Ħelsien Meħtieġ!
Ħelsien Meħtieġ!
F’DAQQA waħda minjiera tal-faħam viċin Pittsburgh, Pennsylvania, l-Istati Uniti, ġiet mgħarrqa b’miljuni taʼ litri taʼ ilma. Disat irġiel li kienu jaħdmu fil-minjiera nqabbdu f’post żgħir 73 metru taħt l-art. Tlett ijiem wara, huma nħarġu ’l barra minn din il-minjiera qawwijin u sħaħ. Kif inħelsu?
Bl-għajnuna tal-mapep tal-minjiera u permezz tal-Global Positioning System (GPS), il-ħaddiema tas-salvataġġ ħaffru ħofra wiesgħa 65 ċentimetru u niżżlu gaġġa twila u dejqa sa fejn kienu miġburin l-irġiel. Dawn ittellgħu wieħed wieħed f’din il-gaġġa, ’il barra minn dak li kien se jkun il-qabar tagħhom. Ilkoll ħadu r-ruħ u ħassewhom ferħanin u grati talli ġew meħlusin.
Ħafna minna forsi qatt m’hu se nkunu maqbudin taħt l-art bħal dawk id-disat irġiel li kienu jaħdmu fil-minjiera tal-faħam jew se jkollna niffaċċjaw il-mewt f’xi diżgrazzja. Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna bżonn niġu meħlusin għax ma nistgħux naħarbu l-konsegwenzi tal-mard u x-xjuħija u finalment il-mewt. “Il-bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed,” qal il-patrijarka leali Ġob. “Bħal warda, jiftaħ u mbagħad jidbiel, u jaħrab bħal dell li ma jiqafx.” (Ġob 14:1, 2) Illum, madwar 3,500 sena wara, dan il-kliem għadu jgħodd, għax min minna jistaʼ jaħrab ir-riżultat fatali tal-ħajja—il-mewt? Minkejja l-post fejn noqogħdu jew kemm nieħdu ħsieb saħħitna, għandna bżonn niġu meħlusin minn taħt difrejn is-sofferenza, ix-xjuħija, u l-mewt.
Ix-xjenzati u oħrajn jaħdmu iebes biex jipprovaw itawlu l-ħajja iktar minn dak li llum in-nies iqisuh bħala t-tul normali tal-ħajja. Organizzazzjoni waħda tgħid li l-missjoni tagħha hi li tegħleb il-mewt involontarja u li tgħin lill-membri tagħha jirnexxu f’li jaħdmu biex il-bniedem ma jmutx. Madankollu, s’issa x-xjenza avanzata flimkien maʼ determinazzjoni qawwija ma tawlux il-ħajja umana ħafna iktar mis-70 jew it-80 sena li Mosè semma iktar minn 3,500 sena ilu.—Salm 90:10.
Kemm jekk taqbel maʼ dak li kien iħoss Ġob dwar il-ħajja u l-mewt u kemm jekk le, ma tistax taħrab il-fatt li hekk kif jibdew igerbu s-snin, int ukoll se ‘taħrab bħal dell,’ ’il bogħod minn ħbiebek, familtek, darek, u dak kollu li tkun wettaqt—kollox jispiċċa fil-mewt. “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu,” kiteb l-għaref Sultan Salamun tal-qedem. “Iżda l-mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom għax imqar it-tifkira tagħhom intesiet.”—Koħèlet 9:5.
Kif turi l-Bibbja, ir-realtà taʼ niket hi li l-mewt “saltnet,” bħal ħakkiem tirann, fuq l-umanità. Iva, il-mewt hija l-aħħar għadu li r-razza umana għandha bżonn tinħeles minnu. (Rumani 5:14; 1 Korintin 15:26) Il-ħaddiema tas-salvataġġ li huma l-iktar imħarrġin u l-iktar attrezzati fid-dinja ma jistgħux jagħtuk ħelsien permanenti. Madankollu, il-Ħallieq tal-bniedem, Alla Ġeħova, organizza proprju ħelsien bħal dan.
[Sors tal-istampa f’paġna 3]
Photo by Gene J. Puskar-Pool/Getty Images