Kif Tkun Missier Tajjeb
“Missirijiet, iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.”—Kolossin 3:21.
KIF jistaʼ missier ma jdejjaqx lil uliedu? Huwa vitali li jirrikonoxxi l-importanza taʼ l-irwol tiegħu bħala missier. “L-azzjonijiet taʼ missier jistgħu, b’mod komplikat u uniku, ikollhom effetti sinifikanti fuq it-tkabbir emozzjonali u intellettwali tat-tfal,” jgħid ġurnal wieħed dwar is-saħħa mentali.
X’inhu l-irwol taʼ missier? F’ħafna familji, il-missier huwa meqjus primarjament bħala l-wieħed li jagħti d-dixxiplina. Ħafna ommijiet jgħidu lil uliedhom, ‘Ħa jiġi missierek u tara!’ M’għandniex xi ngħidu, it-tfal għandhom bżonn dixxiplina bilanċjata u ammont taʼ sodizza sabiex isiru adulti bilanċjati. Però, hu involut iktar minn hekk biex tkun missier tajjeb.
B’sogħba, mhux kull missier kellu eżempju tajjeb biex jgħinu. Xi rġiel trabbew mingħajr missier fid-dar. Imma f’każi oħrajn, irġiel li trabbew minn missier iebes u aħrax jistaʼ jkollhom it-tendenza li jittrattaw lil uliedhom bl-istess mod. Kif jistaʼ missier bħal dan jevita li jagħmel hekk u jtejjeb is-sengħa tiegħu bħala ġenitur?
Hemm sors taʼ pariri prattiċi u taʼ min jafdahom dwar kif wieħed jistaʼ jkun missier tajjeb. Il-Bibbja fiha l-aqwa pariri dwar il-ħajja tal-familja. Il-pariri li fiha m’humiex sempliċi teorija; u l-gwida tagħha qatt ma tkun taʼ ħsara għalina. Il-pariri tal-Bibbja jirriflettu l-għerf taʼ l-Awtur tagħha, Alla Ġeħova, li hu l-Oriġinatur tal-ħajja tal-familja. (Efesin 3:14, 15) Jekk int missier, tagħmel tajjeb jekk tikkunsidra x’għandha x’tgħid il-Bibbja dwar kif wieħed għandu jaġixxi bħala ġenitur. a
Huwa importanti li tkun missier tajjeb mhux biss minħabba s-saħħa fiżika u emozzjonali taʼ wliedek imma wkoll għas-saħħa spiritwali tagħhom. It-tfal li jkollhom relazzjoni kollha mħabba u mill-qrib maʼ missierhom jistgħu saħansitra jsibuha iktar faċli biex jiżviluppaw relazzjoni mill-qrib u intima m’Alla. Wara kollox, il-Bibbja turi li, f’ċertu sens, Ġeħova, il-Ħallieq tagħna, hu Missier għalina. (Isaija 64:8) Issa ejja nikkunsidraw sitt affarijiet li t-tfal għandhom bżonn minn missierhom. F’kull każ, se neżaminaw kif missier li japplika l-prinċipji tal-Bibbja se jiġi megħjun jissodisfa dawn il-bżonnijiet.
1 It-Tfal Għandhom Bżonn l-Imħabba taʼ Missierhom
Ġeħova, bħala Missier, jagħti l-eżempju perfett. Meta tiddeskrivi kif iħossu Ġeħova dwar Ġesù, l-ewwel Iben imwieled tiegħu, il-Bibbja tgħid: “Il-Missier iħobb lill-Iben.” (Ġwanni 3:35; Kolossin 1:15) F’iktar minn okkażjoni waħda, Ġeħova esprima mħabba għal Ibnu u wrieh approvazzjoni. Meta Ġesù tgħammed, Ġeħova tkellem mis-smewwiet u qal: “Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.” (Luqa 3:22) Ġesù qatt ma ddubita li Missieru kien iħobbu. Missier uman x’jistaʼ jitgħallem mill-eżempju t’Alla?
