“Il-Gwerra li Se Ttemm il-Gwerer Kollha”
“Il-Gwerra li Se Ttemm il-Gwerer Kollha”
‘Inwegħedkom li din se tkun il-gwerra finali—il-gwerra li se ttemm il-gwerer kollha.’—WOODROW WILSON, PRESIDENT TAʼ L-ISTATI UNITI (1913-21).
DAWN kienu tamiet nobbli li kellu ħakkiem dinji fi tmiem l-ewwel gwerra dinjija, xi 90 sena ilu. Dak il-konflitt globali tant kien tal-biżaʼ li r-rebbieħa riedu—u kienu jeħtieġu—li jemmnu li s-sagrifiċċji kbar li għamlu jġibu benefiċċji dejjiema. Imma l-gwerer tal-bniedem rari jsolvu l-problemi, aħseb u ara kemm jeliminaw il-problema tal-gwerra li għandha għeruq tassew fondi.
Xi 20 sena wara li l-President Wilson għamel dik il-wegħda bla ħsieb, inqalgħet it-tieni gwerra dinjija. Din ikkaġunat ħafna iktar imwiet u qerda minn taʼ qabilha. Għoxrin sena t’avanzi fit-teknoloġija għamlu l-umanità iktar esperta biex toqtol bil-massa. Hekk kif intemmet it-tieni gwerra dinjija, il-mexxejja globali rrealizzaw li l-biżaʼ li tinqalaʼ gwerra kiber iktar minn qatt qabel.
Fl-1945, il-Ġeneral Douglas MacArthur taʼ l-Istati Uniti ddikjara: “Kellna l-aħħar ċans tagħna [biex intemmu l-gwerer]. Jekk ma nivvintawx sistema akbar u iktar imparzjali se nsibu lil Armageddon wara biebna.”
Il-Ġeneral MacArthur kien jaf x’għamlu żewġ bombi atomiċi lil Nagasaki u Ħiroxima matul l-aħħar jiem tat-tieni gwerra dinjija. Il-qerda tal-biżaʼ li ġarrbu dawn iż-żewġt ibliet Ġappuniżi wasslitu biex jagħti tifsir ġdid lill-kelma “Armageddon”—olokawst nukleari sfrenat li jistaʼ jtemm iċ-ċivilizzazzjoni tal-pjaneta tagħna.
It-tħassib dwar il-possibbiltà t’olokawst nukleari għadu qed jifni lill-umanità. Sas-snin 60, is-superpotenzi tad-dinja kienu vvintaw strateġija taʼ “qerda ċerta għal kull naħa” fi gwerra. Il-mira tagħhom kienet li jkollhom biżżejjed missili jew sistemi taʼ kif dawn jiġu sparati sabiex jiggarantixxu l-qerda taʼ 25 fil-mija mill-popolazzjoni ċivili taʼ l-għadu u 50 fil-mija mill-kapaċità industrijali tiegħu—minkejja liema naħa tkun bdiet il-ġlied. Ma tantx kien hemm min sabha taʼ faraġ din l-istrateġija biex tiġi preservata l-paċi dinjija.
Illum, l-armi nukleari għadhom qed jiżdiedu u l-gwerer reġjonali għadhom qed jikkaġunaw ammont taʼ mwiet bla għadd. Il-possibbiltà t’olokawst nukleari għadha qed thedded lill-umanità. Għalkemm in-nies jixxennqu biex jaraw it-tmiem tal-gwerer, ftit jemmnu li gwerra jew xi strateġija oħra tistaʼ twettaq dan l-għan.
Minkejja dan, il-Bibbja fil-fatt tiddeskrivi gwerra unika li se ttemm il-gwerer kollha. Din il-gwerra ssejħilha “Armageddon”—il-kelma stess li n-nies spiss jorbtuha maʼ katastrofi nukleari. Kif tistaʼ Armageddon verament ittemm il-gwerer? L-artiklu li jmiss se jwieġeb din il-mistoqsija.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Ritratt DTRA
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 4]
Nagasaki, il-Ġappun, 1945: ritratt tal-USAF