Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova, l-Alla li jikkomunika

Ġeħova, l-Alla li jikkomunika

“Ismaʼ, jekk jogħġbok, u jien nitkellem.”—ĠOB 42:4.

GĦANJIET: 113, 114

1-3. (a) Il-ħsibijiet u l-lingwa t’Alla għala huma superjuri għal dawk tan-nies? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

ĠEĦOVA ħalaq l-anġli u iktar tard in-nies. Għamel hekk għax ried jaqsam il-ħajja u l-ferħ magħhom. (Salm 36:9; 1 Timotju 1:11) L-ewwel li ħalaq Ġeħova kien dak li l-appostlu Ġwanni jsejjaħlu “l-Kelma,” jiġifieri Ġesù. (Ġwanni 1:1; Rivelazzjoni 3:14) Ġeħova kkomunika maʼ dan u esprima l-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħu miegħu. (Ġwanni 1:14, 17; Kolossin 1:15) L-appostlu Pawlu jgħid li l-anġli wkoll jikkomunikaw u li għandhom lingwa, waħda li hi differenti ħafna mil-lingwa tan-nies.—1 Korintin 13:1.

2 Ġeħova jaf kollox dwar il-biljuni taʼ anġli u nies li ħalaq. Hu jistaʼ jismaʼ t-talb taʼ miljuni taʼ nies fl-istess ħin, u hu jifhem it-talb tagħhom tkun xi tkun il-lingwa li jitolbu biha. Waqt li qed jismaʼ dan it-talb kollu, Ġeħova qed jikkomunika wkoll mal-anġli u jidderiġihom. Biex jagħmel dan kollu, il-ħsibijiet u l-lingwa taʼ Ġeħova bilfors li huma superjuri għall-ħsibijiet u l-lingwa tan-nies. (Aqra Isaija 55:8, 9.) Allura, meta jikkomunika man-nies, hu jissimplifika l-messaġġ tiegħu ħalli aħna nkunu nistgħu nifhmuh.

3 F’dan l-artiklu, se nitgħallmu kif Ġeħova jikkomunika man-nies b’mod ċar. Se naraw ukoll kif ibiddel il-mod kif jikkomunika skont iċ-ċirkustanzi.

ALLA JIKKOMUNIKA MAN-NIES

4. (a) Ġeħova liema lingwa uża biex jikkomunika maʼ Mosè, Samwel, u David? (b) X’tinkludi l-Bibbja?

4 Meta kkomunika mal-ewwel bniedem, Adam, fil-ġnien tal-Għeden, Ġeħova probabbilment uża forma antika tal-lingwa Ebrajka. Iktar tard, Ġeħova kkomunika maʼ wħud bħal Mosè, Samwel, u David. Għalkemm kitbu l-kliem tagħhom bl-Ebrajk u bl-istil tagħhom stess, kienu fil-fatt qegħdin jiktbu l-ħsibijiet t’Alla. Huma kitbu kelma b’kelma stqarrijiet li qal Alla u kitbu wkoll dwar l-istorja tar-relazzjoni t’Alla mal-poplu tiegħu. Pereżempju, fil-Bibbja naqraw dwar il-fidi u l-imħabba li kellhom għal Alla, u kif wkoll dwar meta żbaljaw u ma baqgħux leali. Din l-informazzjoni kollha nkitbet għall-ġid tagħna.—Rumani 15:4.

Kittieba tal-Bibbja kitbu kelma b’kelma stqarrijiet li qal Ġeħova u kitbu wkoll l-istorja tar-relazzjoni t’Alla mal-poplu tiegħu

5. Il-lingwa Ebrajka kienet l-unika lingwa li Alla uża biex jikkomunika man-nies? Spjega.

5 Ġeħova mhux dejjem ikkomunika man-nies bl-Ebrajk. Sakemm l-Iżraelin ġew meħlusin minn Babilonja, uħud minnhom kienu jitkellmu bl-Aramajk fil-ħajja taʼ kuljum. Forsi kien għalhekk li Danjel, Ġeremija, u Esdra kitbu partijiet mill-Bibbja bl-Aramajk. *—Ara n-nota taʼ taħt.

