Alla li Hu Lest li Jaħfer
Ersaq Qrib Lejn Alla
Alla li Hu Lest li Jaħfer
“INT, Sidi, twajjeb u taħfer.” (Salm 86:5) B’dan il-kliem li jqawwi l-qalb, il-Bibbja tassigurana li Alla hu ġeneruż fil-maħfra. Inċident fil-ħajja taʼ l-appostlu Pietru juri biċ-ċar li Ġeħova jaħfer “ħafna.”—Isaija 55:7.
Pietru kien wieħed mill-akbar ħbieb taʼ Ġesù. Però, fl-aħħar lejl tal-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art, Pietru ċeda għall-biżaʼ u kkommetta dnub serju. Fil-bitħa ħdejn il-palazz fejn Ġesù kien għaddej ġuri illegalment, Pietru ċaħad fil-pubbliku li jaf lil Ġesù—mhux darba imma tliet darbiet. Wara t-tielet ċaħda qawwija taʼ Pietru, Ġesù “dar u ħares lejn Pietru.” (Luqa 22:55-61) Tistaʼ timmaġina kif ħassu Pietru hekk kif Ġesù tefaʼ għajnejh fuqu? Minħabba li induna kemm kien gravi d-dnub tiegħu, Pietru “nfaqaʼ jibki.” (Marku 14:72) L-appostlu niedem forsi ħaseb jekk kienx possibbli li Alla jaħfer it-tliet ċaħdiet tiegħu.
Wara li ġie rxoxtat, Ġesù kellu konversazzjoni maʼ Pietru li żgur li neħħiet kwalunkwe dubju dwar jekk kienx inħafer id-dnub taʼ Pietru. Ġesù ma kellmux bl-aħrax u ma kkundannahx. Minflok, hu staqsa lil Pietru: “Tħobbni int?” Pietru wieġbu: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Ġesù wieġbu: “Itmaʼ l-ħrief tiegħi.” Ġesù rripeta l-mistoqsija t-tieni darba, u Pietru tah l-istess tweġiba, forsi b’iktar enfasi. Ġesù qallu: “Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” Imbagħad Ġesù staqsa bażikament l-istess mistoqsija għat-tielet darba: “Għandek int affezzjoni lejja?” Issa “Pietru tnikket” u qallu: “Mulej, int taf kollox, u taf li għandi affezzjoni lejk.” Ġesù wieġbu: “Itmaʼ n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.”—Ġwanni 21:15-17.
Ġesù għala staqsa mistoqsijiet li diġà kien jaf it-tweġibiet tagħhom? Ġesù setaʼ jaqra l-qlub, u għalhekk kien jaf li Pietru kien iħobbu. (Marku 2:8) Meta staqsa dawn il-mistoqsijiet, Ġesù ta opportunità lil Pietru biex jikkonferma mħabbtu tliet darbiet. It-tweġibiet taʼ Ġesù: “Itmaʼ l-ħrief tiegħi . . . Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi . . . Itmaʼ n-nagħaġ ċkejknin tiegħi,” żguraw lill-appostlu niedem li kien għadu fdat. Fuq kollox, Ġesù kien qed jinkariga lil Pietru biex jieħu ħsieb xi ħaġa prezzjuża ħafna li kellu Ġesù—is-segwaċi tiegħu li huma bħal nagħaġ. (Ġwanni 10:14, 15) Pietru żgur li ħass serħan meta sar jaf li Ġesù kien għadu jafdah!
Jidher ċar li Ġesù ħafirlu lill-appostlu niedem tiegħu. Ladarba Ġesù jirrifletti perfettament il-kwalitajiet taʼ Missieru u jaġixxi bħalu, nistgħu biss nikkonkludu li Ġeħova wkoll ħafirlu lil Pietru. (Ġwanni 5:19) Mhux talli Ġeħova ma joqgħodx lura milli jaħfer, imma talli hu Alla ħanin li hu lest li “jaħfer” lil midneb li jindem. M’huwiex dan ħsieb taʼ faraġ?