Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Traduzzjoni tal-Bibbja li hi faċli biex tinftiehem u li hi taʼ benefiċċju

Traduzzjoni tal-Bibbja li hi faċli biex tinftiehem u li hi taʼ benefiċċju

“Il-kelma t’Alla hi ħajja.”—EBREJ 4:12.

GĦANJIET: 37, 116

1. (a) Alla liema inkarigu ta lil Adam? (b) Minn dakinhar ’l hawn, il-poplu t’Alla kif uża r-rigal tal-lingwa?

ALLA ĠEĦOVA ta lin-nies ir-rigal tal-lingwa. Fil-ġnien tal-Għeden, Alla ta lil Adam l-inkarigu li jagħti isem lill-annimali kollha. Adam ta isem sinifikanti lil kull annimal. (Ġenesi 2:19, 20) Minn dakinhar ’l hawn, il-poplu t’Alla uża r-rigal tal-lingwa biex ifaħħar lil Ġeħova u biex jgħid lil oħrajn dwaru. Fis-snin reċenti, il-poplu t’Alla uża dan ir-rigal biex jittraduċi l-Bibbja ħalli iktar nies ikunu jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova.

2. (a) Il-membri tal-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida, fuq liema prinċipji mxew fix-xogħol tagħhom? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

2 Hemm eluf taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja, imma wħud minnhom huma iktar preċiżi minn oħrajn. Biex il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida jittraduċi l-Bibbja b’mod preċiż, iddeċieda li jimxi fuq tliet prinċipji bażiċi: (1) Onora isem Alla u użah fil-Kelma tiegħu daqs kemm jintuża fl-oriġinal. (Aqra Mattew 6:9.) (2) Ittraduċi l-messaġġ oriġinali kelma b’kelma fejn ikun possibbli. Fejn ma jkunx possibbli, ittraduċi bit-tifsir it-tajjeb. (3) Uża lingwaġġ li jkun faċli biex jinqara u jinftiehem. * (Ara n-nota taʼ taħt.) (Aqra Neħemija 8:8, 12.) F’iktar minn 130 lingwa differenti, it-tradutturi tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida mxew fuq dawn it-tliet prinċipji. F’dan l-artiklu, se nitgħallmu kif dawn il-prinċipji ġew applikati għall-edizzjoni riveduta tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida li ġiet ippubblikata fl-2013 u kif ġew applikati għat-traduzzjonijiet taʼ din il-Bibbja b’lingwi oħra wkoll.

BIBBJA LI TONORA L-ISEM T’ALLA

3, 4. (a) Fejn insibu t-Tetragrammaton? (b) Ħafna tradutturi tal-Bibbja x’għamlu bl-isem t’Alla?

3 L-isem t’Alla hu rrappreżentat minn erbaʼ ittri Ebrajċi li jissejħu t-Tetragrammaton. Aħna nistgħu nsibu t-Tetragrammaton f’ħafna manuskritti Ebrajċi antiki, bħar-Rombli tal-Baħar il-Mejjet. Nistgħu nsibu dan ukoll f’xi kopji tas-Settanta Griega. Dawn il-kopji ilhom li saru, fil-fatt saru 200 sena QK u damu jinkitbu sa 100 sena WK. Ħafna nies jibqgħu impressjonati meta jaraw kemm l-isem t’Alla jidher spiss f’manuskritti antiki.

Ħafna nies jibqgħu impressjonati meta jaraw kemm l-isem t’Alla jidher spiss f’manuskritti antiki

4 B’mod ċar, l-isem t’Alla għandu jkun fil-Bibbja. Però, ħafna tradutturi ma jużawx l-isem t’Alla. Pereżempju, sentejn biss wara li ġiet ippubblikata t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bl-Ingliż, ġiet ippubblikata r-reviżjoni tal-American Standard Version. L-edizzjoni tal-1901 użat l-isem t’Alla, imma r-reviżjoni tal-1952 m’użatux. Għala? It-tradutturi tagħha ħassew li “xejn mhu xieraq” li jintuża l-isem t’Alla. Ħafna tradutturi li ttraduċew kemm bl-Ingliż u kemm b’lingwi oħra, għamlu l-istess.

