possibbli. Ġesù għamel dan mad-dixxipli tiegħu. Sena u nofs wara li ltaqaʼ maʼ Natanjel (li kien jissejjaħ ukoll Bartilmew), Ġesù tah responsabbiltà importanti. Għamel lil Natanjel appostlu, u Natanjel b’lealtà għamel ix-xogħol li tah Ġesù. (Luqa 6:13, 14; Atti 1:13, 14) Allura, minflok ma ġġiegħel lil uliedek iħossuhom li dak li jagħmlu qatt mhu tajjeb biżżejjed, faħħarhom u inkuraġġihom. Għinhom iħossu li jistgħu jferrħu lilek u lil Ġeħova u li jistgħu jużaw l-abbiltajiet tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova.

LI TĦARREĠ LIL ULIEDEK SE JĠIBLEK FERĦ KBIR

17, 18. Jekk tibqaʼ tħarreġ lil uliedek biex jaqdu lil Ġeħova, x’jistaʼ jkun ir-riżultat?

17 Abbli tħossok bħalma ħassu l-appostlu Pawlu. Hu kien sar il-missier spiritwali taʼ ħafna wħud billi għenhom biex jitgħallmu dwar Ġeħova. U tgħidx kemm kien iħobbhom! Għalhekk, kien taʼ wġigħ taʼ qalb għalih meta ħaseb li xi wħud minnhom forsi ma jibqgħux jaqdu lil Ġeħova. (1 Korintin 4:15; 2 Korintin 2:4) Victor, li rabba tlett itfal, jgħid: “Iż-żmien taż-żgħożija ma kienx żmien faċli. Imma l-isfidi li ffaċċjajna ma kienu xejn meta mqabblin maż-żminijiet sbieħ li gawdejna. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, gawdejna ħbiberija mill-qrib maʼ wliedna.”

18 Ġenituri, intom taħdmu iebes ħafna biex tħarrġu lil uliedkom għax tħobbuhom ħafna. Taqtgħux qalbkom. Aħsbu dwar kemm se tkunu ferħanin meta wliedkom jieħdu d-deċiżjoni li jaqdu lil Alla u meta jkomplu jaqduh b’fedeltà.—3 Ġwanni 4.

^ par. 1 Dan l-artiklu jiddiskuti kif il-ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom, minn 13-il sena sa 19-il sena, biex jaqdu lil Ġeħova.

^ par. 13 Il-ġenituri għandhom mnejn isibu t’għajnuna li jaqraw il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, l-1 Volum, paġna 317, u t-2 Volum bl-Ingliż, paġni 136-141.