Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Indafa—Għala Hija Importanti?

L-Indafa—Għala Hija Importanti?

L-​umanità ilha eluf taʼ snin tbati mill-​pesti u l-​mard. Xi nies assumew li dawn kienu sinjal tar-​rabja t’Alla u li ntbagħtu biex jikkastigaw lil min jagħmel il-​ħażen. L-​osservazzjoni bil-​paċenzja u r-​riċerka bir-​reqqa matul ħafna sekli kixfu li l-​kaġun taʼ dawn l-​affarijiet spiss huma ħlejjaq ċkejknin li jgħixu magħna.

Ir-​riċerkaturi mediċi skoprew li kemm il-​ġrieden, il-​wirdien, id-​dubbien, u kemm in-​nemus jistgħu jġorru l-​mard. Sabu wkoll li n-​nies spiss jagħmluha iktar faċli biex il-​mard li jittieħed jinfirex sempliċement minħabba n-​nuqqas taʼ iġjene. Milli jidher, l-​indafa tistaʼ tagħmel id-​differenza bejn il-​ħajja u l-​mewt.

Ovvjament, il-​livelli taʼ l-​indafa jvarjaw skond id-​drawwiet u ċ-​ċirkustanzi. Fi nħawi fejn m’hemmx ilma disponibbli mill-​vit jew fejn m’hemmx sistema tad-​dranaġġ kif suppost, l-​iġjene tistaʼ tkun tassew taʼ sfida. Minkejja dan, Alla ta istruzzjonijiet dwar l-​indafa lill-​Israelin tal-​qedem waqt li kienu qed jivvjaġġaw fix-​xagħri—ċirkustanzi mill-​iktar diffiċli li tistaʼ timmaġina biex iżżomm iġjene tajba!

L-​indafa għala hija importanti għal Alla? Kif jistaʼ jkollok ħarsa prattika u xierqa lejn l-​indafa? Liema prekawzjonijiet sempliċi tistgħu tieħdu int u l-​familja tiegħek biex tnaqqsu l-​mard?

L-​ISKOLA spiċċat, u ċ-​ċkejken Max, a li jgħix fil-​Kamerun, jasal lura d-​dar. Bil-​ġuħ u bl-​għatx, hu jidħol fid-​dar sempliċi fejn jgħix, jgħannaq lill-​kelb tiegħu li jkun qed jistennieh, iqiegħed il-​basket taʼ l-​iskola fuq il-​mejda taʼ l-​ikel, ipoġġi bil-​qiegħda, u jistenna l-​ikel tiegħu bil-​ħerqa.

Ommu, li tinsab fil-​kċina, tismaʼ lil Max dieħel u ġġiblu platt jaħraq mimli ross u fażola. Imma wiċċha jinbidel hekk kif tara l-​basket tiegħu taʼ l-​iskola fuq il-​mejda nadifa. Hi tħares lejn binha u bil-​mod tgħidlu kelma waħda, “Maaaax!” Binha jifhem xi trid tgħid, ineħħi l-​basket malajr, u jiġri ’l barra biex jaħsel idejh. Hu malajr jiġi lura għall-​ikla tiegħu tant mistennija. “Jiddispjaċini ma. Insejt,” jgħid hu dispjaċut minn taħt l-​ilsien.

Omm li jimpurtaha tistaʼ tagħmel ħafna biex iżżomm saħħa tajba u ndafa, għalkemm għandha bżonn il-​kooperazzjoni tal-​membri kollha tal-​familja tagħha. Bħalma juri r-​rakkont dwar Max, hemm bżonn taħriġ fit-​tul għaliex l-​indafa titlob sforz kontinwu u t-​tfal għandhom bżonn jiġu mfakkrin il-​ħin kollu.

Omm Max tirrealizza li l-​ikel jistaʼ jiġi kontaminat b’diversi modi. Allura hi mhux biss taħsel idejha sew qabel tmiss l-​ikel imma wkoll iżżomm l-​ikel mgħotti ħalli ma tħallihx jiġi kontaminat mid-​dubbien. Minħabba li taċċerta ruħha li l-​ikel ma jitħalliex bla protezzjoni u billi żżomm id-​dar pulita u nadifa, hi ma tantx għandha problemi bil-​ġrieden u bil-​wirdien.

