Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Armageddon—Il-Gwerra t’Alla Biex Ittemm il-Gwerer Kollha

Armageddon—Il-Gwerra t’Alla Biex Ittemm il-Gwerer Kollha

Armageddon—Il-​Gwerra t’Alla Biex Ittemm il-​Gwerer Kollha

“Għalihom hija xi ħaġa orribbli li toqtol lil bniedem ieħor; għalhekk, huma ma jifhmux il-​gwerra u jistmerruha, u lanqas biss għandhom kelma għaliha fil-​lingwa tagħhom.”—DESKRIZZJONI TAN-​NIES ESKIMIŻI TAʼ GREENLAND MILL-​ESPLORATUR NORVEĠIŻ FRIDTJOF NANSEN FL-​1888.

MIN ma jixtieqx jgħix f’soċjetà fejn in-​nies “ma jifhmux il-​gwerra u jistmerruha”? Min ma jixxennaqx li jgħix f’dinja fejn saħansitra l-​kelma għal gwerra ma teżistix għaliex ħadd ma jaf x’inhuma l-​gwerer? Dinja bħal din tistaʼ tidher impossibbli, speċjalment jekk inpoġġu t-​tama tagħna fil-​bnedmin biex iġibuha.

Madankollu, fil-​profezija taʼ Isaija, Alla stess iwiegħed li d-​dinja se jġibha f’din il-​kundizzjoni: “Jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Isaija 2:4.

Jidher ċar li d-​dinja, li llum fiha 20 miljun suldat attiv u għandha xi 20 gwerra għaddejjin bħalissa, ikollha tagħmel bidliet kbar biex din il-​wegħda titwettaq. Mhux taʼ b’xejn li Alla Ġeħova, Dak li Jistaʼ Kollox, ikollu jintervieni fl-​affarijiet tal-​bniedem! Dan l-​intervent minn Ġeħova se jwassal għal dik li l-​Bibbja ssejħilha Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.

Għalkemm il-​kelma “Armageddon” f’dawn l-​aħħar snin intużat biex tfisser olokawst nukleari mad-​dinja kollha, dizzjunarju wieħed jispjega t-​tifsira prinċipali tal-​kelma b’dan il-​mod: “Il-​post taʼ konflitt kbir u finali bejn il-​forzi tat-​tajjeb u tal-​ħażin.” It-​tajjeb qatt se jegħleb lill-​ħażin, jew hija din il-​battalja sempliċi fantasija?

Nistgħu nqawwu qalbna billi ninnotaw li l-​Bibbja ripetutament titkellem dwar it-​tmiem tal-​ħażen. Is-​salmista jbassar: “Jintemmu minn fuq l-​art il-​midinbin, u jgħibu l-​ħżiena.” (Salm 104:35) “It-​tajbin jgħammru fl-​art, u n-​nies sewwa joqogħdu fiha,” jgħid il-​ktieb tal-​Proverbji. “Imma l-​ħżiena mill-​art jitqaċċtu, u l-​qarrieqa jinqalgħu minnha.”—Proverbji 2:21, 22.

Il-Bibbja turi wkoll biċ-​ċar li l-​ħżiena mhux se jċedu l-​qawwa tagħhom b’mod paċifiku; għalhekk, hemm bżonn li Alla jagħmel gwerra finali biex jelimina l-​ħażen kollu, inkluż il-​ħażen tal-​gwerra. (Salm 2:2) L-​isem li l-​Bibbja tagħti lil dan il-​konflitt uniku, Armageddon, huwa tassew sinifikanti.

Battalji tal-​Passat Qrib Megiddu

Il-​kelma “Armageddon” tfisser “Muntanja taʼ Megiddu.” Il-​belt antika taʼ Megiddu, imdawra bil-​Pjanura taʼ Ġeżragħel, għandha storja twila taʼ battalji deċiżivi. “Tul l-​istorja, Megiddu u l-​Wied taʼ Ġeżragħel kienu l-​post fejn ġew miġġildin il-​battalji li ddeterminaw l-​iżvilupp taċ-​ċivilizzazzjoni,” jikteb l-​istorjografu Eric H. Cline f’The Battles of Armageddon.

