Għallem lil Uliedek
Ġieli Tgħir? Ħut Ġużeppi Kienu Jgħiru Għalih
EJJA nitkellmu dwar xi jfisser li tgħir. Qatt sibtha diffiċli biex tħobb persuna minħabba li oħrajn jgħidu li hi tajba, ħelwa, jew intelliġenti? a— Mela, dan hu eżattament dak li jistaʼ jiġri meta tkun tgħir għal xi ħadd.
L-għira tistaʼ tqum ġo familja jekk il-ġenituri jippreferu tifel minn ieħor. Il-Bibbja ssemmi familja li fiha l-għira kkaġunat problema kbira. Ejja nikkunsidraw l-inkwiet li ġabet u l-lezzjoni li nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara.
Ġużeppi kien il-11-il tifel taʼ Ġakobb, u ħut Ġużeppi mill-missier kienu jgħiru għalih. Taf għala?— Kien minħabba li missierhom, Ġakobb, kien jippreferi lil Ġużeppi. Per eżempju, Ġakobb għamel libsa mill-isbaħ u b’ħafna lwien għal Ġużeppi. Ġakobb kien iħobb lil Ġużeppi b’mod speċjali “għaliex kien bin xjuħitu” u l-ewwel iben minn martu l-maħbuba, Rakele.
Il-Bibbja tgħid li ‘meta ħut Ġużeppi raw li missierhom kien iħobbu l-iktar, bdew jobogħdu lil Ġużeppi.’ Imbagħad darba minnhom Ġużeppi qal lill-familja tiegħu li f’ħolma lkoll kemm huma mielu quddiemu, inkluż missieru stess. Il-Bibbja tgħid, “Ħutu bdew jgħiru għalih,” u saħansitra missier Ġużeppi ċanfru talli tkellem dwar din il-ħolma.—Ġenesi 37:1-11.
Xi żmien wara, meta Ġużeppi kellu 17-il sena, ħutu kienu ’l bogħod ħafna jieħdu ħsieb in-nagħaġ u l-mogħoż tal-familja. Għalhekk, Ġakobb bagħat lil Ġużeppi biex jara kif kienu ħutu. Taf x’riedu jagħmlu ħafna minnhom meta
rawh ġej?— Riedu joqtluh! Imma tnejn minnhom, Ruben u Ġuda, ma ridux joqtluh.Meta xi negozjanti għaddew minn ħdejhom fi triqithom lejn l-Eġittu, Ġuda qal: “Ejjew inbigħuh.” U hekk għamlu. Imbagħad qatlu bodbod u b’demmu ċappsu l-libsa taʼ Ġużeppi. Iktar tard, hekk kif urew il-libsa lil missierhom, hu għajjat: ‘Bilfors li bhima salvaġġa feroċi kielet lil Ġużeppi!’—Ġenesi 37:12-36.
Il-Fargħun, il-ħakkiem taʼ l-Eġittu, maż-żmien wera favur maʼ Ġużeppi. Dan kien minħabba li bl-għajnuna t’Alla hu setaʼ jispjega t-tifsir taʼ tnejn mill-ħolmiet tal-Fargħun. L-ewwel waħda kienet dwar sebaʼ baqriet b’saħħithom u warajhom sebgħa oħrajn li kienu morda. It-tieni ħolma kienet dwar sebaʼ sbuliet b’saħħithom u sebaʼ sbuliet mixrubin. Ġużeppi qal li ż-żewġ ħolmiet kienu jfissru li kellu jkun hemm sebaʼ snin taʼ ħsad tajjeb u warajhom sebaʼ snin taʼ ġuħ. Bid-direzzjoni tal-Fargħun, Ġużeppi ġie inkarigat biex jaħżen l-ikel fis-snin taʼ l-abbundanza ħalli jipprepara għall-ġuħ.
Meta wasal il-ġuħ, il-familja taʼ Ġużeppi li kienet tgħix ’il bogħod ħafna, kellha bżonn l-ikel. Ġakobb bagħat lill-għaxar aħwa subien il-kbar taʼ Ġużeppi lejn l-Eġittu biex iġibu l-ikel. Huma marru quddiem Ġużeppi, imma m’għarfuhx. Ġużeppi, mingħajr ma kixef min kien, ġarrab lil ħutu u sar jaf kemm kienu dispjaċuti talli kienu ttrattawh daqshekk ħażin. Imbagħad Ġużeppi qalilhom min kien. Kemm għannqu lil xulxin u ferħu flimkien!—Ġenesi, kapitli 40 sa 45.
X’tistaʼ titgħallem dwar l-għira minn din l-istorja tal-Bibbja?— L-għira tistaʼ twassal għal inkwiet kbir, saħansitra ġġiegħel lil xi ħadd iweġġaʼ lil ħuh stess! Ejja naqraw Atti 5:17, 18 u Atti 7:54-59 u naraw in-nies x’waslu biex jagħmlu lid-dixxipli taʼ Ġesù minħabba l-għira.— Wara li taqrahom, tistaʼ tinnota għala għandna noqogħdu attenti li ma nsirux għajjurin?—
Ġużeppi għex sa meta kellu 110 snin. Hu rabba t-tfal, u ra sat-tielet ġenerazzjoni. Nistgħu nkunu ċerti li Ġużeppi spiss għallimhom biex iħobbu lil xulxin u jevitaw l-għira.—Ġenesi 50:22, 23, 26.
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.