Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mitt sena taħt it-tmexxija tas-Saltna!

Mitt sena taħt it-tmexxija tas-Saltna!

“L-Alla tal-paċi . . . jarmakom b’kull ħaġa tajba biex tagħmlu r-rieda tiegħu.”—EBREJ 13:20, 21.

GĦANJIET: 136, 14

1. Kemm kien importanti l-ippritkar għal Ġesù? Spjega.

ĠESÙ kien iħobb jitkellem dwar is-Saltna t’Alla. Waqt li Ġesù kien fuq l-art, tkellem iktar dwar is-Saltna minn kwalunkwe ħaġ’oħra. Hu semma s-Saltna iktar minn 100 darba matul il-ministeru tiegħu. Is-Saltna kienet verament importanti għal Ġesù.—Aqra Mattew 12:34.

2. Kemm kien hemm uħud li semgħu l-kmand imniżżel f’Mattew 28:19, 20, u għala ngħidu hekk? (Ara n-nota taʼ taħt.)

2 Ftit wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù ltaqaʼ maʼ grupp taʼ iktar minn 500. (1 Korintin 15:6) Forsi dan ġara meta Ġesù ta l-kmand biex jippritkaw lin-“nies tal-ġnus kollha.” Dax-xogħol ma kienx se jkun faċli. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Hu qalilhom li l-ippritkar kellu jdum għal żmien twil, “sal-konklużjoni tas-sistema.” Meta tipprietka l-aħbar tajba llum, tkun qed tgħin biex titwettaq din il-profezija.—Mattew 28:19, 20.

3. Liema tliet affarijiet għenuna biex nippritkaw l-aħbar tajba?

3 Wara li Ġesù ta l-kmand biex jippritkaw, hu qal: “Jien magħkom.” (Mattew 28:20) Allura, Ġesù wiegħed lis-segwaċi tiegħu li kien se jidderieġi l-ippritkar u li se jgħinhom jippritkaw mad-dinja kollha. Ġeħova wkoll hu magħna. Hu tana “kull ħaġa tajba” biex jgħinna nippritkaw. (Ebrej 13:20, 21) F’dan l-artiklu, se nikkunsidraw tlieta minn dawn l-affarijiet tajbin: (1) l-għodod li ngħatajna, (2) il-metodi li użajna, u (3) it-taħriġ li ngħatajna. L-ewwel, ejja nikkunsidraw xi għodod li użajna matul l-aħħar 100 sena.

GĦODOD LI GĦENU L-QADDEJJA T’ALLA BIEX JIPPRITKAW

4. Ħafna għodod differenti kif għenuna fl-ippritkar?

4 Ġesù qabbel il-messaġġ tas-Saltna maʼ żerriegħa li hi miżrugħa f’tipi differenti taʼ ħamrija. (Mattew 13:18, 19) Biex ġardinar jipprepara l-ħamrija, juża ħafna għodod differenti. B’mod simili, is-Sultan tagħna tana għodod li nistgħu nużaw biex ngħinu lin-nies jaċċettaw il-messaġġ tagħna. Xi għodod kienu utli għal żmien qasir, filwaqt li oħrajn għadhom jintużaw sal-lum il-ġurnata. Imma l-għodod kollha għenuna niżviluppaw l-abbiltajiet tagħna fl-ippritkar.

Il-kard tat-testimonjanza, għenet lil ħafna jibdew jippritkaw

5. X’kienet il-kard tat-testimonjanza, u kif kienet tintuża?

5 Fl-1933, il-pubblikaturi bdew jużaw il-kard tat-testimonjanza, għodda li għenet lil ħafna jibdew jippritkaw. Kienet kard żgħira b’messaġġ qasir u sempliċi minn fuq il-Bibbja. Kultant kienet tiġi ppubblikata kard ġdida b’messaġġ ġdid. Ħuna Erlenmeyer kellu madwar 10 snin meta uża għall-ewwel darba waħda minn dawn il-kards tat-testimonjanza. Hu spjega: “Normalment din l-introduzzjoni konna nużaw, ‘Tistaʼ jekk jogħġbok taqra din il-kard?’ Wara li l-inkwilin kien jaqra l-kard, konna nippreżentaw il-letteratura u nitilqu ’l hemm.”

6. Il-kard tat-testimonjanza kif kienet taʼ għajnuna?

6 Il-kard tat-testimonjanza kienet tgħin lill-pubblikaturi b’diversi modi. Pereżempju, xi pubblikaturi kienu mistħijin, u għalkemm verament riedu jippritkaw, ma kinux jafu x’għandhom jgħidu. Pubblikaturi oħra kienu kuraġġużi ħafna. Dawn kienu jgħidu lill-inkwilin kulma kienu jafu fi ftit minuti biss, imma mhux dejjem qaluh bit-tattika. Il-kard tat-testimonjanza kienet tgħin lil kull pubblikatur iwassal messaġġ ċar u sempliċi.