6. L-Iskrittura Ebrajka għala kienet tradotta bil-Grieg?

6 Alessandru l-Kbir iktar tard rebaħ ħafna pajjiżi, u l-Grieg komuni, jiġifieri l-Koine, sar l-iktar lingwa mitkellma f’ħafna pajjiżi. Ħafna Lhud bdew jitkellmu l-Grieg, u maż-żmien l-Iskrittura Ebrajka ġiet maqluba għall-Grieg. Din it-traduzzjoni tissejjaħ is-Settanta. Kienet l-ewwel traduzzjoni tal-Bibbja u waħda mill-iktar importanti. L-esperti jemmnu li s-Settanta tlestiet minn 72 traduttur. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Xi wħud ittraduċew mill-Iskrittura Ebrajka kelma b’kelma, waqt li oħrajn m’għamlux hekk. Minkejja dan, Lhud u Kristjani li kienu jitkellmu bil-Grieg emmnu li s-Settanta kienet il-Kelma t’Alla.

7. Ġesù liema lingwa kien juża biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu?

7 Meta Ġesù kien fuq l-art, probabbilment tkellem bl-Ebrajk. (Ġwanni 19:20; 20:16; Atti 26:14) Hu forsi uża wkoll xi espressjonijiet Aramajċi li kienu jintużaw spiss dak iż-żmien. Imma kien jaf ukoll il-lingwa antika Ebrajka li kienu jitkellmu biha Mosè u l-profeti, li l-kitba tagħhom kienet tinqara fis-sinagogi kull ġimgħa. (Luqa 4:17-19; 24:44, 45; Atti 15:21) U għalkemm fi żmien Ġesù, kien hemm nies li kienu jitkellmu bil-Grieg u l-Latin, il-Bibbja ma tgħidx jekk Ġesù kienx jitkellem b’dawn il-lingwi wkoll.

8, 9. Għala ħafna Kristjani tkellmu bil-Grieg, u dan x’jgħallimna dwar Ġeħova?

8 L-ewwel segwaċi taʼ Ġesù tkellmu bl-Ebrajk, imma wara l-mewt tiegħu, id-dixxipli tiegħu tkellmu b’lingwi oħra. (Aqra Atti 6:1.) Hekk kif it-tagħlim Kristjan infirex, ħafna Kristjani tkellmu bil-Grieg iktar milli bl-Ebrajk. Minħabba li l-Grieg kien l-iktar lingwa mitkellma, il-kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni ġew imqassmin bil-Grieg. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Barra minn hekk, l-ittri tal-appostlu Pawlu u kotba oħrajn tal-Bibbja kienu miktubin bil-Grieg.

9 Taʼ interess hu li meta l-kittieba tal-Iskrittura Griega Kristjana kkwotaw mill-Iskrittura Ebrajka, huma spiss użaw is-Settanta. Kultant, dawn il-kwotazzjonijiet kienu ftit differenti minn kif il-kliem kien impoġġi bl-Ebrajk oriġinali. Allura, ix-xogħol taʼ tradutturi imperfetti sar parti mill-Bibbja li għandna llum. Dan jgħallimna li Ġeħova ma jqisx lingwa jew kultura aħjar minn oħra.—Aqra Atti 10:34.

Alla ma jistenniex minna li nitkellmu b’lingwa partikulari sabiex insiru nafuh jew insiru nafu l-iskopijiet tiegħu

10. X’tgħallimna minn kif Ġeħova jikkomunika man-nies?

10 Aħna tgħallimna li Ġeħova jikkomunika man-nies skont iċ-ċirkustanzi tagħhom. Hu ma jistenniex minna li nitkellmu b’lingwa partikulari sabiex insiru nafuh jew insiru nafu l-iskopijiet tiegħu. (Aqra Żakkarija 8:23; Rivelazzjoni 7:9, 10.) Aħna tgħallimna wkoll li Ġeħova nebbaħ lill-kittieba tal-Bibbja, imma ħalliehom jiktbu l-ħsibijiet tiegħu fi kliemhom stess.

ALLA JIPPROTEĠI L-MESSAĠĠ TIEGĦU

11. Il-fatt li n-nies jużaw ħafna lingwi differenti, għala mhijiex problema għal Ġeħova?

11 In-nies jużaw ħafna lingwi differenti, imma din mhijiex problema għal Ġeħova. Kif nafu dan? Il-Bibbja fiha biss ftit mill-kliem taʼ Ġesù bil-lingwa oriġinali li tkellem biha. (Mattew 27:46; Marku 5:41; 7:34; 14:36) Imma Ġeħova għamel ċert li l-messaġġ taʼ Ġesù jiġi miktub u maqlub għall-Grieg, u maż-żmien, għal lingwi oħra. Barra minn hekk, minħabba li l-Kelma t’Alla ġiet ikkopjata ħafna drabi mil-Lhud u l-Kristjani, il-messaġġ t’Alla baqaʼ protett. Dawn il-kopji mbagħad ġew tradotti f’ħafna lingwi oħra. Madwar 400 sena wara Kristu (WK), John Chrysostom qal li t-tagħlim taʼ Ġesù kien ġie tradott bil-lingwi tas-Sirjani, Eġizzjani, Indjani, Persjani, Etjopjani, u f’ħafna lingwi oħra.

