Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Sibt il-paċi m’Alla u m’ommi

Sibt il-paċi m’Alla u m’ommi

OMMI saqsietni: “U għala ma tridx tqim lill-antenati tiegħek? M’intix tirrealizza li qed tgħix grazzi għalihom? M’inti se turihom l-ebda apprezzament? Kif tistaʼ taqtaʼ drawwiet li ilhom ġejjin minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni? Tkun qed tgħid li l-qima tagħna hi bla sens meta tirrifjuta li tonora lill-antenati tagħna.” Wara li qalet dan, ommi qabdet tibki.

Ftit tax-xhur qabel dan, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu offrew lil ommi studju tal-Bibbja. Hi ma riditx tistudja, imma biex tkun edukata magħhom irranġat li jistudjaw miegħi, biex imbagħad ħaditha kontrija! Dan ma kienx normali għax dejjem obdejtha. Madankollu, minħabba li ridt nagħmel lil Ġeħova ferħan, din id-darba ma stajtx nobdiha. Ma kienx faċli, imma Ġeħova tani s-saħħa.

NITGĦALLEM DWAR ĠEĦOVA

Il-familja tiegħi kienet Buddista, bħall-maġġorparti tan-nies fil-Ġappun. Imma xahrejn wara li kont qed nistudja max-Xhieda taʼ Ġeħova, ikkonvinċejt ruħi li dak li hemm fil-Bibbja hu minnu. Meta tgħallimt li kelli Missier fis-sema, verament xtaqt li nsir nafu sew. Għall-ewwel, jien u ommi konna nieħdu pjaċir nitkellmu dwar dak li kont qed nitgħallem. Jien bdejt nattendi l-laqgħat tal-Ħadd fis-Sala tas-Saltna. Hekk kif kont qed nitgħallem iktar, għedt lil ommi li kont se nieqaf nipparteċipa fiċ-ċerimonji Buddisti. F’daqqa waħda, l-attitudni tagħha nbidlet. Hi qalet, “Hi xi ħaġa taʼ mistħija li jkollna xi ħadd fil-familja li ma jħobbx lill-antenati tagħna.” Hi riedet bilfors li nieqaf nistudja l-Bibbja u li nieqaf nattendi l-laqgħat. Qatt ma immaġinajt li ommi kienet se tgħidli dan! Hi kienet bħal persuna differenti.

Missieri qabel m’ommi. Minn Efesin kapitlu 6 kont tgħallimt li Ġeħova riedni nobdi lill-ġenituri tiegħi. Jien kont irrid li l-familja tagħna terġaʼ tkun fil-paċi, u jien irraġunajt li jekk nismaʼ minnhom, eventwalment se jisimgħu minni. F’dak iż-żmien, kelli nipprepara għall-eżamijiet tal-iskola tiegħi, u allura aċċettajt li nagħmel kif qaluli l-ġenituri għal tliet xhur. Imma jien kont wegħedt lil Ġeħova li se nerġaʼ nattendi l-laqgħat wara li jgħaddu t-tliet xhur.

Id-deċiżjoni li ħadt kienet ħażina għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, ħsibt li wara tliet xhur kien se jibqaʼ jkolli xewqa b’saħħitha biex naqdi lil Ġeħova. Minflok, ir-relazzjoni li kelli miegħu ddgħajfet b’rata mgħaġġla. It-tieni, ommi u missieri pprovaw iktar minn qatt qabel biex jikkonvinċuni ħalli nieqaf naqdi lil Ġeħova.

GĦAJNUNA U OPPOŻIZZJONI

Fis-Sala tas-Saltna, kont iltqajt maʼ ħafna Xhieda li kellhom oppożizzjoni mill-familja tagħhom. Huma aċċertawni li Ġeħova kien se jsaħħaħni. (Mattew 10:34-37) Huma spjegawli li jekk nibqaʼ leali lejn Ġeħova, il-familja tiegħi setgħet titgħallem dwaru. Ridt nistrieħ fuq Ġeħova, u allura bdejt nitlob bil-ħeġġa u bla waqfien.