7. Xi wħud xi sfidi kien ikollhom meta użaw il-kard?

7 Kien hemm l-isfidi wkoll. Oħtna Grace Estep qalet: “Kultant, kienu jsaqsuna, ‘Allura dwar xiex inhi? Ma tistax taqbad u tgħidli dwarha?’” Barra minn hekk, xi inkwilini ma setgħux jaqraw il-kard. Oħrajn sempliċement ħadu l-kard u għalqu l-bieb. Xi nies ma kinux jieħdu pjaċir bil-messaġġ tagħna, u allura l-kard kienu jġibuha rmied. Però, minkejja l-isfidi, il-kard tat-testimonjanza għenet lill-pubblikaturi biex jippritkaw lin-nies u biex jiġu identifikati bħala predikaturi tas-Saltna.

8. Il-fonografu li setaʼ jinġarr kif kien jintuża? (Ara l-ewwel stampa.)

8 Għodda oħra li kienet tintuża wara l-1930 kien il-fonografu li setaʼ jinġarr. Xi aħwa kienu jsejħulu Aron għax l-apparat kien jitkellem minflokhom. (Aqra Eżodu 4:14-16.) Jekk l-inkwilin ikun qabel li joqgħod jismaʼ, il-pubblikatur kien isemmagħlu taħdita qasira bbażata fuq il-Bibbja u mbagħad kien joffri xi letteratura. Kultant, familji sħaħ kienu jinġabru biex jisimgħu taħdita! Fl-1934, l-organizzazzjoni tagħna bdiet tagħmel fonografi li setgħu jinġarru magħmulin apposta għall-ministeru. Maż-żmien, l-aħwa rrekordjaw 92 taħdita differenti.

9. Kemm kien effettiv il-fonografu li setaʼ jinġarr?

9 Meta Hillary Goslin semaʼ waħda minn dawn it-taħditiet, hu ssellef fonografu għal ġimgħa biex iwassal il-messaġġ tal-Bibbja lill-ġirien tiegħu. Minħabba f’hekk, diversi nies interessaw ruħhom fil-verità u tgħammdu. Maż-żmien, iż-żewġt ibniet taʼ Ħuna Goslin marru l-Iskola taʼ Gilegħad u saru missjunarji. Bħall-kard tat-testimonjanza, il-fonografu li setaʼ jinġarr għen lil ħafna pubblikaturi biex jibdew jippritkaw. Iktar tard, permezz tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, is-Sultan kien se jħarreġ lin-nies tiegħu biex isiru għalliema effettivi.

JINTUŻA KULL METODU POSSIBBLI BIEX JINTLAĦQU N-NIES

10, 11. Il-gazzetti u r-radju kif intużaw biex tiġi ppritkata l-aħbar tajba, u għala dawn il-metodi kienu effettivi?

10 Taħt it-tmexxija tas-Sultan tagħna, in-nies t’Alla użaw metodi differenti biex jilħqu lil kemm jistaʼ jkun nies fl-ippritkar. Dawn il-metodi kienu importanti b’mod partikulari meta kellna ftit ħaddiema biss. (Aqra Mattew 9:37.) Pereżempju, ħafna snin ilu l-gazzetti kienu jintużaw biex tiġi ppritkata l-aħbar tajba. Kull ġimgħa Ħuna Russell kien jibgħat taħdita bbażata fuq il-Bibbja lil aġenzija tal-aħbarijiet. Imbagħad, din kienet tibgħat it-taħdita lil tal-gazzetti fl-Ewropa, l-Istati Uniti, u l-Kanada. Sal-1913, it-taħditiet taʼ Ħuna Russell kienu jiġu ppubblikati f’2,000 gazzetta u kienu jinqraw minn xi 15,000,000 persuna!

Il-gazzetti u r-radju kienu taʼ għajnuna biex jintlaħqu ħafna nies fi nħawi fejn kien hemm ftit aħwa

11 Ir-radju wkoll intuża b’mod effettiv biex tiġi ppritkata l-aħbar tajba. Fis-16 t’April 1922, Ħuna Rutherford ta waħda mill-ewwel taħditiet tiegħu fuq ir-radju, u madwar 50,000 ruħ semgħuh. Ftit wara, bnejna l-istazzjon tar-radju tagħna stess li kien jismu WBBR, u l-ewwel programm ixxandar fl-24 taʼ Frar 1924. It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Diċembru 1924, qal: “Aħna nemmnu li r-radju hu l-aktar mezz ekonomiku u effettiv li qatt użajna biex naqsmu l-messaġġ tal-verità.” Bħall-gazzetti, ir-radju għenna nilħqu ħafna nies fi nħawi fejn kien hemm ftit aħwa.

