Id-Dinja Tagħna Qatt Se Tinqered?
Id-Dinja Tagħna Qatt Se Tinqered?
ĠIELI staqsejt, ‘X’se jiġrilha d-dinja fil-futur?’ Minħabba li jaraw x’qed jiġrilha l-pjaneta mill-isbaħ tagħna, ħafna nies jemmnu li jistaʼ jkun li l-art tinqered.
Tabilħaqq, illum l-art qed iġġarrab rovina minħabba li qed isir abbuż mir-riżorsi prezzjużi, bħalma huma l-ilma, il-foresti, u l-atmosfera bilanċjata u delikata. Ukoll, xi xjenzati jwissu li l-art u l-ħajja kollha li fiha jistgħu jiġu mheddin minn affarijiet bħal xi meteorita kbira, xi kewkba li tisplodi, jew minħabba li jispiċċa l-fuel mill-idroġenu tax-xemx.
Ix-xjenzati jemmnu li bil-mod il-mod—forsi wara ħafna biljuni taʼ snin—l-art se titlef l-abbiltà li ssostni l-ħajja umana. L-Encyclopædia Britannica dan tiddeskrivih bħala “t-tendenza lejn id-diżordni li ma jistax jitwaqqaf.”
B’ferħ, il-Bibbja tassigurana li Alla Ġeħova mhux se jippermetti li d-dinja tagħna tinqered jew issir inabitabbli. Bħala l-Ħallieq, il-“qawwa taʼ setegħtu” hi bla limitu, u għalhekk hu jistaʼ jsostni l-univers għal dejjem. (Isaija 40:26) B’hekk, tistaʼ tafda dan il-kliem: “[Alla waqqaf] l-art fuq is-sisien tagħha, b’mod li qatt ma titħarrek.” “Faħħruh, intom xemx u qamar, faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu! . . . Għax hu kkmanda, u huma nħolqu; hu waqqafhom għal dejjem taʼ dejjem.”—Salm 104:5; 148:3-6.
L-Iskop t’Alla għall-Art
Qatt ma kien l-iskop t’Alla li l-art tiġi abbużata u mniġġsa bħalma hi llum. Minflok, Alla ħalaq lill-ewwel raġel u mara, Adam u Eva, u poġġiehom fi ġnien mill-isbaħ. M’għandniex xi ngħidu, il-Ġenna taʼ l-art li kienet id-dar tagħhom ma kinitx tibqaʼ sabiħa li kieku xi ħadd ma ħax ħsiebha. Alla inkarigahom ‘biex jaħdmuha u jħarsuha.’ (Ġenesi 2:8, 9, 15) X’xogħol pjaċevoli u sodisfaċenti ta Alla lill-ġenituri tagħna li darba kienu perfetti!
Imma l-iskop t’Alla għall-art kien jinkludi ħafna iktar milli jieħdu ħsieb dak il-ġnien tal-bidu. Hu ried li l-art kollha tinbidel f’Ġenna taʼ l-art. Dan hu għala Alla ta dan il-kmand lil Adam u Eva: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr taʼ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”—Ġenesi 1:28.
B’sogħba, anġlu kburi li sar magħruf bħala Satana oppona l-iskop t’Alla. Hu xxennaq għall-qima taʼ Adam u Eva. Waqt li kellimhom permezz taʼ serp, Satana ġegħelhom jirribellaw kontra l-ħakma t’Alla. (Ġenesi 3:1-6; Rivelazzjoni 12:9) Min jaf kemm ħassu mweġġaʼ l-Ħallieq tagħna minħabba n-nuqqas t’apprezzament tagħhom b’egoiżmu! Imma ħaġa waħda li r-ribelljoni tagħhom ma biddlitx kienet l-iskop t’Alla Ġeħova għall-art. Hu jgħid: “Kelmti . . . toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.
Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova ħalla r-ribelljoni taʼ Satana għaddejja sa żmienna! Matul dan iż-żmien, l-umanità setgħet tesperimenta billi taħkem lilha nfisha b’diversi forom taʼ gvernijiet, u r-riżultati wrew li l-indipendenza minn Alla, kif inkuraġġita minn Satana, twassal għal falliment totali. *—Ġeremija 10:23.
Minkejja dan, matul il-millennji li għaddew, Alla bierek lil ċerti bnedmin retti. Ukoll, fil-Bibbja ppreserva bil-miktub il-konsegwenzi taʼ li wieħed jobdi lil Alla jew li jiċħad il-ħakma Tiegħu. Iżjed minn hekk, Ġeħova għamel affarijiet meraviljużi li se nibbenefikaw minnhom fil-futur. Bi mħabba hu pprovda Salvatur għall-umanità billi bagħat lil Ibnu l-maħbub, Ġesù Kristu, biex jgħallimna kif nistgħu ngħixu bl-aqwa mod u biex jagħti ħajtu għalina. (Ġwanni 3:16) Peress li Ġesù ma kienx jistħoqqlu jmut, Alla uża l-mewt tiegħu bħala bażi legali biex jixtri lura dak li tilfu Adam u Eva, jiġifieri, il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art mad-dinja kollha. * Għal din ir-raġuni, Alla Ġeħova stabbilixxa gvern fis-sema biex jaħkem fuq il-bnedmin kollha, u ħatar lil Ibnu, Ġesù Kristu rxoxtat, biex ikun Sultan taʼ din is-Saltna. Dan l-arranġament meraviljuż jiżgurana li l-iskop t’Alla għall-art se jitwettaq.—Mattew 6:9, 10.
B’hekk, jistaʼ jkollok fiduċja assoluta f’dawn il-wegħdi mill-isbaħ imniżżlin fil-Bibbja: “Il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra; min jittama fil-Mulej jikseb l-art. Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” “‘Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.’ U Dak li kien bil-qiegħda fuq it-tron qal: ‘Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.’”—Salm 37:9, 29; Rivelazzjoni 21:3-5.
Il-Bibbja Ma Tikkontradixxix Lilha Nfisha
Iżda, xi wħud jistgħu jistaqsu, ‘Kif nistgħu nqabblu l-versi mill-Bibbja li għadna kif ikkwotajna maʼ versi oħrajn li donnhom jitkellmu dwar li l-art se tintemm?’ Ejja nikkunsidraw xi eżempji. Dan se jgħinna biex nuru li l-Bibbja ma tikkontradixxix lilha nfisha.
Ferm qabel ma x-xjenzati rrikonoxxew “it-tendenza lejn id-diżordni” fl-affarijiet fiżiċi kollha, salmista tal-Bibbja kiteb: “L-art int [jiġifieri, Alla] waqqaftha sa mill-bidu; Salm 102:26-28 (102:25-27, NW).
għemil idejk huma s-smewwiet. Huma jgħaddu, imma int tibqaʼ; bħal libsa huma lkoll [“jitmermru,” NW], tbiddilhom bħal libsa u jintemmu. Imma int li int tibqaʼ; bla tmiem huma s-snin tiegħek.”—Meta niżżel dan il-kliem bil-miktub, is-salmista ma kienx qed jikkontradixxi l-iskop etern t’Alla għall-art. Minflok, hu kien qed jagħmel kuntrast bejn l-eżistenza eterna t’Alla u l-fatt li kull ħaġa materjali li ħalaq Alla tistaʼ tgħib. Mingħajr il-qawwa eterna t’Alla li tistaʼ ġġedded kollox, l-univers—inkluż is-sistema solari li niddependu minnha għall-istabbilità, għad-dawl, u għall-enerġija—jispiċċa f’diżordni sħiħ u fl-aħħar mill-aħħar jinqered. B’hekk, mingħajr għajnuna, id-dinja tagħna kieku ‘titmermer,’ jew tintemm għalkollox.