12. Il-Bibbja kif ġiet attakkata?

12 Matul l-istorja, kien hemm ħafna attakki kontra l-Bibbja u kontra dawk li ttraduċewha u qassmuha lin-nies. Xi 300 sena wara li twieled Ġesù, l-Imperatur Ruman Dijoklezjanu ordna biex jiġu meqruda l-kopji kollha tal-Bibbja. Madwar 1,200 sena wara, William Tyndale beda jittraduċi l-Bibbja bl-Ingliż. Hu qal li jekk Alla jħallih jgħix biżżejjed, kien se jagħmel ċert li anki tifel tal-għalqa jsir jaf il-Bibbja aħjar minn qassis. Minħabba l-persekuzzjoni, Tyndale kellu jaħrab mill-Ingilterra ħalli jkun jistaʼ jittraduċi u jistampa l-Bibbja tiegħu. Għalkemm il-kleru pprova jaħraq il-kopji kollha li setaʼ jsib, it-traduzzjoni taʼ Tyndale laħqet ġiet imqassma lil ħafna nies. Maż-żmien, Tyndale ġie mgħallaq u maħruq maʼ zokk. Imma t-traduzzjoni tiegħu rnexxielha tibqaʼ f’idejn in-nies minkejja l-attakki mill-kleru, u ntużat biex tiġi ppreparata traduzzjoni tal-Bibbja li tissejjaħ King James Version.Aqra t-2 Timotju 2:9.

13. X’wera l-istudju tal-manuskritti antiki tal-Bibbja?

13 Huwa minnu li fost xi kopji antiki tal-Bibbja hemm ftit żbalji u differenzi. Madankollu, esperti tal-Bibbja studjaw bir-reqqa eluf taʼ manuskritti, partijiet taʼ manuskritti, u traduzzjonijiet antiki tal-Bibbja. Wara li qabbluhom flimkien, sabu li kien hemm biss ftit versi li għandhom differenzi żgħar, u li dawn mhumiex sinifikanti. Imma l-messaġġ tal-Bibbja ma nbidilx. Studji bħal dawn jikkonvinċu studenti tal-Bibbja sinċieri li l-Bibbja li għandhom illum hi l-Kelma mnebbħa taʼ Ġeħova.—Isaija 40:8. * (Ara n-nota taʼ taħt.)

14. Il-Bibbja kemm hi disponibbli llum?

14 Minkejja l-ħafna attakki kontra l-Bibbja, din ġiet tradotta f’iktar minn 2,800 lingwa. Jiġifieri iktar minn kwalunkwe ktieb disponibbli llum. Għalkemm ħafna nies m’għandhomx fidi f’Alla, il-Kelma tiegħu qed tkompli tkun l-iktar ktieb fl-istorja li ġie mqassam mad-dinja. Għalkemm xi traduzzjonijiet tal-Bibbja mhumiex daqstant faċli biex jinqraw jew mhumiex preċiżi ħafna, kważi kollha kemm huma jagħtu l-messaġġ sempliċi taʼ tama u ħajja taʼ dejjem.

KIEN HEMM BŻONN TAʼ TRADUZZJONI ĠDIDA TAL-BIBBJA

15. (a) Il-letteratura Biblika tagħna kif inbidlet mill-1919? (b) Il-letteratura tagħna għala hi miktuba l-ewwel bl-Ingliż?

15 Fl-1919, grupp żgħir taʼ studenti tal-Bibbja ġew maħturin bħala “l-ilsir leali u għaqli.” Dak iż-żmien, l-ilsir leali l-iktar li kkomunika man-nies t’Alla kien bl-Ingliż. (Mattew 24:45) Imma llum, il-letteratura Biblika hi provduta f’iktar minn 700 lingwa. Bħalma kien jintuża l-Grieg fil-passat, issa hu normali li jintuża l-Ingliż fejn jidħol negozju u edukazzjoni u hu magħruf minn ħafna nies. Allura, il-letteratura tagħna l-ewwel tinkiteb bl-Ingliż u mbagħad tinqaleb għal lingwi oħra.

16, 17. (a) X’kellhom bżonn in-nies t’Alla? (b) Il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida x’għamel? (ċ) X’kienet ix-xewqa taʼ Ħuna Knorr?