Ħafna pubblikaturi tas-Saltna jieħdu pjaċir jippritkaw f’postijiet pubbliċi u jgħidu lin-nies dwar il-Websajt tagħna (Ara paragrafi 12, 13)

12. (a) Liema huma l-iktar tipi taʼ ppritkar f’postijiet pubbliċi li tieħu pjaċir tagħmel? (b) X’jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe biżaʼ li għandu mnejn ikollna dwar l-ippritkar f’postijiet pubbliċi?

12 L-ippritkar f’postijiet pubbliċi hu metodu effettiv li qed jintuża biex jintlaħqu n-nies illum. Qed isiru ħafna sforzi biex il-messaġġ jiġi ppritkat lin-nies li jkunu fuq l-istage, fl-istazzjonijiet tat-trejn, u fil-parking areas, u kif ukoll fil-pjazez u fis-suq. Meta tipprietka f’postijiet pubbliċi, tkun beżgħan? Jekk inhu hekk, itlob l-għajnuna mingħand Alla u kkunsidra dak li qal Ħuna Manera, indokratur li jivvjaġġa: “Aħna qisna kull aspett ġdid taʼ servizz bħala mod ieħor kif nistgħu naqdu lil Ġeħova, mod ieħor kif nistgħu nagħtu prova tal-lealtà tagħna lejh, u bħala prova oħra tal-integrità tagħna. U aħna konna ħerqanin li nagħtu prova li aħna lesti li naqduh b’kull mod li jitlob minna.” Meta negħlbu l-beżgħat tagħna u nużaw metodi ġodda biex nippritkaw, insaħħu l-fidi tagħna f’Ġeħova u nsiru wħud li jippritkaw aħjar.—Aqra t-2 Korintin 12:9, 10.

13. Il-Websajt tagħna għala hu metodu effettiv tal-ippritkar, u x’esperjenzi kellek meta użajtha?

13 Ħafna pubblikaturi jieħdu pjaċir jgħidu lin-nies dwar il-Websajt tagħna, jw.org, li minnha jistgħu jaqraw u jiddawnlowdjaw letteratura Biblika f’iktar minn 700 lingwa.Kull jum, iktar minn 1.6 miljun persuna jżuru l-Websajt tagħna. Fil-passat, ir-radju laħaq in-nies bl-aħbar tajba f’postijiet iżolati. Illum, il-Websajt tagħna qed tagħmel dan.

INĦARRĠU L-PREDIKATURI TAL-AĦBAR TAJBA

14. Il-pubblikaturi liema taħriġ kellhom bżonn, u liema skola għenithom ikunu iktar għalliema effettivi?

14 L-għodod u l-metodi li ddiskutejna kienu effettivi ħafna. Però, il-pubblikaturi lura f’dak iż-żmien kellhom bżonn jitħarrġu kif ikunu predikaturi. Pereżempju, kultant inkwilin ma kienx jaqbel maʼ dak li kien jismaʼ mill-fonografu. Però, ġieli inkwilin kien ikun interessat u kien ikun irid jitgħallem iktar. Il-pubblikaturi kellhom bżonn ikunu jafu kif għandhom iwieġbu għal oġġezzjoni bit-tattika u kif ikunu għalliema aħjar. Bla dubju, bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla, Ħuna Knorr induna li kien importanti għall-pubblikaturi li jitgħallmu kif jitkellmu fil-ministeru. Allura, mill-1943, il-kongregazzjonijiet bdew jorganizzaw l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Din l-iskola għenet lil kulħadd biex isir għalliem effettiv.

15. (a) Xi wħud x’esperjenzaw meta taw taħdita fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku? (b) Il-wegħda taʼ Ġeħova mniżżla f’Salm 32:8, kif esperjenzajtha fil-każ tiegħek?