Bħalma juri Cline, il-​battalji miġġildin qrib Megiddu spiss kienu deċiżivi. Armati Mongoli, li ħarbtu ħafna mill-​Asja fis-​seklu 13, sofrew l-​ewwel telfa tagħhom f’dan il-​wied. Mhux ’il bogħod minn Megiddu, forzi Britanniċi taħt il-​Ġeneral Edmund Allenby għelbu lit-​Torok matul l-​ewwel gwerra dinjija. Storjografu militari ddeskriva r-​rebħa t’Allenby bħala “waħda mill-​iktar kampanji deċiżivi li saret malajr u waħda mill-​iktar battalji deċiżivi għalkollox fl-​istorja kollha.”

Battalji Bibliċi deċiżivi kienu miġġildin ukoll qrib Megiddu. Hemmhekk, l-​Imħallef Barak rebaħ lill-​forzi Kangħanin taʼ Sisera. (Mħallfin 4:14-16; 5:19-21) Gidgħon, b’ġemgħa żgħira taʼ 300 raġel, għeleb armata Midjanija kbira ferm fil-​qrib. (Mħallfin 7:19-22) Meta l-​forzi Filistin għelbu lill-​armata Iżraelija, is-​Sultan Sawl u ibnu Ġonatan mietu fuq il-​Muntanja Gilbogħa li kienet qrib.—1 Samwel 31:1-7.

Minħabba li Megiddu u l-​wied taʼ ħdejha jinsabu f’post ġeografikament strateġiku, fihom ġew miġġildin għadd kbir taʼ battalji matul dawn l-​aħħar 4,000 sena. Storjografu wieħed għadd mill-​inqas 34 battalja!

L-istorja taʼ Megiddu u l-​post strateġiku fejn tinsab żgur li huma konnessi maʼ l-​użu simboliku tal-​kelma “Armageddon.” Għalkemm din il-​kelma tidher darba biss fil-​Bibbja, il-​kuntest tagħha fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni jagħmilha ċar ħafna li Armageddon se teffettwa l-​ħajja taʼ kulmin jgħix fuq l-​art.

Armageddon Skond il-​Bibbja

Għalkemm ħafna gwerer tal-​passat li ġew miġġildin qrib Megiddu kienu deċiżivi, ebda waħda minnhom m’eliminat il-​ħażen. Ebda waħda minnhom ma kienet tinvolvi l-​forzi tat-​tajjeb kontra l-​forzi tal-​ħażen, fis-​sens assolut. B’mod loġiku, dan it-​tip taʼ konflitt irid joriġina minn Alla. Bħalma qal darba Ġesù, “ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.” (Luqa 18:19) Iktar minn hekk, il-​Bibbja tirreferi b’mod speċifiku għal Armageddon bħala l-​gwerra t’Alla.

Fil-Bibbja, il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jgħid li “s-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” se jinġabru flimkien “għall-​gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Rivelazzjoni 16:14) Ir-​rakkont profetiku mbagħad iżid: “U ġabruhom flimkien lejn il-​post li bl-​Ebrajk jissejjaħ Ħar–Magedon,” jew Armageddon. (Rivelazzjoni 16:16) Iktar tard, Rivelazzjoni jispjega li “s-​slaten taʼ l-​art u l-​armati tagħhom” se jkunu “miġburin biex jiggwerraw kontra dak li kien riekeb fuq iż-​żiemel u kontra l-​armata tiegħu.” (Rivelazzjoni 19:19) Dan ir-​rikkieb hu identifikat bħala ħadd iktar ħlief Ġesù Kristu.—1 Timotju 6:14, 15; Rivelazzjoni 19:11, 12, 16.

X’għandna nikkonkludu minn dawn il-​versi? Li Armageddon hija gwerra bejn Alla u l-​forzi taʼ l-​umanità diżubbidjenti. Ġeħova u Ibnu, Ġesù Kristu, għala se jiġġieldu din il-​gwerra? Raġuni waħda hi li Armageddon se “teqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art.” (Rivelazzjoni 11:18) Iżjed minn hekk, se ġġib dinja paċifika, “art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda [t’Alla],” fejn se “tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.

Armageddon Għala Hi Neċessarja?

