Insolvu l-Problemi
Fatturi Essenzjali għall-Hena fil-Familja
Insolvu l-Problemi
Hu jgħid: “Fejn huma l-bniet?”
Hi tgħid: “Marru jixtru ħwejjeġ ġodda.”
Hu jgħid: [Irrabjat u b’leħen iktar għoli] “X’jiġifieri marru ‘jixtru ħwejjeġ ġodda’? M’għadhomx kif xtraw xi lbiesi ġodda x-xahar li għadda!”
Hi tgħid: [Tiddefendi ruħha, waqt li tħossha mweġġgħa u li qed jakkużaha] “Imma bħalissa hemm is-‘sale.’ Insomma, huma staqsew lili l-ewwel u jien ħallejthom imorru.”
Hu jgħid: [Jitlef it-tempra u jgħajjat] “Taf li nobgħod meta l-bniet jonfqu l-flus mingħajr ma jgħiduli qabel! X’fettillek qbadt u ddeċidejt mingħajr ma kellimtni qabel?”
XI PROBLEMI taħseb li jridu jsolvu l-koppja li kkwotajna hawn fuq? M’għandniex xi ngħidu, ir-raġel isibha diffiċli biex jikkontrolla r-rabja tiegħu. Iżda minbarra dan, il-koppja donnhom ma jaqblux dwar kemm għandhom jagħtu libertà lil uliedhom. U milli jidher mhux qed jikkomunikaw sew bejniethom.
Ebda żwieġ m’hu perfett. Il-koppji kollha jiffaċċjaw xi tip taʼ problema. Kemm jekk il-kwistjonijiet huma kbar jew inkella żgħar, huwa importanti ħafna li r-raġel u l-mara jitgħallmu jsolvuhom. Għala?
Maż-żmien, problemi li ma jissolvewx għandhom mnejn isiru ostakli li jwaqqfu l-komunikazzjoni. “Il-ġlied iebes daqs bieb taʼ fortizza,” osserva l-għaref Sultan Salamun. (Proverbji 18:19) Kif tistaʼ tikkomunika b’mod iktar effettiv meta tittratta mal-problemi?
Jekk ngħidu li l-komunikazzjoni hija d-demm tal-ħajja taż-żwieġ, allura l-imħabba u r-rispett huma l-qalb u l-pulmuni tar-relazzjoni. (Efesin 5:33) Meta jiġu biex isolvu l-problemi, il-koppja se jitqanqlu mill-imħabba biex jinsew l-iżbalji tal-passat—u l-uġigħ emozzjonali li ġabu magħhom—u jiffokaw fuq il-kwistjoni li jkollhom quddiemhom. (1 Korintin 13:4, 5; 1 Pietru 4:8) Il-koppji li juru rispett jagħtu ċans lil xulxin biex jitkellmu bil-libertà u jistinkaw biex jifhmu xi jrid ifisser l-individwu, mhux biss x’inhu jgħid.
Erbaʼ Passi Biex Insolvu l-Problemi
Ikkunsidra l-erbaʼ passi mniżżlin hawn taħt, u nnota kif il-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk issolvi l-problemi bl-imħabba u bir-rispett.
1. Stabbilixxu ħin biex tiddiskutu l-kwistjoni. “Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha, . . . żmien li tiskot, u żmien li titkellem.” (Koħèlet 3:1, 7) Bħalma ntwera fl-argument li semmejna fil-bidu, xi problemi jistgħu jqanqlu emozzjonijiet qawwijin. Jekk dan iseħħ, rażżnu lilkom infuskom u waqqfu d-diskussjoni għal ftit ħin—biex ‘tisktu’—qabel ma titlgħalkom it-tempra. Tistgħu tipproteġu r-relazzjoni tagħkom minn ħafna ħsara jekk tagħtu kas il-parir tal-Bibbja: “Il-bidu tal-ġlied bħal żbroff taʼ l-ilma, warrab qabel tibda xi ġlieda.”—Proverbji 17:14.
Madankollu, hemm ukoll “żmien li titkellem.” Il-problemi, bħall-ħaxix ħażin, jiffjorixxu meta jiġu traskurati. Mela tinjorawx il-kwistjoni, waqt li tittamaw li sempliċement se tgħaddi. Jekk twaqqfu diskussjoni, uru rispett lejn is-sieħeb jew is-sieħba tagħkom billi tagħżlu ħin fil-futur qrib meta tkunu tistgħu titkellmu dwar il-problema. Wegħda bħal din tistaʼ tgħinkom it-tnejn biex tapplikaw il-prinċipju li hemm fil-parir tal-Bibbja: “Tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.” (Efesin 4:26) M’għandniex xi ngħidu, imbagħad tridu żżommu l-wegħda tagħkom.
