Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Żomm l-Impenn fiż-Żwieġ Tiegħek

Żomm l-Impenn fiż-Żwieġ Tiegħek

Hi tgħid: “Innotajt li għal xi żmien żewġi Michael tbiegħed minni emozzjonalment u kien qed jittratta lil uliedna b’ċerta bruda. a L-​imġiba tiegħu nbidlet ftit wara li ġibna aċċess għall-​Internet, u jien issuspettajt li kien qed jara l-​pornografija fuq il-​kompjuter. Lejl wieħed, wara li t-​tfal daħlu jorqdu, jien iffaċċjajtu u ġegħeltu jkellimni dwar is-​sitwazzjoni u hu ammetta li kien qed jidħol f’“Web sites” pornografiċi. Ħassejtni veru mweġġaʼ u diżappuntata. Ma ridtx nemmen li dan kien qed jiġri lili. Tlift il-​fiduċja kollha tiegħi fih. U biex tkompli tgħaxxaqha, sieħbi taʼ fuq ix-​xogħol kien għadu kif beda juri interess romantiku fija.”

Hu jgħid: “Ftit taż-​żmien ilu, marti Maria, skopriet stampa li kont erfajt fil-​kompjuter tagħna u ffaċċjatni biha. Meta ammettejt li kont qed inżur regolarment siti pornografiċi, hi rrabjat ħafna. Jien ħassejtni imbarazzat bl-​ikrah u ħassejtni tassew ħati. Ħsibt li ż-​żwieġ tagħna kien se jispiċċa.”

X’TAĦSEB li ġara lir-​relazzjoni taʼ Michael u Maria? Għandek mnejn taħseb li l-​problema prinċipali taʼ Michael kienet li qed jara l-​pornografija. Imma Michael irrealizza li l-​vizzju tiegħu fil-​fatt kien sinjal taʼ problema iktar serja fiż-​żwieġ tagħhom—nuqqas taʼ impenn fiż-​żwieġ. b Meta Michael u Maria żżewġu, huma ħarsu ’l quddiem lejn ħajja li fiha setgħu jħobbu lil xulxin u jkollhom esperjenzi pjaċevoli flimkien. Però, bħal ħafna koppji, l-​impenn fiż-​żwieġ tagħhom ma baqax daqshekk b’saħħtu, u donnhom bdew jitbiegħdu minn xulxin.

Tħoss int li r-​rabta bejnek u bejn żewġek jew martek iddgħajfet hekk kif bdew igerbu s-​snin? Tixtieq terġaʼ ssaħħaħ dik ir-​rabta? Jekk iva, għandek bżonn tkun taf it-​tweġibiet għal tliet mistoqsijiet: Xi jfisser li żżomm l-​impenn fiż-​żwieġ tiegħek? Liema affarijiet jistgħu jdgħajfu dan l-​impenn? U x’tistaʼ tagħmel biex issaħħaħ l-​impenn tiegħek lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek?

X’Inhu l-​Impenn?

Kif tispjegah l-​impenn fiż-​żwieġ? Ħafna jgħidu li dan huwa mqanqal minn sens t’obbligu. Per eżempju, koppja għandha mnejn tibqaʼ marbuta flimkien fiż-​żwieġ minħabba t-​tfal jew minħabba li tħoss sens t’obbligu lejn Alla, l-​Oriġinatur taż-​żwieġ. (Ġenesi 2:22-24) Huwa minnu li dawn il-​motivi huma taʼ min jammirahom u se jgħinu biex żwieġ jibqaʼ sħiħ minkejja żminijiet diffiċli. Imma biex ikunu henjin, l-​imseħbin fiż-​żwieġ għandhom bżonn iħossu iktar minn sempliċi sens t’obbligu lejn xulxin.