Issibha diffiċli biex timmaġina li Ġeħova, “Alla taʼ l-​imħabba,” se jinkariga lil Ibnu, il-​“Prinċep tas-​sliem,” biex jiġġieled gwerra? (2 Korintin 13:11; Isaija 9:5 [9:6, NW]) Jekk tifhem il-​motivi tagħhom żgur li se tifhem ir-​raġuni. Il-​ktieb tas-​Salmi jiddeskrivi lil Ġesù bħala gwerrier riekeb fuq żiemel. Għala jiġġieled? Is-​salmista jispjega li Kristu jirkeb “għar-​rebħa tas-​sewwa u l-​ħaqq.” Hu jiggwerra għax iħobb is-​sewwa u jobgħod il-​ħażen.—Salm 45:5, 8 (45:4, 7, NW).

Bl-istess mod, il-​Bibbja tiddeskrivi r-​reazzjoni taʼ Ġeħova għall-​inġustizzja li jara fid-​dinja llum. “Il-​Mulej ra dan u ddispjaċieh, għax is-​sewwa ma kienx hemm,” jikteb il-​profeta Isaija. “Libes il-​ġustizzja bħal kurazza, u l-​elmu tas-​salvazzjoni f’rasu. [“Se jilbes ix-​xewqa qawwija li jirranġa l-​affarijiet u jikkastiga u jivvindika l-​ħażen li jbatu n-​nies,” Today’s English Version].”—Isaija 59:15, 17.

Sakemm il-​ħżiena jibqgħu fil-​poter, in-​nies sewwa ma jistgħux igawdu paċi u sigurtà. (Proverbji 29:2; Koħèlet 8:9) B’mod realistiku, ma nistgħux nifirdu l-​korruzzjoni u l-​ħażen min-​nies li jipprattikawhom. B’hekk, il-​paċi dejjiema u l-​ġustizzja jistgħu jiġu biss wara li jitneħħew il-​ħżiena. “Iħallas il-​ħażin għall-​fidwa tal-​ġust,” kiteb Salamun.—Proverbji 21:18.

Ladarba Alla hu l-​Imħallef, nistgħu nkunu ċerti li f’kull każ il-​ġudizzji kontra l-​ħżiena se jkunu ġusti. “Ma jkun qatt minnek, l-​imħallef taʼ l-​art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja,” qal Abraham. Abraham sar jaf li Ġeħova dejjem għandu raġun! (Ġenesi 18:25) Iktar minn hekk, il-​Bibbja tassigurana li Ġeħova ma jiħux pjaċir jeqred il-​ħżiena; jagħmel dan biss meta xejn iktar ma jirnexxi.—Eżekjel 18:32; 2 Pietru 3:9.

Nieħdu lil Armageddon bis-​Serjetà

Fuq in-​naħa taʼ min se nkunu f’dan il-​konflitt deċiżiv? Ħafna minna mill-​ewwel se nassumu li qegħdin fuq in-​naħa tal-​forzi tat-​tajjeb. Imma kif nistgħu nkunu ċerti? “Fittxu l-​ġustizzja, fittxu l-​umiltà,” iħeġġeġ il-​profeta Sofonija. (Sofonija 2:3) Ir-​rieda t’Alla hi li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità,” jgħid l-​appostlu Pawlu.—1 Timotju 2:4.

L-ewwel pass għas-​salvazzjoni hu li nitgħallmu l-​verità dwar Ġeħova u l-​iskop tiegħu biex jeħles lill-​art mill-​ħażen. It-​tieni pass hu li nipprattikaw is-​sewwa biex ikollna l-​favur u l-​protezzjoni t’Alla.

Jekk nagħmlu dawn il-​passi importanti, fil-​fatt inkunu nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn Armageddon, gwerra li tassew se ttemm il-​gwerer taʼ l-​umanità. Meta tintemm din il-​battalja, in-​nies kullimkien mhux se jifhmu l-​gwerra u jkunu jistmerruha. “Is-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Isaija 2:4.

[Kumment f’paġna 5]

L-​intervent t’Alla fl-​affarijiet tal-​bniedem hu msejjaħ Armageddon

[Stampa f’paġna 6]

Megiddu

[Stampa f’paġna 6]

Gidgħon u l-​irġiel tiegħu rebħu battalja deċiżiva qrib Megiddu

[Stampa f’paġna 6, 7]

Meta tintemm Armageddon, in-​nies kullimkien mhux se jifhmu l-​gwerra u jkunu jistmerruha

[Stampa f’paġna 8]

L-​ewwel pass għas-​salvazzjoni hu li nitgħallmu l-​verità dwar Ġeħova u l-​iskop tiegħu