Mur fil-kontenut

“B’Xejn Ħadtu, b’Xejn Agħtu”

“B’Xejn Ħadtu, b’Xejn Agħtu”

“B’XEJN ħadtu, b’xejn agħtu.” (Mattew 10:8) Ġesù ta din l-istruzzjoni lill-appostli tiegħu meta bagħathom jippridkaw l-aħbar tajba. L-appostli obdewh dan il-kmand? Iva, u hekk baqgħu jagħmlu anki wara li Ġesù telaq minn fuq l-art.

Per eżempju, meta Xmun, li qabel kien saħħâr, ra l-qawwa mirakoluża li kellhom l-appostli Pietru u Ġwanni, hu offra li jħallashom biex jagħtuh minn din il-qawwa. Imma Pietru widdbu, billi qallu: “Alla jeqred flusek u lilek magħhom, ladarba ħsibt li bi flusek tistaʼ tixtri don tiegħu!”—Atti 8:18-20.

L-appostlu Pawlu wera spirtu simili għal dak taʼ Pietru. Pawlu setaʼ jħalli lilu nnifsu jkun piż finanzjarju għal ħutu l-Kristjani f’Korintu. Madankollu, hu ħadem b’idejh stess biex imantni lilu nnifsu. (Atti 18:1-3) B’hekk, setaʼ jgħid bil-kunfidenza kollha li hu kien ippriedka l-aħbar tajba lill-Korintin “b’xejn.”1 Korintin 4:12; 9:18.

B’dispjaċir, ħafna li jgħidu li huma segwaċi taʼ Kristu ma wrewx li huma lesti bl-istess mod li ‘jagħtu b’xejn.’ Tabilħaqq, ħafna mill-mexxejja reliġjużi fil-Kristjaneżmu “jridu l-ħlas biex jgħallmu.” (Mikea 3:11) Xi mexxejja reliġjużi saru għonja bil-flus li ġabru mingħand il-merħliet tagħhom. Fl-1989, wieħed evanġelista Amerikan ngħata sentenza taʼ 45 sena ħabs. Ir-raġuni? Hu kien qed “jisraq lil partitarji b’miljuni taʼ dollari u ftit mill-flus użahom biex jixtri d-djar, il-karozzi, biex isiefer u anki biex xtara post fejn jorqod il-kelb bl-arja kundizzjonata.”People’s Daily Graphic tas-7 t’Ottubru taʼ l-1989.

Fil-Gana, skond il-Ghanaian Times tal-31 taʼ Marzu taʼ l-1990, qassis Kattoliku Ruman ħa l-flus li nġabru waqt quddiesa u waddabhom lura lin-nies. Il-gazzetta tgħid: “Ir-raġuni tiegħu kienet li bħala adulti stenniehom jagħtu somma ħafna akbar.” Mhux taʼ b’xejn li ħafna knejjes saħansitra jipprovaw iqanqlu r-regħba fil-membri tagħhom meta jippromwovu attivitajiet konnessi mal-logħob tal-flus u skemi oħra sabiex jiġbru l-flus.

F’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex jimitaw lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu tal-bidu. M’għandhomx qassisin li jitħallsu. Kull Xhud huwa ministru inkarigat bir-responsabbiltà li jippriedka “l-Evanġelju tas-Saltna” lil oħrajn. (Mattew 24:14) Għalhekk, iktar minn sitt miljuni minnhom madwar id-dinja jinsabu involuti f’li jagħtu “l-ilma tal-Ħajja” b’xejn lin-nies. (Apokalissi 22:17) B’dan il-mod, anki dawk li ‘m’għandhomx flus’ jistgħu jibbenefikaw mill-messaġġ tal-Bibbja. (Isaija 55:1) Għalkemm il-fondi għax-xogħol tagħhom madwar id-dinja ġejjin minn donazzjonijiet volontarji, huma qatt ma jittalbu l-flus. Bħala ministri veri t’Alla, huma ma ‘jinnegozjawx il-kelma taʼ Alla,’ imma jitkellmu “b’qalbhom safja, bħal nies mibgħutin minn Alla.”—2 Korintin 2:17.

