Dwar l-Alla l-Veru
Dak li Nitgħallmu minn Ġesù
Dwar l-Alla l-Veru
Alla għandu isem?
Ġesù għallem li Alla għandu isem. Ġesù qal: “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.’” (Mattew 6:9) Il-Bibbja tgħidilna li l-isem t’Alla hu Ġeħova. (Salm 83:18, Karm Żammit) Meta kien qed jitkellem dwar id-dixxipli tiegħu, Ġesù qal hekk f’talba lil Missieru: “Għarrafthom ismek.”—Ġwanni 17:26.
Min hu Ġeħova?
Ġesù sejjaħ lil Ġeħova “l-uniku Alla veru” għaliex Ġeħova hu l-Ħallieq. (Ġwanni 17:3) Ġesù qal: “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara.” (Mattew 19:4) Ġesù qal ukoll: “Alla hu Spirtu.” (Ġwanni 4:24) Għalhekk, aħna ma nistgħux naraw lil Alla.—Eżodu 33:17-20.
Alla x’jistenna minna?
Meta xi ħadd staqsa lil Ġesù liema hu l-akbar kmandament, hu wieġeb: “L-ewwel hu, ‘Ismaʼ, O Iżrael, Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed, u ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’ It-tieni hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—Marku 12:28-31.
Kif nistgħu nuru li nħobbu lil Alla?
Ġesù qal: “Jien inħobb lill-Missier.” Kif wera l-imħabba tiegħu? “Saħansitra bħalma ordnali l-Missier,” hu qal, “hekk qed nagħmel.” (Ġwanni 14:31) Hu stqarr ukoll: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:29) Nistgħu nogħġbu lil Alla billi nitgħallmu dwaru. Waqt li kien qed jitlob għad-dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru.”—Ġwanni 17:3; 1 Timotju 2:4.
Kif nistgħu nitgħallmu dwar Alla?
Mod wieħed kif insiru nafu lil Alla hu billi nosservaw l-affarijiet li ħalaq. Per eżempju, Ġesù qal: “Osservaw bir-reqqa l-għasafar tas-sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-imħażen; imma Missierkom tas-sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?” X’punt ried joħroġ Ġesù? Li m’għandniex inħallu l-ansjetà dwar il-bżonnijiet fiżiċi tagħna twaqqafna milli naqdu lil Alla.—Mattew 6:26-33.
L-aqwa mod kif tistaʼ ssir taf lil Ġeħova hu billi tistudja l-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Ġesù sejjaħ l-Iskrittura “l-kelma t’Alla.” (Luqa 8:21) Ġesù qallu lil Alla: “Kelmtek hi l-verità.”—Ġwanni 17:17; 2 Pietru 1:20, 21.
Ġesù għen lin-nies isiru jafu l-verità dwar Ġeħova. Wieħed mid-dixxipli taʼ Ġesù qal: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq, hu u jispjegalna ċar l-Iskrittura?” (Luqa 24:32) Biex nitgħallmu dwar Alla rridu nkunu umli, lesti li nitgħallmu. Ġesù qal: “Jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.”—Mattew 18:3.
L-għarfien dwar Alla għala jġib l-hena?
Alla jissodisfa l-bżonn li għandna biex nifhmu l-iskop tal-ħajja. Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Ġeħova jgħallimna l-aqwa mod taʼ ħajja. “Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!” qal Ġesù.—Luqa 11:28; Isaija 11:9.
Għal iktar informazzjoni ara kapitlu 1 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? *
[Nota taʼ taħt]
^ par. 17 Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 16]
“Għarrafthom ismek.”—Ġwanni 17:26
[Stampi f’paġni 16, 17]
Nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-ħolqien u mill-Bibbja