Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Insolvu l-Argumenti

Insolvu l-Argumenti

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Insolvu l-​Argumenti

Hu jgħid: “Wara li żżewwiġna, jien u Sara * konna ngħixu mal-​ġenituri tiegħi. Darba minnhom, l-​għarusa taʼ ħija staqsietni jekk stajtx inwassalha d-​dar bil-​karozza tagħna. Jien ridt inkun t’għajnuna u aċċettajt li nagħmel dan u ħadt lit-​tifel miegħi. Imma meta ġejt lura d-​dar Sara kienet irrabjata ħafna. Bdejna nargumentaw u quddiem il-​familja tiegħi għajritni li nħobb in-​nisa. Jien telgħuli u bdejt ngħidilha affarijiet li għamluha iktar irritata.”

Hi tgħid: “It-​tifel tagħna għandu problema serja tas-​saħħa, u dak iż-​żmien kellna xi problemi finanzjarji. Allura meta Fernando telaq bil-​karozza maʼ l-​għarusa taʼ ħuh u mat-​tifel, jien irrabjajt għal diversi raġunijiet. Meta ġie d-​dar, jien għedtlu kif kont qed inħossni. Kellna argument kbir u tgħidx kemm għajjarna lil xulxin. Wara ħassejtni ħażin ħafna.”

JEKK koppja targumenta, ikun ifisser dan li m’għadhomx iħobbu lil xulxin? Le! Fernando u Sara, li għadna kif semmejniehom, iħobbu ħafna lil xulxin. Imma anki fl-​aqwa żwieġ kultant ikun hemm l-​argumenti.

Għala jinqalgħu l-​argumenti, u x’tistaʼ tagħmel biex ma tħallihomx ikissru ż-​żwieġ tiegħek? Ladarba ż-​żwieġ huwa arranġament t’Alla, jagħmel sens li neżaminaw dak li tgħid il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, dwar dan is-​suġġett.—Ġenesi 2:21, 22; 2 Timotju 3:16, 17.

Nifhmu l-​Isfidi

Ħafna koppji miżżewġin jixtiequ jittrattaw lil xulxin bi mħabba u qalb tajba. Madankollu, il-​Bibbja tinnota b’mod realistiku li l-​bnedmin “kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) Allura meta jinqalaʼ xi nuqqas taʼ qbil, ikun diffiċli li jiġu kontrollati s-​sentimenti. U jekk jinbeda argument, xi wħud jistgħu jsibuha tassew diffiċli li jirreżistu drawwiet ħżiena, bħall-​għajjat u t-​tgħajjir. (Rumani 7:21; Efesin 4:31) X’iktar jistaʼ jikkaġuna sitwazzjoni t’ansjetà fiż-​żwieġ?

Raġel u mara miżżewġin spiss jikkomunikaw b’modi differenti. Michiko tgħid: “Għall-​ewwel li żżewwiġna skoprejt li l-​attitudni tagħna kienet differenti ħafna meta niġu biex niddiskutu xi kwistjoni. Jien ma nħobbx nitkellem biss dwar x’ġara imma wkoll għala u kif ġara. Żewġi donnu jinteressah biss fir-​riżultat taʼ l-​aħħar.”

Il-problema taʼ Michiko m’hijiex unika. F’ħafna żwiġijiet, xi ħadd mill-​koppja forsi jkun irid jiddiskuti fit-​tul in-​nuqqas taʼ qbil, waqt li l-​ieħor jobgħod l-​argumenti u jippreferi jevita s-​suġġett. Kultant, iktar maʼ wieħed minnhom idum jitkellem dwar il-​kwistjoni, iktar l-​ieħor jipprova jevitaha. Taħseb int li fiż-​żwieġ tiegħek qed jiġri xi ħaġa bħal din? Jiġri spiss li xi ħadd minnkom ikun dejjem il-​wieħed li jrid jiddiskuti fid-​dettall, u l-​ieħor li dejjem jevita s-​suġġett?

Xi ħaġa oħra li għandha tiġi kunsidrata hi li t-​trobbija taʼ l-​individwu setgħet effettwat il-​mod kif dak li jkun jaħsibha dwar il-​komunikazzjoni fiż-​żwieġ. Justin, li ilu miżżewweġ ħames snin, jgħid: “Jien ġejt minn familja kwieta u nsibha diffiċli biex nesprimi s-​sentimenti tiegħi. Marti veru tiddejjaq minħabba dan. Il-​familja tagħha ma kinitx tiddejjaq tesprimi kif tħossha, u hi wkoll ma tiddejjaqx turini kif tħossha.”

Għala Għandek Taħdem biex Issolvi l-​Problemi?