5. Għala hu importanti li jintuża isem Alla fil-Bibbja?

5 Huwa tassew importanti jekk it-tradutturi jinkludux l-isem t’Alla jew le? Iva! Ġeħova, l-Awtur tal-Bibbja, irid li n-nies isiru jafu ismu. Traduttur tajjeb għandu jkun jaf dak li l-awtur ikun irid u dan għandu jeffettwa d-deċiżjonijiet li jieħu dwar it-traduzzjoni. Ħafna skritturi juru li isem Alla hu importanti u li għandu jiġi onorat. (Eżodu 3:15; Salm 83:18; 148:13; Isaija 42:8; 43:10; Ġwanni 17:6, 26; Atti 15:14) Ġeħova nebbaħ kittieba tal-Bibbja biex jużaw ismu eluf taʼ drabi fil-manuskritti antiki. (Aqra Eżekjel 38:23.) Allura, meta t-tradutturi jneħħu isem Alla, ma jkunux qed jirrispettaw lil Ġeħova.

6. L-isem t’Alla għala ġie miżjud f’sitt postijiet fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida riveduta?

6 Illum, hemm saħansitra iktar provi li għandna nużaw isem Ġeħova. Ir-reviżjoni tal-2013 tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tuża isem Alla 7,216-il darba. Dan ifisser sitt darbiet iktar mill-edizzjoni taʼ qabel. Ħamsa minn dawn ġew miżjuda għax l-isem t’Alla nstab f’Rombli tal-Baħar il-Mejjet li ġew ippubblikati dan l-aħħar. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Dawn il-ħamsa jinsabu fl-1 Samwel 2:25; 6:3; 10:26; 23:14, 16. Is-sitt waħda, fi Mħallfin 19:18, ġiet miżjuda minħabba li sar iktar studju fuq manuskritti antiki tal-Bibbja li huma taʼ min joqgħod fuqhom.

7, 8. X’inhu t-tifsir tal-isem taʼ Ġeħova?

7 Il-Kristjani veri jħossu li hu importanti li dak li jkun jifhem it-tifsir sħiħ tal-isem t’Alla. Ismu jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” * (Ara n-nota taʼ taħt.) Fil-passat, il-pubblikazzjonijiet spjegaw it-tifsir tal-isem t’Alla billi użaw Eżodu 3:14, li jgħid: “Jien se nsir dak li rrid insir.” Il-Bibbja riveduta bl-Ingliż tal-1984 spjegat li Ġeħova jġiegħel lilu nnifsu jsir dak li jogħġbu li jsir sabiex jitwettqu l-wegħdi tiegħu. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Madankollu, il-Bibbja riveduta bl-Ingliż tal-2013 tispjega: “Filwaqt li l-isem Ġeħova jistaʼ jinkludi dan il-ħsieb, mhuwiex limitat għal dak li hu nnifsu jagħżel li jsir. Dan jinkludi wkoll dak li jġiegħel li jsir f’konnessjoni mal-ħolqien tiegħu u t-twettiq tal-iskop tiegħu.”

8 Ġeħova jġiegħel lill-ħolqien tiegħu li jsir dak li jagħżel Hu. Pereżempju, Alla ġiegħel li Noè jsir il-wieħed li jibni l-arka, Besalel biex isir espert tas-snajjaʼ, Gidegħon biex ikun gwerrier kbir, u Pawlu biex isir missjunarju. L-isem t’Alla għandu tifsir taʼ veru għall-poplu tiegħu, u huwa għalhekk li l-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida inkluda l-isem t’Alla f’din it-traduzzjoni.

9. Għala ngħata prijorità li ssir traduzzjoni tal-Bibbja f’lingwi oħra?

9 Ħafna u ħafna tradutturi tal-Bibbja jħallu barra l-isem personali t’Alla. Minflok, jużaw it-titlu “Mulej” jew l-isem taʼ xi alla lokali. Din hi waħda mir-raġunijiet għala l-Ġemgħa li Tiggverna tħoss li hu importanti ħafna li n-nies taʼ kull lingwa jkollhom Bibbja li tonora isem Alla. (Aqra Malakija 3:16.) S’issa, isem Ġeħova qed jiġi onorat fl-edizzjonijiet tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida f’iktar minn 130 lingwa.

