Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif il-Fidi Tiegħi Għenitni Niffaċċja t-Traġedji

Kif il-Fidi Tiegħi Għenitni Niffaċċja t-Traġedji

Kif rakkontata minn Soledad Castillo

Ħafna drabi f’ħajti, is-​solitudni setgħet taħkimni—imma m’għamlitx hekk. Meta kelli 34 sena, miet l-​għażiż żewġi. Sitt snin wara miet missieri. Tmien xhur wara l-​mewt taʼ missieri, sirt naf li l-​uniku iben tiegħi kellu marda li ma setgħetx titfejjaq.

JIEN jisimni Soledad, li jfisser “Solitudni.” Għalkemm tistaʼ tinstemaʼ bħala xi ħaġa stramba, però jien qatt ma ħassejtni waħdi għalkollox. Meta ffaċċjajt it-​traġedji, kont inħoss li Alla Ġeħova kien hemm, ‘jaqbadni minn idejja u jgħinni biex ma nibżax.’ (Isaija 41:13) Ħalli nispjega kif kampajt mat-​traġedji persunali tiegħi u kif dawn ressquni eqreb lejn Ġeħova.

Ħajja Ferħana bi Ftit li Xejn Problemi

Jien twilidt f’Barċellona, fi Spanja, fit-​3 taʼ Mejju, 1961, l-​unika tifla tal-​ġenituri tiegħi, José u Soledad. Meta kelli disaʼ snin, ommi tgħallmet il-​verità tal-​Kelma t’Alla. Hi fittxet għat-​tweġibiet tal-​mistoqsijiet reliġjużi li kellha imma ma sabet ebda sodisfazzjon fil-​knisja tagħha. Ġurnata waħda, tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova żaruha d-​dar u wiġbulha l-​mistoqsijiet kollha tagħha mill-​Iskrittura. Mimlija ħeġġa, hi aċċettat studju tal-​Bibbja.

Fi żmien qasir, ommi saret Xhud mgħammda taʼ Ġeħova, u ftit snin wara, missieri segwa l-​eżempju tagħha. Eliana, li kienet tikkonduċi l-​istudju m’ommi, ma damitx ma indunat bl-​interess kbir li kelli fil-​Kelma t’Alla. Għalkemm jien kont għadni tifla żgħira, Eliana ssuġġeriet li jkolli l-​istudju tiegħi stess. Grazzi għall-​għajnuna tagħha u l-​inkuraġġiment t’ommi, jien tgħammidt meta kelli 13-il sena.

Matul is-​snin taʼ l-​adoloxxenza tiegħi, jien spiss kont nitlob lil Ġeħova—speċjalment meta ridt nieħu xi deċiżjoni. Fir-​realtà, ma tantx kelli problemi matul l-​adoloxxenza. Fil-​kongregazzjoni kelli ħafna ħbieb, u kelli relazzjoni mill-​qrib mal-​ġenituri tiegħi. Fl-​1982, jien iżżewwiġt lil Felipe, Xhud li kellu miri spiritwali bħal tiegħi.

Irrabbu lit-​Tifel Tagħna Biex Iħobb lil Ġeħova

Ħames snin wara, kelli tifel sabiħ li semmejnieh Saúl. Jien u Felipe konna ferħanin li kellna tarbija. Aħna kellna t-​tama li Saúl kien se jsir tifel f’saħħtu u bilanċjat, bi mħabba għal Alla. Jien u Felipe konna nqattgħu ħafna ħin maʼ Saúl, nitkellmu miegħu dwar Ġeħova, nieklu flimkien, niħduh fil-​ġonna, u nilagħbu miegħu. Saúl kien iħobb imur maʼ Felipe jaqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja m’oħrajn, u Felipe kien jinvolvih fil-​ministeru minn età żgħira, u għallmu jdoqq il-​qniepen tal-​bibien u joffri l-​fuljetti lin-​nies.

Saúl wieġeb tajjeb għall-​imħabba u t-​taħriġ tagħna. Sakemm kellu sitt snin, hu kien diġà jippriedka magħna regolarment. Kien iħobb jismaʼ l-​istejjer mill-​Bibbja, u kien iħares ’il quddiem għall-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja. Ftit wara li beda jmur l-​iskola, hu beda jieħu deċiżjonijiet żgħar ibbażati fuq l-​għarfien tiegħu mill-​Bibbja.