Alla Ġeħova ddisinja ż-​żwieġ biex iġib ferħ u kuntentizza ġenwini lill-​koppja. Hu ried li raġel ‘jifraħ b’martu’ u li l-​mara tħobb lil żewġha u tħoss li żewġha jħobbha bħal ġismu stess. (Proverbji 5:18; Efesin 5:28) Koppja trid titgħallem tafda lil xulxin biex toħloq dan it-​tip taʼ rabta. Hija daqstant importanti l-​ħtieġa li jiżviluppaw ħbiberija tul ħajjithom kollha. Meta raġel u mara jiksbu l-​fiduċja taʼ xulxin u jaħdmu biex isiru l-​aqwa ħbieb taʼ xulxin, l-​impenn tagħhom fiż-​żwieġ jikber. Huma se jifformaw rabta li l-​Bibbja tiddeskriviha bħala li hi tant qrib daqslikieku tnejn min-​nies kienu “ġisem wieħed.”—Mattew 19:5.

Għalhekk, l-​impenn jistaʼ jitqabbel mal-​konkos li jwaħħal il-​ġebel flimkien f’dar mibnija b’mod sod. Il-​konkos huwa magħmul minn taħlita t’affarijiet inkluż trab, siment, u ilma. B’mod simili, l-​impenn huwa fformat minn taħlita taʼ fatturi bħall-​obbligu, il-​fiduċja, u l-​ħbiberija. X’jistaʼ jdgħajjef din ir-​rabta?

X’Inhuma l-​Isfidi?

L-​impenn jeħtieġ ħidma iebsa u sagrifiċċju persunali. Jitlob minnek li tkun lest li tiċċaħħad minn preferenzi persunali stess biex togħġob lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek. Però, il-​konċett li ċċedi għax-​xewqat taʼ ħaddieħor—li tagħti mingħajr ma tistaqsi, ‘X’nistaʼ nikseb minn dan?’—ma tantx hu popolari maʼ ħafna u saħansitra joffendi lil xi wħud. Imma staqsi lilek innifsek, ‘Kemm naf nies egoisti li għandhom żwieġ hieni?’ X’aktarx li t-​tweġiba hi li ftit hemm nies bħal dawn jekk hemm. Għala? Individwu egoist x’aktarx li mhux se jżomm l-​impenn fiż-​żwieġ meta jkun meħtieġ sagrifiċċju persunali, speċjalment jekk ma jkollux benefiċċju immedjat talli jċedi. Mingħajr impenn, ir-​relazzjoni tibred minkejja kemm kienu qawwijin is-​sentimenti romantiċi li l-​koppja kellhom fil-​bidu meta saru jħobbu lil xulxin.

Il-Bibbja tirrikonoxxi b’mod realistiku li ż-​żwieġ jeħtieġ ħidma iebsa. Din tgħid li “r-​raġel miżżewweġ hu ansjuż għal dak li hu tad-​dinja, kif jikseb l-​approvazzjoni taʼ martu,” u li “l-​mara miżżewġa hi ansjuża għal dak li hu tad-​dinja, kif tikseb l-​approvazzjoni taʼ żewġha.” (1 Korintin 7:33, 34) Sfortunatament, anki mseħbin fiż-​żwieġ li normalment ma jkunux egoisti mhux dejjem jirrikonoxxu l-​ansjetajiet taʼ xulxin jew il-​valur tas-​sagrifiċċji li l-​imseħbin tagħhom jagħmlu għalihom. Meta koppja jonqsu milli juru apprezzament lejn xulxin, iż-​żwieġ tagħhom x’aktarx li jikkaġunalhom iktar “tribulazzjoni f’laħamhom” milli kieku kienu juru l-​apprezzament.—1 Korintin 7:28.

Jekk trid li ż-​żwieġ tiegħek jgħaddi mill-​mumenti diffiċli b’wiċċ il-​ġid u jiffjorixxi fi żminijiet tajbin, għandek bżonn tibda tħares lejn ir-​relazzjoni bħala waħda dejjiema. Kif tistaʼ tiżviluppa attitudni bħal din, u kif tistaʼ tinkuraġġixxi s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek biex tibqaʼ żżomm l-​impenn tagħha lejk?