IPPROVA DAN: Agħżlu ħin regulari kull ġimgħa meta tistgħu tiddiskutu l-problemi tal-familja. Jekk tinnotaw li x’aktarx targumentaw iktar f’ċertu ħin tal-jum—per eżempju, meta taslu d-dar mix-xogħol jew qabel l-ikel—ftiehmu li ma tiddiskutux il-problemi f’dawk il-ħinijiet. Minflok, agħżlu ħin meta x’aktarx li t-tnejn li intom se tħossukom inqas stressati.
2. Esprimu l-opinjoni tagħkom bl-onestà u bir-rispett. “Għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu.” (Efesin 4:25) Jekk intom miżżewġin, l-iktar proxxmu li hu qrib tagħkom hu s-sieħeb jew is-sieħba tagħkom. Allura kunu onesti u speċifiċi dwar is-sentimenti tagħkom meta tkellmu lil xulxin. Margareta, * li ilha miżżewġa 26 sena, tgħid: “Meta konna għadna kif iżżewwiġna, jien kont nistenna li żewġi jkun jaf kif inħossni meta kienet tinqalaʼ xi problema. Indunajt li ma kontx qed inkun realistika. Issa nipprova nesprimi b’mod ċar dak li naħseb u nħoss.”
Ftakru li l-mira tagħkom meta tiddiskutu xi problema ma tkunx li tirbħu u tegħlbu lil xi għadu, imma sempliċement li tħallu lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom tkun taf kif taħsibha. Biex tagħmlu dan b’mod effettiv, għidu x’inhi l-problema fil-ħarsa tagħkom, imbagħad għidu meta tinqalaʼ, u mbagħad spjegaw kif iġġegħelkom tħossukom. Per eżempju, jekk iddejjaqkom it-traskuraġni tas-sieħeb jew tas-sieħba tagħkom, tistgħu tgħidu bir-rispett: ‘Meta tiġi mix-xogħol u tħalli ħwejġek maʼ l-art [il-meta u l-kif tal-problema], inħoss li l-isforzi tiegħi biex nieħu ħsieb id-dar m’humiex apprezzati [tispjega eżatt kif tħossok].’ Imbagħad issuġġerixxu bit-tattika x’taħsbu li tistaʼ tkun soluzzjoni għall-problema.
IPPROVA DAN: Biex tkunu tafu eżatt il-ħsibijiet tagħkom qabel ma tkellmu lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom, se jgħinkom li tniżżlu bil-miktub dak li tifhmu li hi l-problema u kif tixtiequ ssolvuha.
3. Agħtu widen għas-sentimenti tas-sieħeb jew tas-sieħba tagħkom u rrikonoxxuhom. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb li l-Kristjani għandhom ikunu ‘ħfief biex jisimgħu, tqal biex jitkellmu, tqal biex jinkorlaw.’ (Ġakbu 1:19) Waħda mill-iktar affarijiet li tikkaġuna dwejjaq fiż-żwieġ hi l-impressjoni li s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek ma tifhimx kif tħossok dwar problema. Għalhekk, kunu determinati li ma tagħtux din l-impressjoni lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom!—Mattew 7:12.
Wolfgang, li ilu miżżewweġ 35 sena, jgħid, “Meta niddiskutu l-problemi nħossni xi ftit ansjuż minn ġewwa, speċjalment meta nħoss li marti ma tifhimx il-mod kif naħsibha.” Dianna, li issa ilha miżżewġa 20 sena, tammetti, “Jien spiss nilmenta maʼ żewġi li hu mhux tassew jagħtini widen meta niddiskutu l-problemi.” Kif tistgħu tegħlbu dan l-ostaklu?
Tassumux li tafu x’qed jaħseb jew iħoss is-sieħeb jew is-sieħba tagħkom. “Min hu moħħu ħafif iġib il-ġlied bi kburitu, min jieħu l-parir isib l-għerf,” tgħid il-Kelma t’Alla. Proverbji 13:10) B’dinjità, agħtu ċans lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom tesprimi ruħha mingħajr ma tinterrompu. Imbagħad, biex tkunu ċerti li fhimtu xi ntqal, spjegaw lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom x’fhimtu minn dak li qalulkom, imma agħmlu dan mingħajr sarkażmu jew rabja. Ħallu lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom tikkoreġikom jekk tkunu fhimtu ħażin dak li ntqal. Titkellmux intom biss. Agħtu ċans lil xulxin f’dan l-istil taʼ konversazzjoni sakemm it-tnejn li intom taqblu li tifhmu l-ħsibijiet u s-sentimenti taʼ xulxin dwar il-kwistjoni.