Madankollu, meta Saúl kellu sebaʼ snin, il-​ħajja tal-​familja tagħna nbidlet bil-​kbir. Lil Felipe qabditu infezzjoni minn virus fil-​pulmun. Hu tħabat mal-​marda għal 11-il xahar, ma kienx jistaʼ jaħdem u spiss ma setax joħroġ mis-​sodda. Meta kellu 36 sena, żewġi miet.

Għadni nibki sa llum meta niftakar f’dik is-​sena diffiċli. Rajt lil żewġi jitlef il-​ġlieda kontra l-​virus bil-​mod il-​mod, u ma stajt nagħmel xejn. Matul dan iż-​żmien, ipprovajt nibqaʼ ninkuraġġixxi lil Felipe, għalkemm f’qalbi t-​tamiet u l-​pjanijiet li kelli kienu qed jisfaxxaw fix-​xejn. Kont naqralu artikli Skritturali, u dawn saħħewna meta ma konniex nistgħu nattendu l-​laqgħat Kristjani. Meta miet, ħassejt vojt kbir.

Madankollu, Ġeħova sostnieni. Kont nitolbu kontinwament għall-​ispirtu tiegħu. Irringrazzjajtu għas-​snin taʼ ferħ li qattajna flimkien jien u Felipe u għat-​tama taʼ li nerġaʼ nara lil Felipe fl-​irxoxt. Tlabt lil Alla biex jgħinni nifraħ bil-​memorja taʼ dak li jien u żewġi qsamna flimkien u biex jagħtini l-​għerf ħalli rrabbi t-​tifel tagħna bħala Kristjan veru. Minkejja l-​uġigħ kbir, ħassejtni mfarrġa.

Kemm il-​ġenituri tiegħi kif ukoll l-​aħwa fil-​kongregazzjoni tawni ħafna appoġġ. Xorta waħda, jien kelli nieħu t-​tmexxija biex nistudja l-​Bibbja maʼ Saúl u ngħallmu kif jaqdi lil Ġeħova. L-​imgħallem li kont naħdem miegħu qabel offrieli xogħol tajjeb f’uffiċċju, imma ppreferejt li nagħmel xogħol taʼ tindif ħalli nkun nistaʼ nqattaʼ iktar ħin maʼ Saúl u nkun miegħu wara l-​ġurnata tiegħu taʼ l-​iskola.

Skrittura waħda enfasizzatli l-​importanza li nħarreġ lil Saúl spiritwalment: “Ħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih; lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.” (Proverbji 22:6) Din l-​iskrittura tatni t-​tama li jekk kont se nagħmel l-​aħjar tiegħi biex ngħallem il-​valuri spiritwali lil Saúl, Ġeħova kien se jbierek l-​isforzi tiegħi. Veru li kelli nagħmel xi sagrifiċċji ekonomiċi, imma kelli bżonn inqattaʼ ħin maʼ ibni, u dan kien ħafna iktar importanti għalija minn kwalunkwe vantaġġ materjali.

Meta Saúl kellu 14-il sena, miet missieri. Saúl ħassu xxokkjat u mnikket ferm, peress li l-​mewt taʼ nannuh ġabitlu lura n-​niket li ħass meta tilef lil missieru stess. Missieri wkoll ħalla eżempju tajjeb taʼ mħabba għal Ġeħova. Wara din it-​telfa, Saúl iddeċieda li issa hu sar l-​uniku “raġel” fil-​familja, u li issa ried jieħu ħsieb lil ommu u nanntu.

Ġlieda Kontra l-​Lewkimja

Tmien xhur wara l-​mewt taʼ missieri, it-​tabib tal-​familja tagħna qalli biex nieħu lil Saúl fl-​isptar lokali, peress li kien qed ibati minn għeja esaġerata. Wara serje taʼ testijiet, it-​tobba informawni li Saúl kellu l-​lewkimja. a

Matul is-​sentejn u nofs taʼ wara, Saúl daħal u ħareġ l-​isptar kemm-il darba hekk kif tħabat biex ikampa mal-​kanċer u mal-​kimoterapija li t-​tobba użawha fi sforz biex jiġġieldu kontra l-​kanċer. L-​ewwel sitt xhur tal-​programm tal-​kura wasslu biex il-​kanċer inżamm taħt kontroll għal madwar 18-il xahar. Imma l-​kanċer reġaʼ feġġ, u Saúl ħa kura oħra taʼ kimoterapija iqsar li dgħajfitu ħafna. Il-​kanċer ġie kontrollat għal ftit żmien biss u Saúl ma felaħx għat-​tielet programm taʼ kimoterapija. Saúl iddedika lilu nnifsu lil Alla u esprima x-​xewqa tiegħu biex jitgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, imma hu miet eżatt wara li għalaq 17-il sena.