Kif Issaħħaħ l-​Impenn

Fattur importanti hu li b’umiltà tapplika l-​pariri tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Meta tagħmel dan, se jiswa “għall-​ġid tiegħek” u tas-​sieħeb jew tas-​sieħba tiegħek. (Isaija 48:17) Ikkunsidra żewġ passi prattiċi li tistaʼ tieħu.

1. Agħti prijorità liż-​żwieġ tiegħek.

“[Aċċertaw] ruħkom minn dak li hu iktar importanti,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Filippin 1:10) Fil-​ħarsa t’Alla, il-​mod kif raġel u martu jittrattaw lil xulxin huwa importanti ħafna. Raġel li jonora lil martu se jiġi onorat minn Alla. Mara li tirrispetta lil żewġha għandha “valur kbir f’għajnejn Alla.”—1 Pietru 3:1-4, 7.

Kemm hu importanti ż-​żwieġ tiegħek għalik? Ġeneralment, iktar ma xi ħaġa tkun importanti, iktar tqattaʼ ħin fuqha. Staqsi lilek innifsek: ‘Ix-​xahar li għadda, kemm warrabt ħin biex inqattgħu mas-​sieħeb jew mas-​sieħba tiegħi biss? X’affarijiet speċifiċi għamilt biex niżgura lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi li għadna ħbieb tajbin?’ Jekk investejt ftit ħin jew xejn biex tieħu ħsieb lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek, mela din mill-​banda l-​oħra għandha mnejn issibha diffiċli biex temmen li int iżżomm l-​impenn fiż-​żwieġ tagħkom.

Iħoss is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek li int iżżomm l-​impenn fiż-​żwieġ? Kif tistaʼ tkun taf?

IPPROVA DAN: Ikteb fuq biċċa karta l-​ħames kategoriji li ġejjin: flus, xogħol, żwieġ, divertiment, u ħbieb. Issa poġġi numru ħdejn kull waħda biex tifforma lista taʼ dawk li tħoss li huma l-​prijoritajiet tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Staqsi lilu jew lilha biex tagħmel l-​istess għalik. Meta tlestu, agħtu l-​lista lil xulxin. Jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tħoss li m’intix qed tinvesti biżżejjed ħin u enerġija fiż-​żwieġ tagħkom, iddiskutu l-​bidliet li forsi għandkom bżonn tagħmlu biex issaħħu l-​impenn tagħkom lejn xulxin. Ukoll, staqsi lilek innifsek, ‘X’nistaʼ nagħmel biex nieħu iktar interess fl-​affarijiet li huma importanti għas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħi?’

2. Evita kull tip taʼ infedeltà.

Ġesù Kristu qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Meta individwu jkollu x’jaqsam sesswalment barra ż-​żwieġ, hu jew hi tkun qed tkisser ir-​rabta, u l-​Bibbja tgħid li dan il-​fatt hu bażi għal divorzju. (Mattew 5:32) Madankollu, kliem Ġesù li ġie kwotat qabel juri li xewqa żbaljata tistaʼ tkun fil-​qalb ħafna qabel ma individwu fil-​fatt jieħu sehem fl-​att fiżiku taʼ l-​adulterju. Il-​fatt li wieħed joqgħod jaħseb fuq xewqa ħażina bħal din, fih innifsu hu forma taʼ tradiment.

Biex iżżomm l-​impenn fiż-​żwieġ tiegħek, agħmel wegħda solenni miegħek innifsek li ma tarax pornografija. Minkejja dak li jistgħu jgħidu ħafna, il-​pornografija hi velenu għaż-​żwieġ. Innota l-​mod kif waħda mara miżżewġa tesprimi s-​sentimenti tagħha dwar il-​vizzju tar-​raġel tagħha li jara l-​pornografija: “Żewġi jgħid li l-​ħajja romantika tagħna hija iktar eċċitanti minħabba li jara l-​pornografija. Imma dan sempliċement iġegħelni nħossni ma niswa xejn, li m’iniex biżżejjed għalih. Meta jaraha, jien nibqaʼ nibki sakemm norqod.” Tħoss li dan ir-​raġel qed isaħħaħ l-​impenn fiż-​żwieġ tiegħu, jew taħseb li qed jagħmillu l-​ħsara? Taħseb li qed jagħmilha iktar faċli għal martu biex tibqaʼ żżomm l-​impenn tagħha fiż-​żwieġ? Qiegħed hu jittrattaha bħala l-​aqwa ħabiba tiegħu?

