Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jiġi Mbassar il-Messija

Jiġi Mbassar il-Messija

MINĦABBA li kien jaf dak li Isaija u profeti oħrajn kitbu dwar il-​Messija, il-​ġens Lhudi kien ilu jantiċipa l-​wasla tiegħu. Fil-​fatt sa żmien Ġesù, ħafna Lhud “kienu qed jistennew” li l-​Messija jfiġġ minn mument għall-​ieħor. (Luqa 3:15) B’mod sinifikanti, profeziji tal-​Bibbja jinkludu dettalji rimarkevoli dwar il-​ħajja taʼ Ġesù. L-​ebda bniedem ma setaʼ jbassar dawn il-​ġrajjiet jew jirranġa biex iseħħu waqt li Ġesù kien fuq l-​art.

Dettalji Marbutin mat-​Twelid tal-​Messija. Isaija bassar li l-​Messija, jew il-​Kristu, kellu jitwieled minn verġni. Wara li ddeskriva ċ-​ċirkustanzi mirakolużi tat-​twelid taʼ Ġesù, l-​appostlu Mattew kiteb: “Dan kollu fil-​fatt ġara biex iseħħ dak li ntqal minn Ġeħova permezz tal-​profeta tiegħu: ‘Ara! Il-​verġni toħroġ tqila u tiled iben.’” (Mattew 1:22, 23; Isaija 7:14) Isaija bassar ukoll li Kristu kellu jkun dixxendent taʼ David, billi semma speċifikament lil Ġesse, missier David. Tabilħaqq, Ġesù kien dixxendent dirett taʼ David! (Mattew 1:6, 16; Luqa 3:23, 31, 32) Għalhekk, qabel it-​twelid taʼ Ġesù, l-​anġlu Gabrijel qal lil Marija, omm Ġesù: “Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru.”Luqa 1:32, 33; Isaija 11:1-5, 10; Rumani 15:12.

Dettalji Dwar il-​Ħajja tal-​Messija. Fis-​sinagoga taʼ Nazaret, meta kien adult, Ġesù qara jgħajjat mill-​profezija taʼ Isaija, inkluż dan il-​kliem: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar aħbar tajba lill-​foqra.” Ġesù applika l-​profezija għalih innifsu, billi qal: “Illum twettqet din l-​iskrittura li għadkom kemm smajtu.” (Luqa 4:17-21; Isaija 61:1, 2) Ukoll, Isaija bassar il-​mod taʼ qalb tajba, ħlejju, u modest kif Ġesù kellu jittratta lil dawk li kellhom bżonn fejqan. Mattew kiteb: “Ħafna marru warajh, u hu fejjaqhom ilkoll, imma ordnalhom bis-​sħiħ biex ma jxandruhx; biex jitwettaq dak li ntqal permezz tal-​profeta Isaija . . . ‘Ma jargumenta bl-​aħrax maʼ ħadd, ma jgħajjatx . . . Qasba mxaqqa ma jiksirhiex.’”—Mattew 8:16, 17; 12:10-21; Isaija 42:1-4; 53:4, 5.

Dettalji Dwar is-​Sofferenza tal-​Messija. Isaija pprofetizza li l-​Messija ma kellux jiġi aċċettat mill-​biċċa l-​kbira taʼ Israel imma minflok kellu jsir “ġebla taʼ tfixkil” għalihom. (1 Pietru 2:6-8; Isaija 8:14, 15) U tabilħaqq, minkejja l-​ħafna mirakli taʼ Ġesù, in-​nies “ma kinux qed ipoġġu l-​fidi fih, sabiex b’hekk twettqet il-​kelma tal-​profeta Isaija li qal: ‘Ġeħova, min poġġa l-​fidi f’dak li nstemaʼ minna?’” (Ġwanni 12:37, 38; Isaija 53:1) Raġuni waħda għala l-​Lhud ma poġġewx fidi fil-​Messija hi li ħafna minnhom kienu jemmnu b’mod żbaljat li l-​Messija kellu jeħles lill-​ġens immedjatament mit-​tmexxija Rumana u jirrestawra saltna Davidika indipendenti fuq l-​art. Minħabba li Ġesù sofra u miet, ħafna Lhud ma setgħux jaċċettawh bħala l-​Messija. Imma fil-​fatt, Isaija kien bassar li l-​Messija kellu jesperjenza sofferenza qabel isir Sultan.