Raġuni importanti ħafna għala omm Max toqgħod daqshekk attenta hi li trid togħġob lil Alla. Hi tispjega li “l-​Bibbja tgħid li n-​nies t’Alla għandhom ikunu qaddisin għax hu qaddis.” (1 Pietru 1:16) “Il-​qdusija hi bħall-​indafa,” tkompli żżid. “Allura jien irrid li dari tkun nadifa, u rrid li l-​familja tiegħi tkun tidher li hi nadifa. M’għandniex xi ngħidu, dan huwa possibbli biss minħabba li kulħadd fil-​familja jagħti daqqa t’id.”

Il-​Kooperazzjoni tal-​Familja Hija Essenzjali

Bħalma tosserva omm Max, l-​iġjene hi xi ħaġa li kulħadd fil-​familja għandu jieħu sehem fiha. Kultant żmien, xi familji jpoġġu bil-​qiegħda flimkien biex jiddiskutu x’inhuma l-​bżonnijiet tagħhom u biex jiddiskutu x’titjib jistaʼ jsir, kemm ġewwa kif ukoll barra d-​dar. Dan iservi wkoll biex jgħaqqad il-​familja u biex ifakkar lil kull membru dwar is-​sehem tiegħu biex jieħu ħsieb li kulħadd jibqaʼ f’saħħtu. Per eżempju, omm tistaʼ tispjega lit-​tfal il-​kbar għala għandhom jaħslu idejhom wara li jużaw it-​tojlit u wara li jmissu affarijiet bħall-​flus, u qabel jieklu. Huma, mill-​banda l-​oħra, ikunu ċerti li ħuthom li huma iżgħar minnhom jieħdu l-​kwistjoni bis-​serjetà.

Ix-xogħol differenti fid-​dar jistaʼ jinqasam bejn kulħadd fil-​familja. Il-​familja tistaʼ tiddeċiedi li d-​dar titnaddaf regolarment kull ġimgħa u li jkun hemm skeda għal tindif iktar bir-​reqqa darba jew darbtejn fis-​sena. U xi ngħidu għal barra d-​dar? Meta l-​konservazzjonist Stewart L. Udall irrefera għall-​Istati Uniti, qal: “Qed ngħixu f’pajjiż taʼ sbuħija li qed tgħib, taʼ żjieda fil-​kruha, taʼ spazji miftuħin li qed jiċkienu, u t’ambjent li meta tqisu kollu kemm hu qed jonqos kuljum minħabba t-​tinġis u l-​istorbju u t-​taħsir.”

Tħossok int l-​istess dwar il-​post fejn tgħix? Fl-​antik u f’xi pajjiżi taʼ l-​Afrika Ċentrali saħansitra llum, banditur, wieħed li jgħajjat għan-​nom tar-​raħal, idoqq qanpiena biex jiġbed l-​attenzjoni tan-​nies. B’leħen għoli, hu jfakkar liċ-​ċittadini biex inaddfu r-​raħal, ibattlu l-​katusi (inkluż dawk tad-​dranaġġ jew fejn jinġemaʼ l-​ilma tax-​xita), jiżbru s-​siġar, jaqilgħu l-​ħaxix ħażin, u jieħdu ħsieb l-​iskart.