Ir-raġel leali Ġob wera l-​impenn tiegħu fiż-​żwieġ u lejn Alla tiegħu billi għamel ‘patt m’għajnejh.’ Hu kien determinat li ‘ma jkunx moħħu f’xi verġni.’ (Ġob 31:1) Kif tistaʼ timita lil Ġob?

Minbarra li tevita l-​pornografija, hemm bżonn li tgħasses lil qalbek milli tifforma ġibda mhix xierqa lejn membru tas-​sess oppost. Huwa minnu li ħafna jħossu li min jitkessaħ maʼ membru tas-​sess oppost ma jkunx qed jagħmel ħsara liż-​żwieġ. Imma l-​Kelma t’Alla twissina: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Qarrqet bik qalbek? Staqsi lilek innifsek: ‘Lil min nagħti l-​iktar attenzjoni—lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi jew lil xi membru ieħor tas-​sess oppost? Maʼ min naqsam aħbar tajba l-​ewwel—mas-​sieħeb jew mas-​sieħba tiegħi, jew maʼ xi ħadd ieħor? Jekk marti jew żewġi jitlobni biex nillimita l-​kuntatt tiegħi maʼ ħabib tas-​sess oppost, kieku jien kif nirreaġixxi? Se nirrabja, jew se nkun kuntent li nagħmel il-​bidla mitluba?

IPPROVA DAN: Jekk tħossok miġbud lejn xi ħadd li m’huwiex żewġek jew martek, illimita l-​kuntatt maʼ dan l-​individwu għal dak li hu neċessarju biss u żomm kull kuntatt fuq bażi professjonali biss. Toqgħodx tiffoka fuq modi kif dan l-​individwu taħseb li huwa aħjar minn żewġek jew martek. Minflok, iffoka fuq il-​kwalitajiet pożittivi taʼ żewġek jew martek. (Proverbji 31:29) Ftakar f’raġunijiet għala sirt tħobb lil martek jew żewġek. Staqsi lilek innifsek, ‘Marti jew żewġi tassew tilef dawn il-​kwalitajiet, jew jien qed nagħlaq għajnejja għalihom?’

Ħu l-​Inizjattiva

Michael u Maria, li ġew kwotati fil-​bidu, iddeċidew li jitolbu l-​għajnuna dwar kif jistgħu jsolvu l-​problemi tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, il-​fatt li fittxew l-​għajnuna huwa biss l-​ewwel pass. Imma minħabba li kienu lesti li jiffaċċjaw il-​problemi u jfittxu l-​għajnuna, kemm Michael u kemm Maria wrew sinjal ċar li huma kkommettew ruħhom fiż-​żwieġ tagħhom u li huma lesti biex jaħdmu iebes ħalli ż-​żwieġ jirnexxi.

Kemm jekk iż-​żwieġ tiegħek huwa stabbli u kemm jekk le, martek jew żewġek għandu bżonn ikun jaf li int ikkommettejt ruħek biex tagħmel iż-​żwieġ wieħed li jirnexxi. Ħu kwalunkwe pass xieraq u meħtieġ biex tikkonvinċi lil martek jew żewġek dwar dan il-​fatt. Lest int li tagħmel hekk?

a L-ismijiet ġew mibdulin.

b Waqt li l-​eżempju hawnhekk hu dwar raġel li kien jara l-​pornografija, mara li tagħmel l-​istess ħaġa tkun daqstant ieħor qed turi nuqqas taʼ impenn fiż-​żwieġ.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

  • Liema attivitajiet nistaʼ nneħħi biex ikolli iktar ħin maʼ marti jew żewġi?

  • X’nistaʼ nagħmel biex nuri lil marti jew żewġi li jien inżomm l-​impenn fiż-​żwieġ tagħna?