Qatt toqgħod lura milli tgħid lil uliedek li tħobbhom. Kelvin, missier taʼ ħamest itfal, jgħid: “Dejjem ipprovajt nesprimi l-imħabba tiegħi għal uliedi mhux biss billi ngħidilhom li nħobbhom imma wkoll billi nuri interess persunali f’kull wieħed minnhom. Jien kont ukoll nibdlilhom il-ħarqa u naħsilhom.” Barra minn hekk, uliedek għandhom bżonn ikunu jafu li għandhom l-approvazzjoni tiegħek. Mela tikkritikahomx iżżejjed, billi toqgħod tikkoreġihom il-ħin kollu. Minflok, faħħarhom kemm jistaʼ jkun. Donizete, li għandha żewġt itfal bniet adoloxxenti, tirrikkmanda: “Missier għandu dejjem jagħmilha mira li jfittex opportunitajiet biex ifaħħar lil uliedu.” Meta t-tfal ikunu jafu li għandhom l-approvazzjoni tiegħek jistgħu jiġu megħjunin iħossuhom tajjeb dwarhom infushom b’mod li jibni. Dan mill-banda l-oħra, jistaʼ jgħinhom jersqu eqreb lejn Alla.
2 It-Tfal Għandhom Bżonn Eżempju Pożittiv
Ġesù jistaʼ jagħmel “biss dak li jara lill-Missier jagħmel,” jgħid Ġwanni 5:19. Innota li l-vers jgħid li Ġesù ra u pprattika dak li Missieru kien qed “jagħmel.” It-tfal spiss jagħmlu l-istess. Per eżempju, jekk missier jittratta lil martu bir-rispett u d-dinjità, x’aktarx li meta jikber ibnu se jittratta lin-nisa bid-dinjità u r-rispett. M’humiex biss l-attitudnijiet tas-subien li jiġu effettwati mill-eżempju taʼ missierhom imma anki l-mod kif il-bniet iħarsu lejn l-irġiel jiġi effettwat minn dan.
Isibuha diffiċli wliedek biex jitolbu skuża? F’dan il-każ ukoll, l-eżempju huwa importanti. Kelvin jiftakar f’okkażjoni meta tnejn minn uliedu s-subien kissru kamera li tiswa ħafna flus. Tant irrabja li bid-daqqa li ta lil mejda taʼ l-injam, din inqasmet fi tnejn. Wara Kelvin iddispjaċieh ħafna u talab skuża lil kulħadd, inkluż lil martu, talli tilef il-paċenzja. Hu jħoss li l-apoloġija tiegħu kellha effett pożittiv fuq uliedu; huma ma jsibuhiex diffiċli biex jgħidu li jiddispjaċihom.
3 It-Tfal Għandhom Bżonn Ambjent Hieni
Ġeħova hu “l-Alla l-hieni.” (1 Timotju 1:11) Mhux taʼ b’xejn li Ibnu, Ġesù, kien jieħu gost ħafna jkun maʼ Missieru. Proverbji 8:30 jgħinna nifhmu r-relazzjoni taʼ bejn Ġesù u Missieru: “Kont [maġenb il-Missier] bħala ħaddiem tas-sengħa, . . . kont nieħu pjaċir [“nifraħ,” New International Version] quddiemu l-ħin kollu.” X’relazzjoni kollha mħabba għandhom bħala Missier u Iben!
Uliedek għandhom bżonn ambjent hieni. Jekk tieħu l-ħin biex tilgħab maʼ wliedek tistaʼ toħloq ambjent bħal dan. Il-fatt li l-ġenitur u t-tfal jilagħbu flimkien jgħin biex ir-relazzjoni taʼ bejniethom tissaħħaħ. Felix jaqbel maʼ dan. Hu għandu tifel adoloxxenti u jgħid: “Kien importanti ħafna għar-relazzjoni tiegħi maʼ ibni li nwarrab il-ħin għar-rikreazzjoni. Aħna nilagħbu, nissieħbu mal-ħbieb, u nżuru postijiet pjaċevoli flimkien. Dan saħħaħ ir-relazzjoni sabiħa tagħna bħala familja.”