16 Il-letteratura kollha tagħna hi bbażata fuq il-Bibbja. Għall-ewwel, in-nies t’Alla użaw il-King James Version, li tlestiet fis-sena 1611. Madankollu, il-kliem li ntuża kien antik u diffiċli biex jinftiehem. L-isem t’Alla ntuża ftit drabi biss, avolja fil-manuskritti antiki ħafna ntuża eluf taʼ drabi. Dik il-verżjoni wkoll kellha żbalji fit-traduzzjoni u versi miżjuda li ma kinux jinsabu fl-eqdem manuskritti. Traduzzjonijiet oħrajn tal-Bibbja bl-Ingliż kellhom problemi simili.

17 B’mod ċar, in-nies t’Alla kellhom bżonn traduzzjoni tal-Bibbja li kienet eżatta u faċli biex tinftiehem. Allura, ġie fformat il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida, u l-aħwa f’dan il-kumitat ippubblikaw partijiet mill-Bibbja bl-Ingliż mill-1950 sal-1960. L-ewwel mis-sitt volumi ġie ppubblikat f’konvenzjoni fit-2 t’Awwissu 1950. F’dik il-konvenzjoni, Ħuna Knorr qal li n-nies t’Alla kellhom bżonn traduzzjoni moderna tal-Bibbja li kienet eżatta u faċli biex tinftiehem u waħda li tgħinhom jitgħallmu l-verità b’mod iktar ċar. Kellhom bżonn traduzzjoni sempliċi biex tinqara u tinftiehem bħalma kienu l-kitbiet oriġinali tad-dixxipli taʼ Kristu. Ix-xewqa taʼ Ħuna Knorr kienet li t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tgħin lil miljuni taʼ nies isiru jafu lil Ġeħova.

18. X’għen fit-traduzzjoni tal-Bibbja?

18 Sal-1963, ix-xewqa taʼ Ħuna Knorr saret realtà. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana kienet disponibbli bil-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol, l-Olandiż, il-Portugiż, u t-Taljan. Fl-1989, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova fformat dipartiment ġdid fil-kwartieri ġenerali biex jagħti l-għajnuna fit-traduzzjoni tal-Bibbja. Imbagħad fl-2005, ingħata l-permess biex tiġi tradotta l-Bibbja fil-lingwi li It-Torri tal-Għassa diġà kien qed jiġi tradott fihom. B’riżultat taʼ dan, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida issa hi disponibbli, sħiħa jew parti minnha, f’iktar minn 130 lingwa.

19. Liema ġrajja importanti seħħet fl-2013, u x’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?

19 Il-lingwa Ingliża tbiddlet minn meta ġiet ippubblikata l-ewwel edizzjoni tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, u allura sar neċessarju li jsir aġġornament tal-kliem. Fil-5 u s-6 t’Ottubru 2013, udjenza taʼ 1,413,676 f’31 pajjiż attendiet jew kienet f’kollegament elettroniku mal-129 laqgħa annwali tal-organizzazzjoni tagħna. Membru tal-Ġemgħa li Tiggverna ħabbar il-ħarġa tar-reviżjoni bl-Ingliż tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. L-udjenza kienet eċċitata, u ħafna bkew meta ngħatatilhom il-kopja personali tagħhom tat-traduzzjoni riveduta. Hekk kif dawk li taw it-taħditiet qraw versi mill-Bibbja l-ġdida, kien ċar għal kulħadd li l-edizzjoni l-ġdida hi eħfef biex tinqara u tinftiehem. Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu iktar dwar din ir-reviżjoni, u kif ukoll kif qed tiġi tradotta f’lingwi oħra.

^ par. 5 Esdra 4:8; 7:12; Ġeremija 10:11, u Danjel 2:4 oriġinarjament kienu nkitbu bl-Aramajk.

^ par. 6 Is-Settanta tfisser “Sebgħin.” Jidher li t-traduzzjoni bdiet minn xi 300 mitt sena qabel Kristu (QK) u spiċċat 150 sena wara. Din it-traduzzjoni għadha importanti llum minħabba li tgħin esperti jifhmu kliem diffiċli bl-Ebrajk jew versi sħaħ.

^ par. 8 Xi wħud iħossu li Mattew kiteb il-ktieb tiegħu bl-Ebrajk u li dan imbagħad ġie maqlub għall-Grieg, forsi minn Mattew innifsu.

^ par. 13 Ara l-appendiċi A3 fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida riveduta bl-Ingliż; ukoll Ktieb Għan-Nies Kollha, paġni 7-9, “Kif Baqaʼ Jeżisti l-Ktieb?”