TRADUZZJONI ĊARA U EŻATTA

10, 11. X’kienu xi diffikultajiet waqt it-traduzzjoni f’lingwi oħra tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida?

10 Kien hemm id-diffikultajiet waqt li saret it-traduzzjoni tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż f’lingwi oħrajn. Pereżempju, l-edizzjoni Ingliża użat il-kelma Ebrajka “Xeol” f’Ekkleżjasti 9:10 u f’versi oħra. Din l-espressjoni kienet tintuża spiss f’Bibbji bl-Ingliż oħrajn ukoll. Madankollu, din il-kelma ma setgħetx tintuża f’ħafna lingwi għax il-maġġorparti tal-qarrejja taʼ dawn il-lingwi ma kinux jafu l-kelma Ebrajka “Xeol.” Ma kinitx tinsab fid-dizzjunarji, u xi wħud saħansitra ħasbu li kien isem taʼ post. Minħabba dawn ir-raġunijiet, it-tradutturi ġew mogħtijin il-permess biex jittraduċu l-kelma Ebrajka “Xeol” u l-kelma Griega “Ħades” bħala “l-Qabar.” Din hi traduzzjoni eżatta u tagħmel il-kuntest iktar ċar.

11 Ukoll kienet diffiċli biex tiġi tradotta f’ċerti lingwi l-kelma għal “ruħ” bil-Grieg u bl-Ebrajk. F’dawn il-lingwi, il-kelma “ruħ” is-soltu tirreferi għal xi ħares jew għal xi ħaġa li toħroġ mill-ġisem mal-mewt. Sabiex it-tradutturi jevitaw nuqqas taʼ ftehim, ingħatalhom il-permess biex jittraduċu l-kelma “ruħ” skont il-kuntest tal-kelma. Spjegazzjoni tad-diversi tifsiriet tal-kelma “ruħ” tistaʼ tinsab fl-appendiċi 3 u 4 tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. Informazzjoni utli dwar il-kliem Ebrajk u Grieg ġiet impoġġija fin-noti taʼ taħt fl-edizzjoni riveduta ħalli dak li jkun ikun jistaʼ jaqra u jifhem il-Bibbja b’mod faċli.

Il-kumitat studja eluf taʼ mistoqsijiet minn tradutturi tal-Bibbja matul ir-reviżjoni

12. X’inhuma xi tibdiliet oħra li saru fil-Bibbja riveduta tal-2013? (Ara wkoll l-artiklu fl-edizzjoni normali taʼ din il-ħarġa bl-Ingliż, “The 2013 Revision of the New World Translation.”)

12 Mistoqsijiet mit-tradutturi kixfu affarijiet oħra li setgħu jinftiehmu ħażin fil-Bibbja. Allura, f’Settembru tal-2007, il-Ġemgħa li Tiggverna tat permess biex tiġi riveduta l-edizzjoni bl-Ingliż. Il-kumitat studja eluf taʼ mistoqsijiet minn tradutturi tal-Bibbja matul ir-reviżjoni. Espressjonijiet Ingliżi li kienu antiki tbiddlu maʼ dawk moderni, u dan għamel il-kuntest iktar faċli biex jinqara u jinftiehem waqt li nżammet l-eżattezza. Traduzzjonijiet li kienu diġà saru f’lingwi oħra reċentement għenu wkoll biex il-verżjoni Ingliża tkun aħjar.—Proverbji 27:17.

APPREZZAMENT KBIR

13. Ħafna kif iħossuhom dwar il-Bibbja riveduta tal-2013?

13 Ħafna kif iħossuhom dwar it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida riveduta bl-Ingliż? Ħutna rġiel u nisa bagħtu eluf taʼ ittri taʼ apprezzament lill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Ħafna jħossu bħal oħt li kitbet: “Il-Bibbja hi kaxxa taʼ teżor mimlija sa ruħ ommha b’ġojjelli prezzjużi. Li taqra l-kliem taʼ Ġeħova b’mod ċar billi tuża [l-Bibbja] riveduta tal-2013 jistaʼ jiġi mqabbel maʼ li wieħed jeżamina kull ġojjell u jammira kif jidher minn barra u minn ġewwa. L-Iskrittura miktuba f’lingwaġġ sempliċi għenni nsir naf aħjar lil Ġeħova, li hu bħal missier b’dirgħajh imdawrin miegħi waqt li jaqrali l-kliem tiegħu taʼ serħan.”

