Kont Taf?
Kont Taf?
Ġesù għala fejjaq raġel agħma bil-mod il-mod?
F’Marku 8:22-26 naqraw li Ġesù fejjaq raġel agħma f’Betsajda. Ir-rakkont jgħid li Ġesù poġġa l-bżieq fuq għajnejn ir-raġel u mbagħad staqsieh x’setaʼ jara. It-tweġiba tar-raġel uriet li ħassu kemxejn konfuż: “Qed nara xi nies, għax qed nilmaħ bħal siġar, imma mexjin ’l hawn u ’l hemm.” Ġesù mbagħad reġaʼ mess għajnejn ir-raġel, b’dan ir-riżultat: “Dan ra ċar, u fieq, u kien qed jara kollox kif inhu.” Milli jidher, Ġesù fejjaq lir-raġel bil-mod il-mod, jew pass pass. Għala?
Il-Bibbja ma twiġibx bis-sħiħ, imma nistgħu nikkunsidraw spjegazzjoni possibbli għal dan il-każ partikulari. Individwu jeħtieġ bidla kbira biex jibda jara għall-ewwel darba wara li jkun ilu agħma għal snin sħaħ—jew saħansitra ħajtu kollha. Biex nagħtu eżempju: il-ponijiet tal-minjieri darba kienu jinżammu fil-minjieri biex jaħdmu fihom. Dawn tant draw id-dlam li meta reġgħu ħarġu għad-dawl, huma kienu jeħtieġu kważi ġurnata sħiħa biex jidraw id-dawl tal-jum. Għal min ikun agħma, il-bidla tkun saħansitra akbar. Fi żmienna, il-kirurgi kultant irnexxielhom jirranġaw problemi fil-konnessjoni li teżisti bejn l-għajnejn u l-moħħ tan-nies għomja, u b’hekk ġeddewlhom il-vista. Madankollu, il-pazjenti spiss ma jkunux jifilħu għall-ammont enormi taʼ informazzjoni li għajnejhom ikunu qed jibagħtu lil moħħhom. Konfonduti mill-varjetà taʼ kuluri, forom, u stampi mentali ġodda, huma jħossuhom konfużi u ma jkunux jistgħu jagħrfu saħansitra oġġetti familjari. Maż-żmien, il-moħħ jitgħallem jinterpreta dak li jaraw l-għajnejn.
Jistaʼ jkun li din id-darba Ġesù fejjaq lir-raġel agħma pass pass biex jurih konsiderazzjoni bi mħabba. Fl-aħħar, ir-raġel “kien qed jara kollox kif inhu,” waqt li fehem sew kulma kien qed jara.
Fi żmien Ġesù, għala kienet biċċa xogħol kbira li wieħed jaqra minn romblu?
Kien komuni li l-paġni li kienu jintużaw biex isiru r-rombli kienu jkunu twal minn 23 sa 28 ċentimetru u wesgħin minn 15 sa 23 ċentimetru. Għadd minn dawn il-paġni kienu jitwaħħlu flimkien ġenb maʼ ġenb bil-kolla jew meħjutin flimkien bil-ħajt taʼ l-għażel. Kultant kienu jintużaw paġni itwal. Ir-Romblu tal-Baħar il-Mejjet tal-ktieb taʼ Isaija kien magħmul minn 17-il strixxa tal-parċmina, u b’kollox fl-istat preservat tiegħu bħalissa huwa twil kważi 7 metri. Ir-romblu taʼ Isaija li uża Ġesù fis-sinagoga f’Nazaret jistaʼ jkun li kien taʼ tul simili.—Luqa 4:16, 17.
Rigward dan ir-rakkont, Allan Millard jgħid fil-ktieb tiegħu Discoveries From the Time of Jesus: “Il-qarrej kien iżomm il-ktieb [ir-romblu] u jħollu b’idu x-xellugija, waqt li jżomm it-tarf taʼ barra bil-leminija u jerġaʼ jirromblah hu u jaqra, kolonna kolonna. Biex jasal sa Isaija 61, il-kapitlu li qara fis-sinagoga, Ġesù x’aktarx li kellu jħoll ħafna mir-romblu u jerġaʼ jirromblah.”
Dak iż-żmien, il-ktieb taʼ Isaija ma kienx maqsum f’kapitli u versi, bħalma nafuh illum. Meta r-romblu taʼ Isaija ngħata lil Ġesù fis-sinagoga f’Nazaret, hu kellu jsib is-silta li llum fil-Bibbji tagħna hija mmarkata bħala Isaija 61:1, 2. Ġesù “sab fejn” faċilment, u b’hekk naraw kemm kien midħla tal-Kelma t’Alla.