Ir-rimi taʼ l-​iskart huwa problema globali u għal ħafna gvernijiet hu problema li kważi lanqas tistaʼ tissolva. Xi bliet jaqgħu lura fil-​ġbir taʼ l-​iskart, li mbagħad jinġemaʼ fit-​toroq. Iċ-​ċittadini lokali jistgħu jiġu mistidnin jagħtu daqqa t’id. Bħala ċittadini tajbin, il-​Kristjani huma fost l-​ewwel uħud li jwieġbu għal-​liġijiet taʼ Ċesari u jimxu fi qbil magħhom mingħajr ma jilmentaw. (Rumani 13:3, 5-7) Il-​Kristjani veri huma lesti jagħmlu iżjed minn dak li hu mitlub minnhom biex jagħtu sehemhom f’dan ir-​rigward. Għalihom huwa importanti li jkollhom ambjent nadif u jieħdu l-​inizjattiva biex inaddfu, u mhux dejjem għandhom bżonn xi banditur biex joqgħod ifakkarhom. Huma jifhmu li l-​indafa tirrifletti taħriġ tajjeb u mġiba responsabbli. Tibda minn kull individwu u minn kull familja. Jekk dak li jkun sempliċement jieħu ħsieb is-​sanità u l-​indafa madwar id-​dar tiegħu se jkollu saħħa aħjar kif ukoll se jtejjeb id-​dehra ġenerali taʼ l-​inħawi tiegħu.

L-​Indafa Persunali Tonora lill-​Alla li Nqimu

Apparenza persunali nadifa u dinjituża tirrifletti l-​qima tagħna u spiss tiġbed l-​attenzjoni. Grupp taʼ xi 15-il ġuvni u tfajla daħlu f’restorant wara li attendew konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Toulouse, Franza. Koppja anzjana fil-​mejda taʼ ħdejhom stenniethom se jkunu storbjużi u li se jtellfu l-​paċi. Madankollu, baqgħu impressjonati bl-​imġiba taʼ dawn iż-​żgħażagħ lebsin pulit għaliex żammew l-​ordni u l-​konversazzjoni tagħhom kienet pjaċevoli. Meta l-​grupp wasal biex jitlaq, il-​koppja faħħrithom għall-​imġiba mill-​aqwa tagħhom u qalet lil wieħed mill-​ġuvnotti li mġiba eżemplari bħal tagħhom hija rari llum.

Uħud li jżuru l-​faċilitajiet taʼ l-​uffiċċji tal-​fergħa, l-​istamperiji, u r-​residenzi tax-​Xhieda taʼ Ġeħova spiss jimpressjonaw ruħhom bl-​indafa li jaraw f’dawn il-​postijiet. Huwa meħtieġ mill-​volontieri, li jaħdmu u jgħixu f’dawn il-​postijiet, li huma u ħwejjiġhom ikunu nodfa u jinħaslu regolarment. Ma jistax ikollok iġjene fiżika tajba bid-​deodorant u l-​fwieħa. Meta dawn il-​volontieri, li huma ministri full-time jippridkaw lill-​ġirien fil-​għaxijiet jew fi tmiem il-​ġimgħa, l-​apparenza nadifa tagħhom tirrifletti tajjeb ukoll fuq il-​messaġġ li jġorru.

“Imitaw lil Alla”

Il-​Kristjani huma mħeġġin biex ‘jimitaw lil Alla.’ (Efesin 5:1) Il-​profeta Isaija niżżel bil-​miktub viżjoni li fiha l-​anġli ddeskrivew lill-​Ħallieq bil-​kliem “Qaddis, qaddis, qaddis.” (Isaija 6:3) Din id-​deskrizzjoni tenfasizza l-​purità u l-​indafa superlattivi t’Alla. Minħabba f’hekk, Alla jeħtieġ li l-​qaddejja kollha tiegħu jkunu qaddisin u nodfa. Hu jgħidilhom, “Kunu qaddisin, għax jien qaddis.”—1 Pietru 1:16.

Il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex “jiżżejnu bi lbies adattat.” (1 Timotju 2:9) Mhux taʼ b’xejn li fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jingħad li l-​“għażel fin, nadif, u jiddi” jirrappreżenta l-​għemejjel ġusti taʼ dawk li Alla jikkunsidrahom bħala qaddisin. (Rivelazzjoni 19:8) Mill-​banda l-​oħra, id-​dnub fl-​Iskrittura spiss jiġi mqabbel maʼ tebgħa jew ħmieġ.—Proverbji 15:26; Isaija 1:16; Ġakbu 1:27.