14, 15. In-nies kif iħossuhom dwar it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida b’lingwi oħra?

14 Nies li jitkellmu lingwa oħra apparti l-Ingliż ukoll huma grati għat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż. Raġel xwejjaħ minn Sofia, il-Bulgarija, qal dwar l-edizzjoni Bulgara: “Qrajt il-Bibbja għal ħafna snin, imma qatt ma qrajt traduzzjoni li hi eħfef biex tinftiehem u li tilħaq il-qalb.” Bħalu, oħt Albaniża kitbet: “Kemm tinstemaʼ sabiħa l-Kelma t’Alla bl-Albaniż! Xi privileġġ hu li Ġeħova jitkellem magħna bil-lingwa tagħna stess!”

15 F’ħafna pajjiżi, il-Bibbji huma għoljin biex jinxtraw jew diffiċli ħafna biex issibhom. Hija barka li wieħed jirċievi Bibbja! Rapport mill-Irwanda jgħid: “Għal żmien twil, ħafna nies li kienu qed jistudjaw mal-aħwa m’għamlux progress għax ma kellhomx Bibbja. Ma setgħux jaffordjaw li jixtru l-edizzjoni lokali tal-knisja. U spiss ma setgħux jifhmu b’mod ċar ċerti versi, u dan żammhom lura milli jagħmlu progress.” Meta t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż saret disponibbli fil-lingwa lokali tagħhom, familja mill-Irwanda b’erbaʼ żgħażagħ qalet: “Aħna nirringrazzjaw verament lil Ġeħova u lill-ilsir leali u għaqli talli tana din il-Bibbja. Aħna foqra ħafna u ma kellniex flus biex nixtru Bibbja għal kull membru tal-familja. Imma issa kull membru għandu l-Bibbja tiegħu stess. Sabiex nuru l-gratitudni tagħna lil Ġeħova, aħna naqraw il-Bibbja bħala familja kuljum.”

16, 17. (a) Ġeħova xi jrid għan-nies tiegħu? (b) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

16 It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida riveduta bl-Ingliż se tkun disponibbli f’iktar lingwi fil-futur. Satana jipprova jwaqqaf dan ix-xogħol, imma aħna nafu li Ġeħova jrid li n-nies kollha tiegħu jisimgħu hekk kif jitkellem magħhom b’lingwa ċara u li tinftiehem. (Aqra Isaija 30:21.) Dalwaqt, “l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.”—Isaija 11:9.

17 Jalla nkunu determinati li nużaw kull rigal mingħand Ġeħova, inkluż din it-traduzzjoni li tonora ismu. Ħallih ikellmek kuljum permezz tal-Kelma tiegħu. Hu jistaʼ jismaʼ b’attenzjoni t-talb kollu tagħna. Din il-komunikazzjoni se tgħinna nsiru nafu lil Ġeħova iktar mill-qrib minn qatt qabel, u mħabbitna għalih se tibqaʼ tikber.—Ġwanni 17:3.

“Xi privileġġ hu li Ġeħova jitkellem magħna bil-lingwa tagħna stess!”

^ par. 2 Ara l-appendiċi A1 fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida riveduta bl-Ingliż u l-artiklu “Kif Tistaʼ Tagħżel Traduzzjoni Tajba tal-Bibbja?” fit-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Lulju 2008.

^ par. 6 Ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet eżistew iktar minn 1,000 sena qabel m’eżistiet il-kitba Masoretika Ebrajka li ntużat biex tiġi tradotta t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida.

^ par. 7 Xi kotba taʼ referenza jagħtu din l-ispjegazzjoni, imma mhux l-esperti kollha jaqblu magħha.

^ par. 7 Ara t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa—Bir-Referenzi bil-lingwa Ingliża, Appendiċi 1A, “The Divine Name in the Hebrew Scriptures,” paġna 1561.