Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Tifla Iżraelija” fi Żmienna

“Tifla Iżraelija” fi Żmienna

“Tifla Iżraelija” fi Żmienna

ĦMISTAX qabel it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù, kull membru tal-​familja Sales fi Praia Grande, il-​Brażil, għamel lista taʼ dawk li ried jistieden. Abigayl, taʼ sitt snin, ngħatat invit u staqsewha lil min riedet tagħtih.

“Lir-​raġel li jitbissimli dejjem,” wieġbet hi.

“Min hu?” staqsewha l-​ġenituri.

“Dak li jkun fis-​siġġu tar-​roti,” wieġbet hi.

Erbat ijiem wara, Abigayl uriet lill-​ġenituri tagħha min kien ir-​raġel. Walter, ir-​raġel, kien joqgħod blokka bini biss ’il bogħod mis-​Sala tas-​Saltna. Iktar minn 15-il sena ilu, meta kellu 28 sena, aċċident bil-​karozza ħallieh paralizzat minn qaddu ’l isfel. Hu kellu żewġ gwardji persunali, għax kien tat-​tajjeb. Wara li Abigayl ngħatat il-​permess biex tkellem lil Walter, il-​ġenituri tagħha spjegawlu li binthom riedet tagħtih invit.

Fl-aħħar tal-​preżentazzjoni tagħha, Abigayl qalet: “L-​oħrajn kollha fis-​Sala tas-​Saltna għandhom ħafna inviti, imma jien għandi wieħed biss. Għalhekk, int l-​uniku wieħed li qed nistieden. Jekk ma tiġix, ma jkolli lil ħadd. Imma jekk tiġi, inkun ferħana ħafna, u Ġeħova se jkun saħansitra iktar ferħan.”

Dakinhar tat-​Tifkira, ix-​Xhieda, inkluż Abigayl, kienu qed inaddfu s-​Sala tas-​Saltna biex iħejju għall-​programm tat-​Tifkira fil-​għaxija. Wara nofsinhar, Walter kien għaddej, u malli ra lil Abigayl, qal lix-​xufier biex iwaqqaf il-​karozza. Infetħet tieqa, u hu staqsa lil Abigayl x’kienet qed tagħmel. Hi qaltlu li kienu qed inaddfu s-​Sala biex tkun sabiħa għalih.

Dik il-​lejla Abigayl kienet ansjuża ferm. It-​taħdita bdiet, u hi baqgħet tħares madwarha biex tara jekk wasalx Walter. F’daqqa waħda, waslu hu u l-​gwardji persunali tiegħu. Tgħidx xi tbissima ċarrtet! Wara t-​taħdita, Walter ammetta li hu kien fi triqtu lejn belt oħra imma mbagħad biddel fehmtu u mar għat-​Tifkira, sempliċement għaliha. Imbagħad żied: “It-​taħdita kienet dak li kelli bżonn nismaʼ.” Hu talab għal Bibbja u beda jistudja u jattendi l-​laqgħat.

Sadanittant, oħt Walter qalet li riedet tiltaqaʼ maʼ din Abigayl, li ħuha tant kien isemmiha. Meta ltaqgħet magħha, tgħidx kemm ħadet pjaċir meta saret taf x’tifla mill-​aħjar hi din Abigayl. “Issa naf għala ħija hu daqshekk kuntent,” qalet hi.

Walter għadu jistudja u jattendi l-​laqgħat. Hu saħansitra jikkummenta u jaqsam m’oħrajn l-​affarijiet li jitgħallem. Żgur li ċ-​ċkejkna Abigayl tfakkarna fit-​tifla Iżraelija li għenet lil Nagħman biex isir jaf lill-​Alla l-​veru, Ġeħova.—2 Slaten 5:2-14.