Spiss, it-​tobba jirrikkmandaw trasfużjoni tad-​demm biex inaqqsu l-​effett qawwi tal-​kimoterapija. M’għandniex xi ngħidu, it-​trasfużjonijiet ma jistgħux ifejqu l-​marda. L-​ewwel darba li t-​tobba qalulna li Saúl għandu l-​lewkimja, kemm Saúl kif ukoll jien kellna ngħidulhom b’mod ċar li ma konniex se naċċettaw din il-​kura, ladarba ridna nobdu l-​liġi taʼ Ġeħova biex ‘nitbiegħdu mid-​demm.’ (Atti 15:19, 20) Ħafna drabi, Saúl kellu jikkonvinċi lit-​tobba meta ma kontx inkun hemm jien li d-​deċiżjoni dwar din il-​kwistjoni kienet tiegħu stess. (Ara l-​kaxxa f’paġna 31.)

Fl-aħħar, it-​tobba kkonkludew li Saúl kien minorenni matur li fehem ċar u tond kif din il-​marda kienet se teffettwah. Huma qablu li jirrispettaw id-​deċiżjoni tagħna u offrewlna kura mingħajr demm, għalkemm konna taħt pressjoni kontinwa biex inbiddlu fehmitna. Ħassejtni kburija b’Saúl meta smajtu jispjega d-​deċiżjoni tiegħu lit-​tobba. Kien jidher ċar li hu żviluppa relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova.

Matul is-​sajf, meta sirna nafu dwar il-​marda taʼ Saúl, ħareġ il-​ktieb intitolat Ersaq Qrib Lejn Jehovah fil-​konvenzjoni distrettwali tagħna f’Barċellona. Dan il-​ktieb imprezzabbli kien tassew bħal ankra li żammitna sodi hekk kif iffaċċjajna l-​futur tagħna li kien inċert u tal-​biżaʼ. Fis-​sigħat li qattajna l-​isptar, aħna qrajna flimkien porzjonijiet minnu. Matul il-​ħafna żminijiet diffiċli li ssaportejna wara, spiss konna niftakru dak li qrajna minnu. Dan kien meta l-​vers taʼ Isaija 41:13, imsemmi fl-​introduzzjoni taʼ dan il-​ktieb, beda jkollu tifsir speċjali għalina. Dan jgħid: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”

Il-​Fidi taʼ Saúl Tmiss il-​Qlub t’Oħrajn

Il-​maturità u l-​ottimiżmu taʼ Saúl impressjonaw bil-​kbir lit-​tobba u l-​infermieri taʼ l-​Isptar Vall d’Hebrón. Hu sar maħbub mit-​tim kollu li kien jieħu ħsiebu. Minn dakinhar ’l hawn, l-​ematologu ewlieni li jieħu ħsieb każi tal-​kanċer ikkura tfal oħrajn tax-​Xhieda li jkunu qed isofru mil-​lewkimja, u wriehom ħafna rispett u dinjità. Hu jiftakar fid-​deċiżjoni soda taʼ Saúl biex iżomm mat-​twemmin tiegħu, il-​kuraġġ tiegħu meta ġie wiċċ imbwiċċ mal-​mewt, u l-​ħarsa pożittiva tiegħu lejn il-​ħajja. It-​tim taʼ l-​infermieri qalu lil Saúl li hu kien l-​aqwa pazjent li qatt kellhom f’dik is-​sala. Huma qalu li hu qatt ma lmenta u qatt ma tilef l-​umoriżmu tiegħu—anki meta kien wasal biex imut.

Psikologa qaltli li ħafna tfal li jkollhom jiffaċċjaw mard fatali bħal dan fl-​età tiegħu għandhom il-​ħabta jirribellaw kontra t-​tobba u l-​ġenituri minħabba l-​uġigħ u l-​frustrazzjoni. Hi nnotat li Saúl m’għamilx hekk. Għaliha, kienet xi ħaġa taʼ l-​għaġeb li tara lil Saúl daqshekk kalm u pożittiv. Dan ta ċans lili u lil Saúl biex nagħtuha xiehda dwar it-​twemmin tagħna.