15 Ħafna aħwa ma kinux imdorrijin jitkellmu quddiem udjenza. Ħuna Ramu jiftakar l-ewwel taħdita li ta fl-1944. It-taħdita kienet dwar karattru Bibliku li jismu Duweg. Hu qal: “Irkopptejja bdew iħabbtu flimkien, idejja bdew jirtogħdu, u snieni kienu qed iċekċku.” Hu żied jgħid: “Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi li nitkellem minn fuq il-platform, imma ma qtajtx qalbi.” Għalkemm ma kienx faċli, it-tfal ukoll taw taħditiet fl-iskola. Ħuna Manera jiftakar x’ġara meta tfajjel ta l-ewwel taħdita tiegħu: “Tant kemm kien eċċitat meta beda t-taħdita tiegħu, li beda jibki. Imma peress li kien determinat li jagħmel it-taħdita, baqaʼ għaddej bit-taħdita avolja kien qed jibki matul it-taħdita kollha.” Forsi ma tikkummentax jew ma tipparteċipax b’modi oħra waqt il-laqgħat għax tistħi jew għax tħoss li m’intix kapaċi. Jekk inhu hekk, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tegħleb il-beżgħat tiegħek. Hu se jgħinek bħalma għen lil dawn l-istudenti tal-bidu tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.—Aqra Salm 32:8.

Iktar minn 8,500 student ġew imħarrġin fl-Iskola taʼ Gilegħad u ntbagħtu jaqdu f’170 pajjiż mill-1943 ’l hawn

16. X’kienet il-mira tal-Iskola taʼ Gilegħad (a) fil-passat u (b) mill-2011?

16 L-organizzazzjoni t’Alla pprovdiet ukoll taħriġ permezz tal-Iskola taʼ Gilegħad. Wieħed mill-iskopijiet tal-iskola hu li jgħin lill-istudenti jsaħħu x-xewqa li jippritkaw l-aħbar tajba. L-Iskola taʼ Gilegħad bdiet fl-1943, u minn dakinhar, 8,500 student ġew imħarrġin u ntbagħtu jaqdu f’170 pajjiż. Mill-2011, dawk li ġew mistidnin għall-iskola kienu pijunieri speċjali, indokraturi li jivvjaġġaw, Beteliti, jew missjunarji li għadhom ma marrux l-Iskola taʼ Gilegħad.

17. Kemm hu effettiv it-taħriġ taʼ Gilegħad?

17 Kienet l-Iskola taʼ Gilegħad effettiva? Iva. Ikkunsidra dak li ġara fil-Ġappun. F’Awwissu tal-1949, kien hemm inqas minn 10 pubblikaturi f’dan il-pajjiż. Imma sal-aħħar taʼ dik is-sena, kien hemm 13-il missjunarju li kienu qed jippritkaw maʼ pubblikaturi lokali. Illum, hemm madwar 216,000 pubblikatur fil-Ġappun, u kważi nofshom huma pijunieri!

18. Liema skejjel oħra għandna?

18 Għandna ħafna skejjel oħra, bħall-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna, l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier, l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna, l-Iskola għall-Indokraturi li Jżuru l-Kongregazzjonijiet u n-Nisa Tagħhom, u l-Iskola għall-Membri tal-Kumitati tal-Fergħa u n-Nisa Tagħhom. Dawn l-iskejjel ħarrġu tajjeb lill-aħwa rġiel u nisa u saħħewlhom il-fidi. Huwa ċar li Ġesù jkompli jħarreġ lil ħafna nies.

19. Ħuna Russell x’qal dwar l-ippritkar, u dan kif seħħ?

19 Is-Saltna t’Alla ilha tmexxi għal iktar minn 100 sena. Matul dak iż-żmien, is-Sultan tagħna, Ġesù Kristu, idderieġa u għadu jidderieġi l-ippritkar. Fl-1916, Ħuna Russell emmen li l-ippritkar tal-aħbar tajba kien se jinfirex mad-dinja kollha. Hu qal: “Ix-xogħol qed jiżdied b’rata liema bħalha, u se jkompli jiżdied, għax l-ippritkar ‘tal-evanġelju tas-saltna’ jrid isir mad-dinja kollha.” (Faith on the March, minn A. H. Macmillan, paġna 69) Proprju hekk qed isir illum! Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova, l-Alla tal-paċi, li hu jagħtina kulma jkollna bżonn biex nagħmlu r-rieda tiegħu!

^ par. 2 Aktarx li l-maġġorparti tal-grupp saru Kristjani. Għala ngħidu hekk? Għax l-appostlu Pawlu jsejħilhom “ħames mitt ħu.” Hu jgħid ukoll: “Il-biċċa l-kbira minnhom għadhom ħajjin sa llum, imma xi wħud raqdu fil-mewt.” Allura, jidher li Pawlu u Kristjani oħrajn kienu jafu ħafna minn dawk li kienu semgħu b’widnejhom stess il-kmand li Ġesù ta biex jippritkaw.