Ir-​riċerkaturi sabu li l-​hena fiż-​żwieġ ma jiddependix minn kemm-il darba l-​imseħbin jesprimu l-​imħabba tagħhom lejn xulxin bil-​kliem. Lanqas ma jiddependi milli jkunu kompatibbli sesswalment u minn sigurtà finanzjarja. Minflok, l-​iktar ħaġa li tindika s-​suċċess fiż-​żwieġ hija kemm ir-​raġel u l-​mara miżżewġin jittrattaw tajjeb kwalunkwe argument li jinqalaʼ.

Barra minn hekk, Ġesù qal li meta koppja tiżżewweġ, huwa Alla, mhux il-​bniedem, li jgħaqqadhom flimkien. (Mattew 19:4-6) Għalhekk, żwieġ tajjeb jonora lil Alla. Mill-​banda l-​oħra, jekk raġel jonqos milli juri mħabba u konsiderazzjoni lejn martu, Alla Ġeħova jistaʼ jinjora t-​talb tiegħu. (1 Pietru 3:7) Jekk mara ma tirrispettax lil żewġha, hi tkun fil-​fatt qed turi nuqqas taʼ rispett lejn Ġeħova, li ħatar lir-​raġel bħala l-​kap tal-​familja.—1 Korintin 11:3.

Fatturi Essenzjali għas-​Suċċess—Evita Diskors taʼ Ħsara

Minkejja t-​trobbija tiegħek jew kif tikkomunika, ċertu diskors taʼ ħsara li jirripeti ruħu jrid jiġi evitat jekk int se tapplika l-​prinċipji Bibliċi u jekk trid li jirnexxilek issolvi l-​argumenti. Staqsi lilek innifsek il-​mistoqsijiet li ġejjin:

‘Nipprova jien inżomm lura milli nwieġeb b’diskors li jweġġaʼ?’ “Jekk tagħsar imnieħrek, joħroġ id-​demm, u jekk tagħsar l-​għadab, joħroġ il-​ġlied,” jgħid proverbju għaqli. (Proverbji 30:33) Dan xi jfisser? Ikkunsidra dan l-​eżempju. Dak li jibda bħala nuqqas taʼ qbil dwar kif se jitqassmu l-​finanzi tal-​familja (bħal per eżempju: “Irridu noqogħdu attenti kemm nonfqu bil-​credit card”) malajr jistaʼ jsir attakk fuq il-​karattru taʼ xulxin (per eżempju: “Lanqas taf xi jfisser li tkun responsabbli”). Huwa minnu li jekk il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ ‘tagħsarlek imnieħrek’ billi tibda tattakka l-​karattru tiegħek, int forsi tħoss ix-​xewqa li ‘tagħsar’ lura. Madankollu, id-​diskors li jweġġaʼ jġib biss rabja u jkabbar l-​argument.

Ġakbu, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja, wissa: “Ara! Kif jaqbad bosk sħiħ b’daqsxejn nar! Sewwa, l-​ilsien hu nar.” (Ġakbu 3:5, 6) Meta l-​imseħbin fiż-​żwieġ ma jikkontrollawx ilsienhom, nuqqas taʼ qbil żgħir jistaʼ malajr isir ġlied bla kontroll. U ż-​żwiġijiet li spiss jesperjenzaw argumenti sħan bħal dawn ma jipprovdux ambjent ideali fejn tistaʼ tikber l-​imħabba.

Minflok ma tattakka lura, tistaʼ int timita lil Ġesù, li meta ġie mgħajjar “m’għajjarx lura”? (1 Pietru 2:23) L-​aħjar mod kif tneħħi r-​rabja minn argument hu li tirrikonoxxi l-​ħarsa tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ u tiskuża ruħek għal dak li tkun għamilt int biex tikkaġuna l-​ġlieda.

IPPROVA DAN: Malli jerġaʼ jinqalaʼ argument, staqsi lilek innifsek: ‘X’ħa nitlef billi nirrikonoxxi l-​affarijiet li jinkwetaw lis-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħi? X’għamilt jien biex ikkaġunajt din il-​problema? Xi jżommni lura milli niskuża ruħi għall-​iżbalji tiegħi?’