Illum, miljuni taʼ nies ikollhom jgħixu fi nħawi li jippreżentawlhom ġlieda kontinwa biex iżommu ruħhom nodfa fiżikament, moralment, u spiritwalment. Is-​soluzzjoni finali għal din il-​problema se tiġi meta Alla ‘jagħmel kollox ġdid.’ (Rivelazzjoni 21:5) Meta din il-​wegħda titwettaq, kull tip taʼ ħmieġ u nuqqas taʼ ndafa se jisparixxu għal dejjem.

[Nota taʼ taħt]

a L-isem ġie mibdul.

[Kaxxa f’paġna 25]

Alla Jeħtieġ l-​Indafa

Matul il-​vjaġġ fix-​xagħri, l-​Israelin ngħataw istruzzjoni biex joqogħdu attenti ħafna meta jarmu l-​ħmieġ tal-​bniedem. (Dewteronomju 23:12-14) Din żgur li kienet biċċa xogħol tedjanti meta tqis id-​daqs tal-​kamp, imma żgur li għenithom jevitaw mard bħad-​deni tat-​tifu u l-​kolera.

In-​nies ġew kmandati biex jaħslu jew jeqirdu kwalunkwe ħaġa li kienet tmiss maʼ ġisem mejjet. Għalkemm forsi ma fehmux ir-​raġuni għal dan, l-​Israelin b’dan il-​mod ġew megħjunin jevitaw l-​infezzjonijiet u l-​mard.—Levitiku 11:32-38.

Il-​qassisin kellhom jaħslu kemm idejhom u kemm saqajhom qabel ma jwettqu dmirhom fit-​tabernaklu. Jistaʼ jkun li ma kienx faċli jimlew il-​vaska tar-​ram aħmar li kienet tintuża għal dan l-​iskop, imma l-​ħasil kien ħtieġa stretta.—Eżodu 30:17-21.

[Kaxxa f’paġna 26]

Tfakkiriet Minn Tabib Mediku

L-​ilma hu essenzjali għall-​ħajja, imma l-​ilma mniġġes jistaʼ jkun is-​sors tal-​mard u l-​mewt. F’intervista, it-​Tabib J. Mbangue Lobe, li hu l-​kap tad-​dipartiment mediku fil-​port taʼ Douala, fil-​Kamerun, offra xi suġġerimenti prattiċi.

“Għalli l-​ilma tax-​xorb meta jkollok dubju.” Imma hu wissa: “Jistaʼ jkun tajjeb li jintużaw il-​bliċ jew kimiċi oħrajn imma dawn jistgħu jagħmlu ħsara jekk ma jintużawx kif suppost. Dejjem aħsel idejk bis-​sapun u l-​ilma qabel tiekol jew wara li tuża t-​tojlit. Sapuna ma tiswiex il-​belli liri, allura anki l-​foqra jistgħu jixtruha. Aħsel ħwejġek spiss, uża l-​misħun jekk għandek mard jew problemi tal-​ġilda.”

“Il-​membri kollha tal-​familja għandhom iżommu iġjene tajba fid-​dar u madwarha,” kompla jgħid it-​tabib. “It-​tojlits u l-​latrini spiss jiġu traskurati u awtomatikament isiru menqa tal-​wirdien u d-​dubbien.” Hu wissa, billi żied osservazzjoni importanti dwar it-​tfal: “Oqgħod attent milli tinħasel f’dawk id-​daħliet fl-​ilma taʼ l-​inħawi tiegħek. Huma mimlijin mikrobi perikolużi. Inħasel fil-​għaxija qabel tidħol torqod, aħsel snienek sew fil-​għaxija, u orqod taħt xibka li tipproteġik min-​nemus.” L-​idea ġenerali wara dawn il-​kummenti kollha hi li taħseb minn qabel, taġixxi, u tevita l-​inkwiet.

[Stampa f’paġna 25]

Il-​ħasil taʼ ħwejġek se jgħinek tevita mard u problemi tal-​ġilda

[Stampa f’paġna 25]

Il-​Kristjani jieħdu l-​inizjattiva biex inaddfu l-​inħawi fejn joqogħdu

[Stampa f’paġna 25]

Omm li jimpurtaha tistaʼ tagħmel ħafna fejn jidħol it-​tindif tad-​dar u l-​familja tagħha