Fil-ktieb taʼ Isaija, il-​Messija profetikament qal: “Dahri tajtu lil dawk li sawtuni . . . Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti u mill-​bżieq.” Mattew kiteb dak li ġara lil Ġesù meta kien għaddej ġuri: “Beżqulu f’wiċċu u tawh bil-​ponn. Oħrajn tawh daqqiet taʼ ħarta.” (Isaija 50:6; Mattew 26:67) “Ħalla lil min jaħqru; madankollu ma fetaħx fommu,” kiteb Isaija. Għalhekk, meta Pilatu staqsa lil Ġesù dwar l-​akkużi tal-​Lhud, Ġesu “ma wiġbux, le, lanqas kelma waħda, tant li l-​gvernatur stagħġeb ferm.”—Isaija 53:7; Mattew 27:12-14; Atti 8:28, 32-35.

Dettalji Dwar il-​Mewt tal-​Messija. Il-​profezija taʼ Isaija kompliet titwettaq fil-​mewt taʼ Ġesù u saħansitra wara. Isaija bassar: “Il-​post għad-​dfin tiegħu jkun mal-​ħżiena, u f’mewtu jkun mal-​klassi taʼ l-​għonja.” (Isaija 53:9) Kif tistaʼ din il-​profezija li tidher kontradittorja tiġi mwettqa? Meta Ġesù miet, hu ġie msammar bejn żewg ħallelin. (Mattew 27:38) Imma wara, Ġużeppi, raġel għani minn Arimatija, poġġa l-​ġisem taʼ Ġesù fil-​qabar il-​ġdid tiegħu mħaffer fil-​blat. (Mattew 27:57-60) Fl-​aħħar, il-​mewt taʼ Ġesù wettqet wieħed mill-​iktar elementi importanti tal-​profezija taʼ Isaija. Meta tkellem dwar il-​Messija, Isaija qal: “Il-​ġust, il-​qaddej tiegħi, se jġib qagħda ġusta lil ħafna nies; u l-​iżbalji tagħhom iġorrhom hu.” Tabilħaqq, il-​mewt taʼ Ġesù provdiet il-​fidwa sabiex il-​piż tad-​dnub jistaʼ jitneħħa minn fuq in-​nies leali kollha.—Isaija 53:8, 11; Rumani 4:25.

Profeziji li Żgur Se Jitwettqu

Sabiex jistabbilixxu Skritturalment l-​identità tal-​Messija, l-​appostli u Ġesù nnifsu kkwotaw iktar spiss mill-​profezija taʼ Isaija milli minn kull ktieb ieħor tal-​Bibbja. Xorta waħda, il-​ktieb taʼ Isaija ma kienx l-​uniku ktieb li bassar il-​futur. Ħafna profeziji oħrajn taʼ l-​Iskrittura Ebrajka ġew imwettqin permezz taʼ Ġesù, tas-​saltna tiegħu, u l-​affarijiet tajbin li s-​Saltna se twettaq fil-​futur. a (Atti 28:23; Rivelazzjoni 19:10) Kemm hemm ċertezza li dawn il-​profeziji se jiġu mwettqin? Ġesù qal lis-​semmiegħa Lhud: “Taħsbux li ġejt biex neqred il-​Liġi jew il-​Profeti [jiġifieri, l-​Iskrittura Ebrajka]. Ma ġejtx biex neqred imma biex inwettaq; għax tassew ngħidilkom li iktar jgħaddu malajr is-​sema u l-​art milli b’xi mod titneħħa mil-​Liġi l-​iċken ittra jew tikka minn ittra u ma jseħħx kollox.”—Mattew 5:17, 18.

Ġesù rrefera wkoll għat-​twettiq taʼ profeziji tal-​Bibbja fil-​ġrajjiet li seħħew fi żmienu u fil-​ġrajjiet li għad iridu jiġu. (Danjel 9:27; Mattew 15:7-9; 24:15) Iżjed minn hekk, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu stess bassru ġrajjiet li kellhom iseħħu wara żmienhom, inkluż ħafna li qed naraw iseħħu llum. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti t-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji tal-​Bibbja u t’oħrajn li għad iridu jitwettqu fil-​futur.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar il-​profeziji li twettqu permezz taʼ Ġesù, ara l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? paġna 200, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 4]

“Il-​verġni . . . tiled iben”

[Stampa f’paġna 5]

“Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti”