Kont Taf?
Kont Taf?
Kemm kienet kbira l-vaska tal-bronż fondut fit-tempju taʼ Salamun?
Ir-rakkont fl-1 Slaten 7:26 jgħid li l-vaska kienet tesaʼ “elfejn batt ilma” użati mill-qassisin, filwaqt li r-rakkont parallel fit-2 Kronaki 4:5 jgħid li kienet tesaʼ “tlitt elef batt ilma.” Dan wassal lil xi wħud biex isostnu li d-diskrepanza bejn dawn iż-żewġ rakkonti hi r-riżultat taʼ żball tal-kitba taʼ l-iskribi fir-rakkont tal-Kronaki.
Madankollu, in-New World Translation tgħinna nifhmu kif dawn iż-żewġ rakkonti huma korretti t-tnejn. L-Ewwel Slaten 7:26 jgħid: “Kien ikun fih elfejn bat ilma.” Madankollu, it-2 Kronaki 4:5 jgħid: “Bħala reċipjent, setaʼ jesaʼ tlett elef bat ilma.” B’hekk, it-2 Kronaki 4:5 jirreferi għall-volum massimu li setgħet tesaʼ l-vaska tat-tempju, filwaqt li l-1 Slaten 7:26 isemmi l-kwantità taʼ ilma li s-soltu jintefaʼ fil-vaska tat-tempju. Fi kliem ieħor, din il-vaska qatt ma kienet timtela sal-volum massimu tagħha. Milli jidher id-drawwa kienet li żewġ terzi biss taʼ kemm tesaʼ l-vaska kienu jimtlew.
Ġesù u Pietru għala ħallsu t-taxxa tat-tempju b’munita waħda biss?
Fi żmien Ġesù, kull raġel Lhudi minn 20 sena ’l fuq kien mitlub iħallas għal sena taxxa tat-tempju taʼ żewġ drakmi, jew munita taʼ didrakma. Din kienet tiswa daqs jumejn paga. Meta ġie mistoqsi dwar din it-taxxa, Ġesù qal lil Pietru: “Mur sal-baħar, ixħet sunnara, u ħu l-ewwel ħuta li ttellaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, issib munita taʼ stater. Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.”—Mattew 17:24-27.
Ħafna studjużi jemmnu li l-munita taʼ stater imsemmija hawnhekk kienet, fil-fatt, it-tetradrakma. Din il-munita kienet tiswa daqs erbaʼ drakmi, jew l-ekwivalenza tat-taxxa tat-tempju għal żewġ persuni. It-tetradrakma kienet iktar komuni u iktar disponibbli mid-didrakma. B’hekk The New Bible Dictionary jikkummenta: “Milli jidher il-Lhud b’mod frekwenti kienu jingħaqdu tnejn tnejn biex iħallsu t-taxxa tat-Tempju.”
Barra minn hekk, individwu li xtaq iħallas it-taxxa għal persuna waħda kien mitlub biex iħallas għall-kambju, ħlas żgħir biex isarraf il-flus. Dan il-ħlas setaʼ jitlaʼ sa 8 fil-mija. Madankollu, dawk li kienu jħallsu għall-żewġ persuni fl-istess ħin kienu eżentati milli jħallsu dan il-ħlas. Għalhekk, anki f’dan id-dettall żgħir, ir-rakkont rekordjat minn Mattew jaqbel maʼ dak li hu magħruf bħala prattiki komuni fi żmien Ġesù.
[Stampa f’paġna 15]
Tkabbir tat-Tetradrakma