Niftakar ukoll kif Saúl għen indirettament lil Xhud fil-​kongregazzjoni tagħna. Dan ix-​Xhud kien ilu xi sitt snin ibati minn dipressjoni, u l-​kura li ngħata ma tejbitx il-​kundizzjoni tiegħu. Diversi drabi, hu qattaʼ l-​lejl jieħu ħsieb lil Saúl fl-​isptar. Hu qalli li l-​attitudni taʼ Saúl hu u jiffaċċja l-​lewkimja impressjonatu ħafna. Hu nnota li minkejja li kien għajjien ħafna, Saúl kien jipprova jinkuraġġixxi lil kulmin kien iżuru. “L-​eżempju taʼ Saúl tani l-​kuraġġ biex niġġieled kontra d-​dipressjoni,” jgħid dan ix-​Xhud.

Issa għaddew tliet snin minn mindu miet Saúl. M’għandniex xi ngħidu, l-​uġigħ għadu hemm. Jien m’iniex b’saħħti, imma Alla tani “l-​qawwa iktar min-​normal.” (2 Korintin 4:7) Tgħallimt li anki l-​iktar esperjenzi diffiċli u taʼ wġigħ jistaʼ jkollhom effett pożittiv. Il-​fatt li tgħallimt inkampa maʼ l-​imwiet taʼ żewġi, missieri, u ibni għenni biex inkun inqas egoista u biex nifhem iktar lil oħrajn li jkunu qed isofru. Fuq kollox, dan ressaqni iktar qrib lejn Ġeħova. Nistaʼ niffaċċja l-​futur mingħajr biżaʼ għaliex Missieri tas-​sema għadu qed jgħinni. Hu għadu qed jaqbadli idi.

[Nota taʼ taħt]

a Saúl kellu l-​lymphoblastic leukemia, tip serju tal-​kanċer fid-​demm li jeqred iċ-​ċelluli bojod tad-​demm.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 31]

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

Għandek mnejn smajt li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jaċċettawx trasfużjonijiet tad-​demm. Qatt ħsibt għala?

Din l-​għażla bbażata fuq il-​Bibbja spiss tiġi mifhuma ħażin. Kultant in-​nies jassumu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrifjutaw kull kura medika jew li sempliċement ma japprezzawx il-​ħajja. Dan żgur li m’huwiex minnu. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jfittxu l-​aqwa kura medika disponibbli għalihom u għall-​membri tal-​familja tagħhom. Madankollu, huma jfittxu kura medika mingħajr l-​użu tad-​demm. Għala?

L-​għażla tagħhom hija bbażata fuq liġi fundamentali li Alla ta lill-​umanità. Eżattament wara d-​Dilluvju taʼ żmien Noè, Alla ta l-​permess lil Noè u l-​familja tiegħu biex jieklu l-​laħam taʼ l-​annimali. Alla tahom din l-​unika restrizzjoni: Huma ma kellhomx jieklu d-​demm. (Ġenesi 9: 3, 4) Il-​bnedmin kollha taʼ kull razza tnisslu minn Noè, allura din il-​liġi tapplika għall-​umanità kollha. Din qatt ma tħassret. Iktar minn tmien sekli wara, Alla reġaʼ ta dik il-​liġi lill-​ġens taʼ Israel, billi spjegalu li d-​demm huwa sagru, u jirrappreżenta r-​ruħ, jew il-​ħajja nfisha. (Levitiku 17:14) Iktar minn 1,500 sena wara, l-​appostli Kristjani kkmandaw lill-​Kristjani kollha biex ‘jibqgħu jitbiegħdu mid-​demm.’—Atti 15:29.

Żgur li m’huwiex possibbli għax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jitbiegħdu mid-​demm u fl-​istess ħin jiħduh f’ġisimhom permezz taʼ trasfużjoni. Għalhekk huma jinsistu li jingħataw alternattivi oħrajn taʼ kura. Din l-​għażla bbażata fuq l-​Iskrittura spiss tirriżulta f’livell taʼ kura medika saħansitra ogħla. Bla dubju, dan hu għala ħafna nies li m’humiex Xhieda taʼ Ġeħova wkoll jitolbu kura medika bla demm.

[Stampa f’paġna 29]

Maʼ żewġi, Felipe, u t-​tifel tagħna, Saúl

[Stampa f’paġna 29]

Il-​ġenituri tiegħi, José u Soledad

[Stampa f’paġna 30]

Saúl, xahar qabel ma miet