Hi Riedet Tgħin
Għallem Lil Uliedek
Hi Riedet Tgħin
QATT kont taf lil xi ħadd li hu marid ħafna?— Xtaqt li stajt tagħmel xi ħaġa biex tgħinu?— Xi ngħidu li kieku kien minn pajjiż ieħor jew taʼ reliġjon oħra? Xorta tkun tixtieq tgħinu jfiq?— Hekk għamlet tifla li kienet tgħix fl-art taʼ Iżrael kważi 3,000 sena ilu. Ejja nitkellmu dwar x’ġara dak iż-żmien.
Spiss ikun hemm il-ġlied bejn Iżrael tal-qedem, fejn kienet tgħix it-tifla, u l-pajjiż qrib tas-Sirja. (1 Slaten 22:1) Darba minnhom, is-Sirjani jiġu lejn Iżrael u jaħtfu lit-tifla ċkejkna. Hi tittieħed lejn is-Sirja, fejn issir il-qaddejja taʼ mart Nagħman, il-kap taʼ l-armata Sirjana. Nagħman għandu marda kerha msejħa ġdiem, li tistaʼ ġġiegħel li jaqgħu partijiet mill-ġisem taʼ l-individwu.
It-tifla qaddejja tgħid lil mart Nagħman kif jistaʼ jitfejjaq żewġha. Hi tgħidilha: ‘Kieku Nagħman kien fis-Samarija, kieku Eliżew, il-profeta taʼ Ġeħova, kien ikun jistaʼ jfejjaqlu l-ġdiem.’ Minħabba l-mod kif it-tifla qaddejja titkellem dwar Eliżew, Nagħman jibda jemmen li l-profeta tassew jistaʼ jfejqu. Għalhekk, bl-approvazzjoni taʼ Ben-ħadad, is-sultan tas-Sirja, Nagħman u xi qaddejja jagħmlu l-vjaġġ twil taʼ madwar mija u ħamsin kilometru biex isibu lil Eliżew.
L-ewwel, imorru għand Ġeħoram, is-sultan taʼ Iżrael. Huma juruh l-ittra tas-Sultan Ben-ħadad li fiha tintalab l-għajnuna għal Nagħman. Imma Ġeħoram m’għandux fidi f’Ġeħova jew fil-profeta Eliżew. Ġeħoram jaħseb li Ben-ħadad qed jipprova joħloq ġlieda miegħu. Meta Eliżew jismaʼ dwar dan, hu jgħid lis-Sultan Ġeħoram: “Ħa jiġi għandi.” Eliżew irid juri l-qawwa t’Alla biex ifejjaq lil Nagħman mill-marda kerha tiegħu.—2 Slaten 5:1-8.
Meta Nagħman jasal id-dar t’Eliżew biż-żwiemel u l-karrijiet tiegħu, Eliżew jibgħat messaġġier biex jgħidlu: ‘Mur inħasel sebaʼ darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġaʼ jindaflek.’ Nagħman telaq b’saħna. Hu jistenna li Eliżew joħroġ u jgħaddi idu minn fuq il-ġdiem biex ifejqu. Minflok, hu jara biss lil dan il-messaġġier! Allura Nagħman idabbar rasu rrabjat u jibda sejjer lura lejn daru.—2 Slaten 5:9-12.
X’kont tagħmel int li kieku kont wieħed mill-qaddejja taʼ Nagħman?— Sewwa, il-qaddejja jistaqsuh: ‘Kieku l-profeta qallek xi ħaġa kbira ma kontx tagħmilha? Mela kemm iżjed meta qallek, “Inħasel u tindaf”?’ Nagħman jismaʼ minnhom. Hu ‘jinżel fil-Ġordan u jogħdos sebaʼ darbiet u ġismu reġaʼ sarlu qisu l-ġisem taʼ tfajjel żagħżugħ.’
Nagħman jerġaʼ lura għand Eliżew u jgħidlu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael.” Hu jwiegħed lil Eliżew li ma jerġax “jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej.”—2 Slaten 5:13-17.
Tixtieq tgħin lil xi ħadd jitgħallem dwar Ġeħova u dwar dak li jistaʼ jagħmel, bħalma għamlet din it-tifla ċkejkna?— Meta Ġesù kien fuq l-art, raġel li kellu l-ġdiem emmen fih u qallu: ‘Jekk tassew trid tgħinni, tistaʼ.’ Taf x’wieġeb Ġesù?— “Irrid.” U Ġesù fejqu, sewwasew bħalma Ġeħova kien fejjaq lil Nagħman.—Mattew 8:2, 3.
Taf int bid-dinja l-ġdida li Ġeħova se joħloq u li fiha n-nies kollha se jkunu b’saħħithom u se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem?— (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:3, 4) Mela, żgur li trid tgħid lill-oħrajn dwar dawn l-affarijiet taʼ l-għaġeb!
Mistoqsijiet:
○ Tifla żgħira kif għenet lil Nagħman, li l-irġiel tiegħu kienu ħatfuha?
○ Għall-ewwel, Nagħman għala ma riedx jobdi lil Eliżew, imma x’biddillu fehmtu?
○ X’għandek tkun tassew trid tagħmel sabiex timita lit-tifla ċkejkna?
○ Ġesù x’ried jagħmel, u l-ħajja għala se tkun taʼ l-għaġeb fid-dinja l-ġdida t’Alla?