Però, ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma lesti jgħinu lil oħrajn, bi spejjeż tagħhom stess? X’jimmotivahom? Ifisser il-fatt li jagħtu b’xejn li dan jagħmluh mingħajr ma jieħdu ebda premju għall-isforzi tagħhom?

Tweġiba għall-Isfida taʼ Satana

L-għotja tal-fidwa li Alla tana b’xejn tqanqal lill-Kristjani biex jaqsmu l-aħbar tajba mingħajr ħlas

Il-Kristjani veri llum huma mqanqlin primarjament minn xewqa biex jogħġbu lil Jehovah—mhux biex jistagħnew. B’hekk, jistgħu jipprovdu tweġiba għall-isfida li qajjem Satana x-Xitan sekli ilu. Rigward raġel ġust li jismu Ġob, Satana sfida lil Jehovah bil-mistoqsija: “Tgħid għal xejn Ġob jibżaʼ minn Alla?” Satana allega li Ġob kien jaqdi lil Alla biss minħabba li Hu kien bena ħajt madwaru biex jipproteġih. Satana argumenta li jekk lil Ġob jittiħdulu l-affarijiet materjali, hu kien se jisħet lil Alla f’wiċċu!Ġob 1:7-11.

Sabiex iwieġeb għal din l-isfida, Alla ħalla lil Satana jġarrab lil Ġob, billi qallu: “Ara, kull ma għandu f’idejk.” (Ġob 1:12) Ir-riżultat? Ġob wera li Satana hu giddieb. Kienu x’kienu d-diffikultajiet li ffaċċja, Ġob baqaʼ leali. Hu qal: “Insostni sa ma mmut is-sewwa [“l-integrità,” NW] tiegħi.”Ġob 27:5, 6.

L-aduraturi veri llum juru attitudni simili bħal taʼ Ġob. Huma ma jaqdux lil Alla għal raġunijiet materjali.

L-Għotja b’Xejn tal-Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa t’Alla

Raġuni oħra għala l-Kristjani veri huma lesti ‘jagħtu b’xejn’ hija li huma stess ‘ħadu b’xejn’ mingħand Alla. L-umanità tinsab fil-jasar tad-dnub u l-mewt minħabba d-dnub taʼ l-ewwel missier tagħna Adam. (Rumani 5:12) Bl-imħabba kollha, Jehovah irranġa l-affarijiet biex Ibnu jmut mewta taʼ sagrifiċċju—xi ħaġa li swietlu ħafna lil Alla. Żgur li l-umanità ma jistħoqqilhiex dan. Le, għaliex hija għotja mingħand Alla.Rumani 4:4; 5:8; 6:23.

Bħalma hemm dokumentat f’Rumani 3:23, 24, Pawlu għalhekk qal lill-Kristjani midlukin: “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla; għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja [“għotja b’xejn,” NW] tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù.” Dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art ukoll jirċievu l-għotja “li jagħtihom minn rajh.” Din l-għotja tinkludi l-privileġġ li jiġu dikjarati ġusti bħala l-ħbieb taʼ Jehovah.Ġakbu 2:23; Apokalissi 7:14.

Il-prezz li Kristu ħallas għall-fidwa jagħmilha possibbli wkoll biex il-Kristjani kollha jaqdu bħala ministri t’Alla. L-appostlu Pawlu kiteb: “Taʼ dan l-Evanġelju [is-sigriet sagru] jiena sirt ministru skond id-don tal-grazzja [“tar-rigal b’xejn,” NW] li Alla tani.” (Efesin 3:4-7) Peress li huma ssejħu għal dan il-ministeru permezz taʼ provvediment li ma kienx jistħoqqilhom u li ma jistgħux jaqilgħuh bil-mertu tagħhom, il-ministri veri t’Alla żgur li ma jistgħux jistennew li jitħallsu materjalment talli jaqsmu l-aħbar dwar dan il-provvediment m’oħrajn.

 Il-Ħajja taʼ Dejjem—Dan il-Premju Jħeġġeġ l-Egoiżmu?

