Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dmugħ fi Flixkun tal-Ġild

Dmugħ fi Flixkun tal-Ġild

IŻ-​ŻAGĦŻUGĦ kien qed jaħrab. Maħkum mill-​biżaʼ u mnikket, u b’għajnejh ileqqu bid-​dmugħ, hu talab għall-​qalb tajba u l-​mogħdrija t’Alla, Ġeħova, billi bil-​ħrara qallu: “Poġġi fi flixkun tal-​ġild id-​dmugħ tiegħi.” (Salm 56:8) Dan ir-​raġel kien David, li iktar tard kellu jsir sultan taʼ Israel. Imma x’kien il-​flixkun tal-​ġild li rrefera għalih, u kif jistaʼ Alla jpoġġi d-​dmugħ tagħna fih?

David kien jaf tajjeb x’inhu flixkun tal-​ġild. Dan kien reċipjent li jintuża biex jinżamm fih l-​ilma, iż-​żejt, l-​inbid, jew saħansitra l-​butir. In-​nomadi tas-​Saħara, bħat-​Tuareg, għadhom jużaw il-​fliexken tal-​ġild, li huma magħmulin mill-​ġilda tal-​mogħża jew tan-​nagħġa kollha kemm hi. Fliexken bħal dawn jistgħu jżommu kwantitajiet kbar taʼ ilma, jiddependi mill-​kobor taʼ l-​annimal. Il-​fliexken tal-​ġild huma magħrufin li jżommu l-​ilma frisk, saħansitra fis-​sħana qawwija tax-​xemx fid-​deżert. Fil-​passat, ġeneralment dawn kienu jiġu trasportati mill-​ħmir jew mill-​iġmla. Illum, int tistaʼ anki tara wieħed minn dawn il-​fliexken imdendel maʼ quddiem tal-​vetturi li jinsaqu fuq kull tip t’art.

Il-kliem taʼ David li jmiss il-​qalb dwar il-​flixkun tal-​ġild jistaʼ jkollu tifsir għalina wkoll. Kif? Tajjeb, il-​Bibbja tispjega li Satana qed jikkontrolla din id-​dinja u li għandu “rabja kbira” fi żmienna. B’riżultat taʼ dan, l-​art qed tesperjenza niket kbir. (Rivelazzjoni 12:12) Għal din ir-​raġuni, bħal David, hemm ħafna li qed jiffaċċjaw tbatija emozzjonali, mentali, jew fiżika—speċjalment dawk li qed jipprovaw jogħġbu lil Alla. Qiegħed dan jiddeskrivi lilek? Bil-​kuraġġ, “saħansitra bil-​biki,” nies leali bħal dawn qatt ma jieqfu jipprovaw jgħixu ħajja taʼ integrità. (Salm 126:6) Jistgħu jkunu ċerti li Missierhom tas-​sema mhux biss jara l-​provi li jiffaċċjaw imma wkoll il-​mod kif iħossuhom minħabba fihom. Hu jifhem verament l-​uġigħ li qed inikket lill-​qaddejja tiegħu u b’mogħdrija jiftakar id-​dmugħ u n-​niket tagħhom, billi b’mod figurattiv jerfagħhom fil-​flixkun tiegħu tal-​ġild.