Il-familja tiegħi għamlitli oppożizzjoni b’diversi modi. Ommi talbitni bil-ħrara biex nieqaf nistudja u pprovat tirraġuna miegħi. Ħafna drabi, kont nigdem ilsieni. Meta kont ngħid xi ħaġa, spiss konna nargumentaw għax it-tnejn li aħna konna qed nipprovaw nieħdu r-raġun. Issa nirrealizza li kieku wrejt iktar rispett għas-sentimenti u t-twemmin t’ommi, l-affarijiet setgħu jkunu aħjar. Il-ġenituri tiegħi tawni iktar faċendi x’nagħmel ħalli jżommuni d-dar. Kultant kienu jsakkruni barra d-dar jew ma kienu jħalluli xejn x’niekol.

Ommi marret għand ħaddieħor għall-appoġġ. Hi tkellmet mal-għalliem tiegħi, imma hu baqaʼ newtrali. Ommi ħaditni għand il-meniġer tax-xogħol tagħha ħalli jkun jistaʼ jipperswadini li r-reliġjonijiet kollha ma jwasslu għal imkien. Hi saħansitra ċemplet lil qraba tagħna u bkiet hekk kif tkarrbitilhom biex jgħinuha. Dan dejjaqni ħafna. Imma l-anzjani fakkruni li meta ommi kienet qed titkellem m’oħrajn dwar is-sitwazzjoni tagħna, hi fil-fatt kienet qed tagħtihom xhieda.

Il-ġenituri tiegħi riduni nidħol l-università ħalli nkun nistaʼ nsib xogħol tajjeb. Tant konna mbaqbqin li ħadd minna ma setaʼ jitkellem dwar din il-kwistjoni b’mod kalm, u allura ktibtilhom ħafna ittri biex nispjega l-miri tiegħi. Missieri rrabja ħafna u qal: “Jekk qed taħseb li tistaʼ ssib xogħol, qis li ssibu s’għada inkella itlaq minn did-dar.” Tlabt lil Ġeħova biex jgħinni. L-għada stess, waqt li kont fil-ministeru, żewġ aħwa nisa offrewli x-xogħol taʼ li ngħallem lil uliedhom. Missieri ma ħax pjaċir b’dan, u allura waqaf ikellimni u beda jinjorani. Ommi qaltli li kien ikun aħjar għalija li nkun kriminali milli waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

Ġeħova għenni nikkoreġi l-ħsieb tiegħi u għenni nkun naf x’għandi nagħmel

Kultant ma kontx ċerta jekk Ġeħova ridnix nirreżisti daqshekk lill-ġenituri. Allura, tlabt lil Ġeħova u mmeditajt fuq dak li tgħid il-Bibbja dwar imħabbtu. Dan għenni biex inkun iktar pożittiva u biex nifhem li l-ġenituri tiegħi kienu qed jopponuni għax kienu qed jinkwetaw fuqi. Ġeħova għenni nikkoreġi l-ħsieb tiegħi u għenni nkun naf x’għandi nagħmel. Barra minn hekk, iktar ma kont noħroġ fil-ministeru, iktar kont nieħu pjaċir. Iva, ridt inkun pijuniera.

NAQDI BĦALA PIJUNIERA

Meta xi aħwa nisa semgħu li ridt inkun pijuniera, qaluli li l-ewwel għandi nistenna lill-ġenituri tiegħi jikkalmaw. Tlabt għall-għerf, għamilt riċerka, ħsibt dwar ir-raġunijiet għala ridt inkun pijuniera, u tkellimt m’aħwa rġiel u nisa tal-esperjenza. Imbagħad iddeċidejt li ridt inferraħ lil Ġeħova. Jien fhimt ukoll li anki kieku stennejt għal xi żmien qabel insir pijuniera, il-ġenituri tiegħi xorta għandu mnejn kienu se jopponuni.

Bdejt naqdi bħala pijuniera matul l-aħħar sena tal-iskola sekondarja. Wara li qdejt bħala pijuniera għal xi żmien, ridt immur f’akkwata fejn il-bżonn kien ikbar. Imma ommi u missieri ma ridunix nitlaq mid-dar. Allura stennejt sakemm għalaqt l-20 sena. Imbagħad saqsejt lill-uffiċċju tal-fergħa għal inkarigu viċin il-qraba tiegħi fin-Nofsinhar tal-Ġappun ħalli ommi ma tinkwetax daqshekk.