Allura, ifisser dan li Alla jistenna li l-Kristjani jaqduh mingħajr ma jittamaw għal xi premju? Le, għax l-appostlu Pawlu qal lil sħabu fit-twemmin: “Għax Alla mhux bla ħaqq biex jinsa x-xogħol tagħkom u l-ħedma taʼ l-imħabba, li wrejtu għal ismu.” (Lhud 6:10, KŻ) U Jehovah lanqas m’hu inġust. (Dewteronomju 32:4) Mhux talli hekk, imma talli Jehovah “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Imma m’hijiex il-wegħda tal-ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art tħeġġeġ l-egoiżmu?—Luqa 23:43.

Il-Kristjani veri llum huma mqanqlin primarjament minn xewqa biex jogħġbu lil Jehovah—mhux biex jistagħnew

Lanqas xejn. Raġuni waħda hi li x-xewqa li ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art ġejja minn Alla nnifsu. Kien hu li ppreżenta dan il-prospett lill-ewwel koppja umana. (Ġenesi 1:28; 2:15-17) Kif ukoll hu reġaʼ għamel dan il-prospett possibbli meta Adam u Eva tellfuh lid-dixxendenti tagħhom. B’hekk, Alla jwiegħed fil-Kelma tiegħu li “l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Għalhekk, huwa xieraq li l-Kristjani llum, bħal Mosè fl-antik, iħarsu “’l quddiem lejn il-ħlas.” (Lhud 11:26) Alla ma joffrix dan il-premju biex jixtrihom. Joffrih minħabba l-imħabba ġenwina li għandu għal dawk li jaqduh. (2 Tessalonikin 2:16, 17) Bħala tweġiba, “aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.”—1 Ġwanni 4:19.

Naqdu lil Alla b’Motiv Xieraq

Minkejja dan, il-Kristjani llum għandhom jeżaminaw kontinwament il-motivi tagħhom li bihom jaqdu lil Alla. Fi Ġwanni 6:10-13, naqraw li Ġesù b’miraklu tamaʼ folla taʼ iktar minn ħamest elef ruħ. Wara dan, xi wħud bdew jimxu wara Ġesù sempliċement għal raġunijiet egoistiċi. Ġesù qalilhom: “Intom qegħdin tfittxuni . . . għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.” (Ġwanni 6:26) Sekli wara xi Kristjani dedikati b’mod simili qdew lil Alla però “mhux sinċerament,” jew mhux b’motiv pur. (Filippin 1:16, KŻ) Xi wħud li ‘ma żammewx mal-kliem taʼ saħħa taʼ Sidna Ġesù Kristu’ saħansitra fittxew modi biex jiggwadanjaw personalment mis-sħubija tagħhom mal-Kristjani.1 Timotju 6:3-5, Saydon.

Illum, Kristjan li jaqdi biss għax irid jgħix għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art ukoll jistaʼ jkun qed jaqdi b’motiv egoistiku. Eventwalment, dan jistaʼ jasal biex jaqaʼ spiritwalment. Minħabba li s-sistema taʼ Satana tidher qisha damet iktar milli stenna, hu jistaʼ ‘jegħja,’ u jħoss li t-tmiem qed jiddawwar. (Galatin 6:9) Jistaʼ wkoll jinkedd minħabba s-sagrifiċċji materjali li għamel. Ġesù jfakkarna: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Iva, individwu li jaqdi lil Alla primarjament għax iħobbu ma jillimitax is-servizz tiegħu. Hu determinat li jaqdi lil Jehovah għal dejjem! (Mikea 4:5) Ma jiddispjaċihx għal xi sagrifiċċji li jkun għamel f’konnessjoni mas-servizz tiegħu lil Alla. (Lhud 13:15, 16) L-imħabba għal Alla tqanqlu jpoġġi l-interessi t’Alla l-ewwel f’ħajtu.Mattew 6:33.

Illum, iktar minn sitt miljun aduratur veru joffru ruħhom ‘minn rajhom’ fis-servizz taʼ Jehovah. (Salm 110:3, Saydon) Int wieħed minnhom? Jekk le, allura immedita fuq dak li joffri Alla: għarfien pur tal-verità; (Ġwanni 17:3) ħelsien mill-jasar tat-tagħlim reliġjuż falz; (Ġwanni 8:32) it-tama li tgħix għal dejjem. (Apokalissi 21:3, 4) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistgħu jgħinuk titgħallem kif tistaʼ tikseb dan kollu mingħand Alla—mingħajr ħlas.