4 It-Tfal Għandhom Bżonn Jiġu Mgħallmin Valuri Spiritwali
Ġesù ġie mgħallem minn Missieru. Għalhekk, Ġesù setaʼ jgħid: “Dak li smajt [mingħand il-Missier] qed ngħidu fid-dinja.” (Ġwanni 8:26) Mill-ħarsa t’Alla, il-missier hu responsabbli biex jeduka lil uliedu moralment u spiritwalment. Waħda mir-responsabbiltajiet tiegħek bħala missier hi li tnaqqax prinċipji tajbin f’qalb uliedek. Taħriġ bħal dan għandu jibda minn età żgħira. (2 Timotju 3:14, 15) Felix beda jaqra l-istejjer mill-Bibbja lil ibnu minn meta dan kien għadu ċkejken. Felix uża stejjer kollhom stampi kuluriti u interessanti, inkluż dawk misjubin fil-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja. b Hekk kif ibnu beda jikber, Felix għażel pubblikazzjonijiet oħrajn ibbażati fuq il-Bibbja li kienu adattati għall-età taʼ ibnu.
Donizete tgħid: “Hija tassew sfida li tagħmel l-istudju tal-familja pjaċevoli. Huwa importanti li l-ġenituri juru li japprezzaw l-affarijiet spiritwali, ladarba wliedhom malajr jinnotaw jekk il-ġenituri jagħmlux dak li jgħallmuhom.” Carlos, li għandu tlett itfal subien, jikkummenta: “Aħna niltaqgħu flimkien darba fil-ġimgħa biex nikkunsidraw il-bżonnijiet tal-familja. Kull membru tal-familja għandu l-opportunità biex jagħżel x’se jiġi diskuss.” Kelvin dejjem ipprova jkellem lil uliedu dwar Alla kulfejn kienu u fi kwalunkwe ħaġa li kienu jagħmlu. Dan ifakkarna fi kliem Mosè: “Dan il-kliem li qed nikkmandak illum irid ikun f’qalbek; u daħħlu sew f’qalb ibnek u tkellem dwaru meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum.”—Dewteronomju 6:6, 7.
5 It-Tfal Għandhom Bżonn Jiġu Dixxiplinati
It-tfal għandhom bżonn id-dixxiplina ħalli meta jikbru jsiru adulti produttivi u responsabbli. Xi ġenituri donnhom jaħsbu li biex jiddixxiplinaw lil uliedhom iridu jittrattawhom bil-ħruxija, inkluż theddid aħrax u insulti li jumiljawhom. Però, il-Bibbja ma torbotx id-dixxiplina tal-ġenituri mal-ħruxija. Għall-kuntrarju, il-ġenituri għandhom jiddixxiplinaw bl-imħabba, sewwasew bħalma jagħmel Ġeħova. (Ebrej 12:4-11) Il-Bibbja tgħid: “Missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.”—Efesin 6:4.
Proverbji 16:32) Kelvin jikkummenta, “Meta kelli bżonn nikkoreġi lil uliedi dwar kwistjonijiet serji, jien dejjem ipprovajt nurihom b’mod ċar li l-motiv tiegħi għala nikkoreġihom kien l-imħabba tiegħi għalihom.”