Waqt li kont f’dak l-inkarigu, kelli l-privileġġ li nara ħafna mill-istudenti tal-Bibbja tiegħi jitgħammdu. Bdejt nistudja l-Ingliż għax ridt nagħmel iktar fis-servizz tiegħi. Imbagħad, wara li rajt iż-żelu taʼ żewġ aħwa rġiel li kienu qed jaqdu bħala pijunieri speċjali fil-kongregazzjoni tiegħi u kif għenu lil oħrajn, iddeċidejt li jien ukoll ridt insir pijuniera speċjali. Matul dan iż-żmien, ommi mardet serjament darbtejn, u d-darbtejn li huma mort lura d-dar biex ngħinha. Dan issorprendieha, u rattbet ftit qalbha miegħi.

ĦAFNA BARKIET MINGĦAND ĠEĦOVA

Sebaʼ snin wara, Atsushi, wieħed mill-pijunieri speċjali li semmejt qabel, bagħatli ittra. Hu kien interessat f’li jiżżewweġ u kellu l-kurżità li jkun jaf kif kont inħossni dwaru. Qatt ma kelli sentimenti romantiċi għal Atsushi, u m’għaddilix minn moħħi li hu kellu grazzja miegħi. Xahar wara, wiġibtu li kont lesta li nsir nafu aħjar. Irrealizzajna li kellna l-istess miri. Ridna nkomplu naħdmu fis-servizz full-time u konna lesti li naċċettaw kull tip taʼ inkarigu. Eventwalment iżżewwiġna. Kont ferħana ħafna li ommi, missieri u qraba oħrajn attendew it-tieġ tagħna.

In-Nepal

Ftit wara, waqt li konna qed naqdu bħala pijunieri regulari, Atsushi ġie maħtur sostitut għall-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Iktar tard, ġejna inkarigati bħala pijunieri speċjali, u mbagħad ġejna inkarigati nżuru l-kongregazzjonijiet b’mod permanenti. Wara li żorna l-kongregazzjonijiet kollha li kellna nżuru għall-ewwel darba, ċemplulna l-aħwa mill-uffiċċju tal-fergħa. Saqsewna jekk konniex lesti li mmorru noqogħdu n-Nepal u nkomplu naqdu f’dan l-inkarigu hemm.

Li naqdi f’ħafna pajjiżi għallimni ħafna dwar Ġeħova

Kont inkwetata dwar kif il-ġenituri tiegħi kienu se jħossuhom dwar li mmur noqgħod ’il bogħod ħafna. Meta ċempiltilhom, it-tweġiba taʼ missieri kienet, “Sejra f’post sabiħ.” Ġimgħa biss qabel, wieħed minn ħbiebu kien tah ktieb dwar in-Nepal, u missieri beda saħansitra jaħseb li jkun post taʼ min iżuru.

Aħna ninsabu ferħanin naħdmu man-nies dħulin tan-Nepal. Iktar tard, il-kongregazzjonijiet tal-pajjiż tal-Bangladexx bdejna nżuruhom bħala parti mix-xogħol tagħna. Għalkemm dan il-pajjiż kien viċin in-Nepal, kien differenti ħafna. Kellna varjetà kbira fis-servizz tal-għalqa. Wara ħames snin, erġajna ġejna inkarigati li naqdu fil-Ġappun, fejn qed nieħdu pjaċir nagħmlu x-xogħol taʼ li nżuru l-kongregazzjonijiet.

Tgħallimt ħafna dwar Ġeħova waqt li qdejt fil-Ġappun, in-Nepal, u l-Bangladexx. In-nies f’dawn il-pajjiżi għandhom kultura, drawwiet, u tradizzjonijiet differenti. U kull persuna hi unika. Jien rajt kif Ġeħova jieħu ħsieb in-nies b’mod individwali, jaċċettahom, jgħinhom, u jberikhom.

Għandi ħafna affarijiet għal xiex nirringrazzja lil Ġeħova. Hu ħallieni nsir nafu u nagħmel ix-xogħol tiegħu, u tani raġel Kristjan mill-aħjar. Alla għenni nieħu deċiżjonijiet tajbin, u issa għandi relazzjoni tajba miegħu u mal-familja tiegħi. Grazzi għal Ġeħova, jien u ommi rġajna sirna ħbieb sew. Jien grata ħafna li sibt il-paċi m’Alla u m’ommi.

Insibu ferħ kbir fix-xogħol taʼ li nżuru l-kongregazzjonijiet