(Veru, jeħtieġ l-umiltà u l-paċenzja biex tisimgħu b’attenzjoni lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom u biex tirrikonoxxu l-opinjoni tiegħu jew tagħha. Imma jekk tkunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħkom, huma se jkunu iktar inklinati li jonorawkom.—Mattew 7:2; Rumani 12:10.
IPPROVA DAN: Meta tirripetu l-kummenti tas-sieħeb jew tas-sieħba tagħkom, tirripetux kliemhom bl-eżatt. B’qalb tajba, ipprovaw iddeskrivu x’tifhmu li qed jgħid jew iħoss is-sieħeb jew is-sieħba tagħkom.—1 Pietru 3:8.
4. Aqblu dwar soluzzjoni. “Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu, għax fejda akbar ikollu xogħolhom. Jekk jaqaʼ wieħed, l-ieħor jistaʼ jqajjmu, imma miskin hu min hu waħdu, għax m’għandux min iqajjmu.” (Koħèlet 4:9, 10) Il-problemi ma tantx jistgħu jissolvew fi żwieġ jekk iż-żewġ imseħbin ma jaħdmux flimkien u ma jappoġġawx lil xulxin.
Huwa minnu li Ġeħova ħatar lir-raġel bħala l-kap tal-familja. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:23) Imma l-istat taʼ kap ma jfissirx li jkun dittatur. Raġel għaqli ma jiħux deċiżjonijiet mingħajr ma jikkunsidra x’taħseb martu. David, li ilu miżżewweġ 20 sena, jgħid, “Jien nipprova nsib punt li fih jien u marti naqblu u nipprova nieħu deċiżjoni li nistgħu nappoġġawha t-tnejn li aħna.” Tanya, li issa ilha miżżewġa sebaʼ snin, tgħid: “M’hijiex kwistjoni taʼ min għandu raġun u min m’għandux. Kultant sempliċement ikollna opinjonijiet differenti dwar kif għandha tissolva problema. Jien sibt li fattur essenzjali biex nirnexxu hu li nkunu flessibbli u raġunevoli.”
IPPROVA DAN: Ikkooperaw flimkien billi t-tnejn li intom tiktbu s-soluzzjonijiet kollha għall-problema li tistgħu taħsbu dwarhom. Meta ma tkunux tistgħu taħsbu dwar soluzzjoni, irrivedu l-lista tagħkom u użaw is-soluzzjoni li taqblu dwarha t-tnejn li intom. Imbagħad agħżlu ħin fil-futur qrib meta se tiċċekkjaw jekk aġixxejtux fuq id-deċiżjoni u kemm irnexxiet.
Iġbdu Flimkien, Mhux il-Kontra
Ġesù qabbel iż-żwieġ maʼ madmad. (Mattew 19:6) Fi żmienu, il-madmad kien travu taʼ l-injam li jorbot flimkien żewġ annimali ħalli jkunu jistgħu jagħmlu x-xogħol. Jekk l-annimali ma kinux jikkooperaw, ftit kienu jagħmlu ġid u l-madmad kien jisolħilhom għonqhom. Jekk kienu jaħdmu flimkien, huma setgħu jiġbdu tagħbijiet tqal jew jaħartu għalqa.
B’mod simili, raġel u mara miżżewġin li ma jikkooperawx flimkien għandhom mnejn jinstelħu taħt il-madmad taż-żwieġ. Mill-banda l-oħra, jekk jitgħallmu jiġbdu flimkien, huma jistgħu jsolvu kważi kwalunkwe problema u jagħmlu ħafna ġid. Raġel li hu kuntent biż-żwieġ tiegħu u li jismu Kalala jiġbor il-kwistjoni b’dan il-mod, “Jien u marti ilna 25 sena nsolvu l-problemi tagħna billi nitkellmu b’mod sinċier, billi nipprovaw nifhmu lil xulxin, billi nitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova, u billi napplikaw il-prinċipji Bibliċi.” Tistaʼ int tagħmel l-istess?
STAQSI LILEK INNIFSEK . . .
▪ Liema problema nixtieq niddiskuti l-iktar mas-sieħeb jew mas-sieħba tiegħi?
▪ Kif nistaʼ nkun ċert li nifhem is-sentimenti tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħi dwar dan is-suġġett?
▪ Jekk ninsisti li dejjem għandha tgħaddi tiegħi, liema problemi nistaʼ noħloq?
[Nota taʼ taħt]
^ par. 17 Xi ismijiet ġew mibdulin.