‘Inċekken jew immaqdar jien is-​sentimenti tiegħu jew tagħha?’ “Intom ilkoll kunu fehma waħda, billi tħossu għal xulxin,” tikkmanda l-​Kelma t’Alla. (1 Pietru 3:8) Ikkunsidra żewġ raġunijiet għala forsi tonqos milli tapplika dan il-​parir. Raġuni waħda hi li forsi ma tafx x’għandha f’moħħha s-​sieħba tiegħek jew x’inhi tħoss. Per eżempju, jekk qed tħossha iktar inkwetata minnek dwar xi kwistjoni, int forsi jkollok it-​tendenza li tgħid, “Toqgħodx tagħmilhom bi kbar.” L-​intenzjoni tiegħek tistaʼ tkun biex tgħinha tara l-​problema b’mod loġiku. Madankollu, ma tantx hawn min iħossu aħjar jekk tgħidlu dan il-​kliem. Kemm in-​nisa u kemm l-​irġiel miżżewġin għandhom bżonn iħossu li min hu għażiż għalihom jifhimhom u jagħdirhom.

Il-​kburija żejda wkoll tistaʼ tqanqal lil individwu biex imaqdar is-​sentimenti tal-​persuna l-​oħra. Min hu kburi ġeneralment iġib lilu nnifsu jidher aħjar billi dejjem iċekken lil oħrajn. Forsi jagħmel dan billi jgħajjar jew jagħmel paraguni negattivi. Ikkunsidra l-​eżempju tal-​Fariżej u l-​iskribi taʼ żmien Ġesù. Meta xi ħadd—anki Fariżew bħalhom—kien jesprimi opinjoni li kienet differenti minn taʼ dawn l-​individwi kburin, huma kienu jibdew jgħajruh u jmaqdruh. (Ġwanni 7:45-52) Ġesù kien differenti. Hu kien juri empatija lejn dawk li kienu jesprimu s-​sentimenti tagħhom miegħu.—Mattew 20:29-34; Marku 5:25-34.

Aħseb dwar kif tirreaġixxi int meta s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ tesprimi dak li jkollha fuq moħħha. Kliemek, it-​ton taʼ leħnek, u l-​espressjonijiet taʼ wiċċek juru empatija? Jew għandek ħabta taġixxi b’tali mod li turi li s-​sentiment tiegħu, jew tagħha, m’humiex importanti?

IPPROVA DAN: Fil-​ġimgħat li ġejjin, innota kif titkellem mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Jekk ma tiħux l-​affarijiet bis-​serjetà jew tgħid xi ħaġa li ċċekken lill-​individwu, skuża ruħek mill-​ewwel.

‘Nassumi spiss li s-​sentimenti tiegħu, jew tagħha, huma egoistiċi?’ “Tgħid għal xejn Ġob jibżaʼ minn Alla? Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur?” (Ġob 1:9, 10) B’dan il-​kliem, Satana tefaʼ dubju fuq il-​motivi tar-​raġel leali Ġob.

Jekk l-​imseħbin fiż-​żwieġ ma joqogħdux attenti, huma jistgħu jibdew jagħmlu bħal Satana. Per eżempju, jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ tagħmel xi ħaġa taʼ qalb tajba għalik, tiddubita int jekk għamlithiex għax trid xi ħaġa minnek jew għax hemm xi ħaġa li ma tridx turik? Jekk tagħmel żball, tqisu dan bħala prova li għandha nuqqas serju fil-​karattru tagħha? Tiftakar mill-​ewwel fi żbalji simili tal-​passat u żżid ieħor mal-​lista?

IPPROVA DAN: Agħmel lista taʼ l-​affarijiet pożittivi li għamel għalik is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ u tal-​motivi tajbin li setgħu qanqlu din l-​azzjoni.

L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​imħabba . . . ma żżommx kont tal-​ħsara.” (1 Korintin 13:4, 5) L-​imħabba vera m’hijiex għamja. Imma lanqas ma żżomm kont tal-​ħsara. Pawlu qal ukoll li l-​imħabba “kollox temmen.” (1 Korintin 13:7) Mhux qed ngħidu li din l-​imħabba tiblaʼ kollox, imma din hija lesta li turi fiduċja fl-​individwu. Ma turix nuqqas taʼ fiduċja, jew tkun suspettuża. L-​imħabba li tinkuraġġixxi l-​Bibbja hija lesta li taħfer u ma taħsibx ħażin fil-​motivi taʼ l-​oħrajn. (Salm 86:5; Efesin 4:32) Meta l-​imseħbin fiż-​żwieġ juru dan it-​tip taʼ mħabba lejn xulxin, huma jgawdu żwieġ hieni.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

▪ Liema żbalji għamlet il-​koppja li ssemmiet fil-​bidu taʼ l-​artiklu?

▪ Kif nistaʼ nevita żbalji simili fiż-​żwieġ tiegħi?

▪ Liema punti li ssemmew fl-​artiklu għandi bżonn naħdem fuqhom l-​iktar?

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 L-ismijiet ġew mibdulin.