Kultant, għandu mnejn ikun hemm bżonn li t-tfal ibatu l-konsegwenzi taʼ mġiba ħażina. Però, it-tfal għandhom jifhmu għala qed jiġu dixxiplinati. Id-dixxiplina tal-ġenituri qatt m’għandha tħalli lit-tfal iħossuhom li m’humiex maħbubin. Il-Bibbja ma taċċetta ebda tip t’abbuż jew rabja bla kontroll fuq it-tfal. (6 It-Tfal Għandhom Bżonn Jiġu Protetti
It-tfal għandhom bżonn jiġu protetti minn influwenzi perikolużi u minn sħubija li tistaʼ tagħmlilhom il-ħsara. B’sogħba, hemm “nies mill-agħar” f’din id-dinja li huma determinati li jisfruttaw lit-tfal innoċenti. (2 Timotju 3:1-5, 13) Kif tistaʼ tipproteġi lil uliedek? Il-Bibbja tagħti dan il-parir għaqli: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.” (Proverbji 22:3) Biex tipproteġi lil uliedek mill-gwaj, trid toqgħod attent għall-perikli. Antiċipa sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-problemi, u ħu l-prekawzjonijiet meħtiġin. Per eżempju, jekk tħalli lil uliedek jidħlu fl-Internet, kun ċert li jkunu jafu kif jużawh mingħajr periklu. Jistaʼ jkun l-aħjar li żżomm il-kompjuter f’post ċentrali fid-dar fejn tistaʼ toqgħod għassa huma u jużawh.
Missier għandu bżonn jipprepara u jħarreġ lil uliedu għall-perikli li jistgħu jiffaċċjaw f’din id-dinja fejn xi wħud iridu jabbużaw mit-tfal. Jafu wliedek x’għandhom jagħmlu jekk xi ħadd jipprova jabbużahom meta int ma tkunx preżenti? c Uliedek għandhom bżonn ikunu jafu kif inhu xieraq u kif m’huwiex xieraq li jintużaw il-partijiet privati taʼ ġisimhom. Kelvin jgħid: “Qatt ma ħallejt dan it-taħriġ għal oħrajn, lanqas għall-għalliema tagħhom. Ħassejt li kienet ir-responsabbiltà persunali tiegħi li ngħallem lil uliedi dwar is-sess u dwar il-periklu taʼ wħud li jabbużaw mit-tfal.” Uliedu kollha saru adulti mingħajr ma ffaċċjaw periklu u issa jinsabu henjin fiż-żwieġ tagħhom.
Fittex l-Għajnuna t’Alla
L-akbar għotja li missier jistaʼ jagħti lil uliedu hi li jgħinhom jiżviluppaw relazzjoni persunali b’saħħitha m’Alla. L-eżempju tal-missier huwa importanti ferm. Donizete tgħid: “Il-missirijiet għandhom bżonn juru kemm jgħożżu r-relazzjoni tagħhom stess m’Alla. Dan għandu jidher b’mod ċar speċjalment meta jiffaċċjaw problemi jew diffikultajiet persunali. F’okkażjonijiet bħal dawn, il-missier juri kemm jafda profondament f’Ġeħova. It-talb mal-familja, li fih kontinwament jesprimi l-apprezzament lil Alla għat-tjubija Tiegħu, se jgħallem lit-tfal l-importanza li jkollhom lil Alla bħala l-Ħabib tagħhom.”
Mela, x’inhu fundamentali biex tkun missier tajjeb? Fittex il-pariri tal-wieħed li jifhem l-iktar dwar it-trobbija tat-tfal—Alla Ġeħova. Jekk tħarreġ lil uliedek skond il-gwida tal-Kelma t’Alla, int x’aktarx li se tara r-riżultati deskritti fi Proverbji 22:6: “Lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.”
[Noti taʼ taħt]
a Għalkemm il-pariri Skritturali kunsidrati f’dan l-artiklu jiffokaw primarjament fuq l-irwol tal-missier, ħafna mill-prinċipji japplikaw għall-ommijiet ukoll.
b Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
c Għal informazzjoni dwar kif jipproteġu lit-tfal mill-abbuż sesswali, ara l-Awake! t’Ottubru 2007, paġni 3-11, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 13]
Missier għandu bżonn ikun eżempju pożittiv għal uliedu
[Stampa f’paġna 14]
Missier għandu jissodisfa l-bżonnijiet spiritwali taʼ wliedu
[Stampa f’paġna 15]
It-tfal għandhom bżonn dixxiplina li tingħata bi mħabba