Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Il-Fejqan Mirakoluż’ taʼ Llum—Ġej Minn Alla?

‘Il-Fejqan Mirakoluż’ taʼ Llum—Ġej Minn Alla?

F’ĊERTI pajjiżi, huwa komuni li tara pellegrini jżuru niċeċ fejn ħafna jgħidu li ġew imfejqin minn mard li “ma kienx hemm fejqan għalih.” F’pajjiżi oħrajn, hemm sħaħar li jgħidu li jfejqu n-​nies b’qawwiet sopranaturali. Jerġaʼ f’pajjiżi oħrajn ikun hemm laqgħat reliġjużi emozzjonali fejn il-​morda jaqbżu minn ġos-​siġġu tar-​roti tagħhom jew itajru l-​krozzi tagħhom u jgħidu li ġew imfejqin.

Ħafna minn dawk li jwettqu dan it-​tip taʼ fejqan jappartjenu lil reliġjonijiet differenti u spiss jakkużaw lil xulxin li huma apostati, foloz, jew pagani. Allura tistaʼ tqum il-​mistoqsija, Jagħmel Alla l-​mirakli permezz taʼ ħafna mezzi kontradittorji jew organizzazzjonijiet li jopponu lil xulxin? Wara kollox il-​Bibbja tgħid: “Alla m’huwiex Alla tad-​diżordni, imma tal-​paċi.” (1 Korintin 14:33) Allura, dan il-​‘fejqan mirakoluż’ verament ġej minn Alla? Xi wħud li jfejqu jgħidu li jagħmlu dan bil-​qawwa taʼ Ġesù. Ejja nikkunsidraw b’liema mod Ġesù fejjaq lil oħrajn.

Kif Ġesù Fejjaq lin-​Nies

Ġesù fejjaq lill-​morda b’modi tassew differenti minn dawk l-​uħud li jfejqu llum. Per eżempju, Ġesù fejjaq lil kulmin ġie għandu għall-​għajnuna. Hu m’għażilx speċifikament lil min ifejjaq minn folla u lil oħrajn bagħathom ’l hemm mingħajr ma fejjaqhom. Ġesù fejjaq lin-​nies kompletament u kważi dejjem mill-​ewwel. Il-​Bibbja tgħid: “In-​nies kollha kienu qed jipprovaw imissuh, għax minnu kienet ħierġa qawwa li kienet qed tfejjaqhom ilkoll.”Luqa 6:19.

B’kuntrast maʼ wħud li llum ifejqu bil-​fidi u li ħafna drabi jwaħħlu fil-​morda li għandhom nuqqas taʼ fidi meta ma jkun sar l-​ebda fejqan, Ġesù saħansitra fejjaq lil dawk li lanqas kienu għadhom poġġew fidi fih. Per eżempju, darba Ġesù avviċina raġel agħma li inzerta kien hemm u fejqu. Iktar tard, Ġesù staqsih: “Qiegħed int tpoġġi l-​fidi f’Bin il-​bniedem?” Ir-​raġel wieġeb: “Min hu, sinjur, biex inpoġġi l-​fidi fih?” Ġesù qallu: “Int rajtu u, barra minn dan, hu dak li qed jitkellem miegħek.”—Ġwanni 9:1-7, 35-38.

Hemm mnejn tistaqsi, ‘Jekk il-​fidi ma kinitx meħtieġa biex dak li jkun jiġi mfejjaq minn Ġesù, hu għala spiss kien jgħid lil dawk li jkun fejjaqhom: “Il-​fidi tiegħek fejqitek”?’ (Luqa 8:48; 17:19; 18:42) Meta Ġesù kien jgħid hekk, hu kien jirreferi għal dawk li ġew imfejqin minħabba li tqanqlu mill-​fidi biex ifittxuh, filwaqt li n-​nies li qagħdu lura milli javviċinawh ma setgħux jieħdu vantaġġ mill-​opportunità li jiġu mfejqin. Dawk li ġew imfejqin ma tfejqux bil-​fidi tagħhom imma tfejqu bil-​qawwa t’Alla. Il-​Bibbja tgħid dwar Ġesù: “Alla [dilku] bl-​ispirtu qaddis u bil-​qawwa . . .  u dan dar il-​pajjiż kollu jagħmel il-​ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-​Xitan, għax Alla kien miegħu.”—Atti 10:38.

Spiss, illum il-​flus donnhom li għandhom irwol importanti f’dak li jidher li hu fejqan. L-​uħud li jfejqu bil-​fidi huma magħrufin għall-​kapaċità kbira tagħhom biex jiġbru l-​flus. Wieħed minnhom ġie rapportat li f’sena waħda biss ġabar madwar €58 miljun bl-​attivitajiet kollha li għamel madwar id-​dinja. Organizzazzjonijiet tal-​knejjes ukoll jibbenefikaw mill-​pellegrini li jivvjaġġaw lejn in-​niċeċ bit-​tama li jitfejqu. B’kuntrast, Ġesù qatt ma ġabar il-​flus mingħand in-​nies li kien ifejjaq. Darba minnhom, hu saħansitra pprovdielhom l-​ikel. (Mattew 15:30-38) Meta Ġesù bagħat lid-​dixxipli tiegħu biex jippridkaw, hu qalilhom: “Fejqu l-​morda, qajmu l-​mejtin, naddfu l-​imġiddmin, keċċu d-​demonji. Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.” (Mattew 10:8) Il-​prattiċi taʼ dawk li jfejqu llum, għala huma daqshekk differenti minn dawk taʼ Ġesù?

‘Fejqan’ Minn Liema Sors?

Matul is-​snin, xi wħud fil-​qasam mediku eżaminaw dak li qalu wħud reliġjużi li jfejqu. X’sabu? Skond id-​Daily Telegraph taʼ Londra, tabib fl-​Ingilterra li qattaʼ 20 sena jinvestiga s-​suġġett qal: “Rapporti kariżmatiċi taʼ fejqan mirakoluż m’humiex appoġġati lanqas minn evidenza medika waħda.” Madankollu, ħafna nies jemmnu sinċerament li huma ġew imfejqin bil-​qawwa taʼ xi relikwa, niċċa, jew taʼ wħud reliġjużi li jfejqu. Jistaʼ jkun li dawn ġew imqarrqin?

Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal li l-​impusturi reliġjużi kienu se jgħidulu: “Mulej, Mulej, mhux f’ismek . . . wettaqna ħafna għemejjel setgħanin?” Imma hu kien se jwiġibhom: “Jien qatt ma kont nafkom! Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-​liġi.” (Mattew 7:22, 23) Rigward is-​sors tal-​qawwa li wħud bħal dawn jgħidu li għandhom, l-​appostlu Pawlu wissa: “Il-​preżenza tal-​bniedem bla liġi hi skond il-​ħidma taʼ Satana b’kull għemil setgħan u b’sinjali giddibin u għeġubijiet u b’kull qerq inġust.”—2 Tessalonikin 2:9, 10.

Iktar minn hekk, il-​‘fejqan’ assoċjat maʼ relikwi reliġjużi, idoli, u statwi ma jistax joriġina minn Alla. Għala le? Għaliex il-​Kelma t’Alla tikkmanda b’mod ċar: “Aħarbu mill-​idolatrija,” u “Ħarsu ruħkom mill-​idoli.” (1 Korintin 10:14; 1 Ġwanni 5:21) ‘Fejqan’ bħal dan huwa waħda min-​nasbiet tax-​Xitan biex ibiegħed lin-​nies mill-​qima vera. Il-​Bibbja tgħid: “Satana nnifsu jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-​dawl.”—2 Korintin 11:14.

Għala Ġesù u l-​Appostli Fejqu lin-​Nies?

Il-​fejqan mirakoluż ġenwin imniżżel bil-​miktub fl-​Iskrittura Griega Kristjana jidentifika b’mod ċar li Ġesù u l-​appostli kienu ġejjin minn Alla. (Ġwanni 3:2; Ebrej 2:3, 4) Il-​fejqan mirakoluż taʼ Ġesù appoġġa wkoll il-​messaġġ li xandar: “Mar idur il-​Galilija kollha, jgħallem fis-​sinagogi tagħhom u jippriedka l-​aħbar tajba tas-​saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard.” (Mattew 4:23) L-​għemejjel setgħanin taʼ Ġesù—li minbarra li fejjaq lill-​morda, temaʼ lil għadd kbir taʼ nies, ikkontrolla t-​temp, u saħansitra qajjem lill-​mejtin—urew dak li se jwettaq għall-​umanità ubbidjenti taħt it-​tmexxija tas-​Saltna. Aħbar tajba tabilħaqq!

Għemejjel setgħanin bħal dawn, jew għotjiet taʼ l-​ispirtu, ma baqgħux jeżistu wara l-​mewt taʼ Ġesù u taʼ l-​appostli, u taʼ kulmin ngħata dawn l-​għotjiet mingħandhom. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk hemm għotjiet taʼ l-​ipprofetizzar, dawn se jinġiebu fix-​xejn; jekk hemm l-​ilsna [mitkellmin mirakolożament], dawn se jieqfu; jekk hemm l-​għarfien [mikxuf b’mod divin], dan se jinġieb fix-​xejn.” (1 Korintin 13:8) Għala? Minħabba li dawn l-​għemejjel setgħanin, inkluż il-​fejqan, wettqu l-​iskop tagħhom—jiġifieri, identifikaw lil Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed u l-​kongregazzjoni Kristjana bħala li għandha l-​approvazzjoni t’Alla—allura m’għadx hemm bżonnhom; “dawn se jinġiebu fix-​xejn.”

Xorta waħda, il-​mirakli taʼ fejqan taʼ Ġesù għandhom messaġġ importanti għalina llum. Jekk noqogħdu attenti u neżerċitaw fidi f’dak li għallem Ġesù dwar is-​Saltna t’Alla, aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien meta l-​profezija ispirata se titwettaq kemm spiritwalment kif ukoll fiżikament: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24; 35:5, 6; Rivelazzjoni 21:4.