Hemm versi oħrajn fl-Iskrittura li wkoll għall-ewwel jistgħu jidhru li jikkontradixxu l-iskop mistqarr t’Alla għall-art. Per eżempju, il-Bibbja titkellem dwar is-sema u l-art bħala li ‘jgħaddu.’ (Rivelazzjoni 21:1) Żgur li dan il-kliem ma jikkontradixxix il-wegħda taʼ Ġesù: “Henjin il-ġwejdin, għax għad jirtu l-art.” (Mattew 5:5) Imma allura xi trid tfisser il-Bibbja meta tgħid li s-sema u l-art ‘jgħaddu’?
Il-Bibbja spiss tuża l-espressjoni “art” f’sens figurattiv biex tirreferi għas-soċjetà umana. Per eżempju, ikkunsidra l-vers li ġej: “L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed.” (Ġenesi 11:1) Ovvjament, l-“art” hawnhekk tirreferi għan-nies li kienu qed jgħixu fuq l-art. Eżempju ieħor hu Salm 96:1 li skond il-King James Version jgħid: “Għanni lill-MULEJ, art kollha.” Jidher ċar li f’din is-silta u f’ħafna oħrajn, il-kelma “art” tintuża b’mod figurattiv biex tirreferi għan-nies.—Salm 96:13.
Kultant il-Bibbja xxebbah il-qawwiet li jaħkmu fuq l-art mas-smewwiet jew maʼ l-oġġetti ċelestjali. Per eżempju, il-ħakkiema Babiloniżi kefrin kienu deskritti bħala ‘kwiekeb’ minħabba li għollew lilhom infushom fuq dawk taʼ madwarhom. (Isaija 14:12-14) Bħalma ġie mbassar, “is-smewwiet” figurattivi taʼ Babilonja, jew il-klassi taʼ ħakkiema, u l-“art,” dawk li appoġġaw din il-ħakma, intemmu fis-sena 539 Q.E.K. (Isaija 51:6) Dan ippermetta lil-Lhud li nidmu biex imorru lura lejn Ġerusalemm, fejn “smewwiet ġodda,” ġemgħa ġdida taʼ ħakkiema, ħakmu fuq “art ġdida,” soċjetà taʼ nies ġusti.—Isaija 65:17.
Dak li tgħid il-Bibbja dwar li s-sema u l-art ‘jgħaddu’ milli jidher jirreferi għat-tmiem tal-gvernijiet umani u korrotti taʼ llum u dawk li jappoġġawhom u li m’għandhom ebda devozzjoni lejn Alla. (2 Pietru 3:7) Dan se jiftaħ it-triq għall-gvern il-ġdid t’Alla li se jaħkem mis-sema biex ibierek lis-soċjetà umana ġdida u ġusta, għaliex “hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.
Għal din ir-raġuni, tistaʼ tpoġġi l-fidi tiegħek fil-wegħda t’Alla li d-dinja, id-dar tagħna, se tibqaʼ għal dejjem. Iktar minn hekk, il-Bibbja turik x’għandek tagħmel biex tkun hemm f’dak iż-żmien mill-isbaħ meta l-art se tiġi trasformata f’Ġenna taʼ l-art globali. Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Għala ma tagħmilhiex il-mira tiegħek li teżamina dak li tgħallem il-Bibbja dwar il-futur taʼ l-art u taʼ l-umanità? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek se jieħdu pjaċir jgħinuk f’dan ir-rigward.
[Noti taʼ taħt]
^ par. 10 Għal diskussjoni dwar għala Alla ppermetta s-sofferenza, ara paġni 106-14 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
^ par. 11 Għal iktar informazzjoni dwar il-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju, ara paġni 47-56 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
[Kumment f’paġna 12]
Il-Bibbja twiegħed li d-dinja, id-dar tagħna, se tibqaʼ għal dejjem
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 10]
Globu fl-isfond: NASA/The Visible Earth (http://visibleearth.nasa.gov/); ors polari: © Bryan and Cherry Alexander Photography