Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Jistaʼ Jkun Jaf il-Futur?

Min Jistaʼ Jkun Jaf il-Futur?

“Jien id-​Divin . . . , jien li mill-​bidu ngħid it-​tmiem, u minn żmien twil ilu l-​affarijiet li ma sarux.”​—Isaija 46:9, 10.

F’DAWN iż-​żminijiet li m’humiex stabbli, analisti politiċi, finanzjarji, u soċjali studjaw l-​istorja u t-​tendenzi moderni bi sforz biex ibassru l-​futur. Oħrajn, iddisprati biex ikunu jafu x’hemm jistenniehom personalment fil-​futur, ifittxu l-​astroloġija u l-​ispiritiżmu għat-​tweġibiet. Nies bħal dawn spiss jiddiżappuntaw ruħhom bir-​riżultati. Tassew li m’huwiex possibbli għalkollox li tkun taf x’se jiġri lil din id-​dinja, lill-​familji tagħna, u lilna bħala individwi? Fl-​aħħar mill-​aħħar, jistaʼ xi ħadd jara l-​futur bil-​quddiem?

Fil-kliem tiegħu lill-​profeta Isaija li ġie kwotat hawn fuq, Ġeħova, Alla li Jistaʼ Kollox, iddeskriva l-​abbiltà tiegħu stess li jbassar il-​futur. Permezz taʼ Isaija, Alla bassar il-​ħelsien taʼ l-​Israelin tal-​qedem mill-​jasar Babiloniż u r-​ritorn tagħhom biex jibnu mill-​ġdid lil Ġerusalemm u t-​tempju. Kemm kienet eżatta din il-​profezija? Madwar 200 sena bil-​quddiem, Isaija qal eżatt x’kien se jkun l-​isem tal-​konkwistatur futur taʼ Babilonja, Ċiru. Barra minn hekk, Isaija ddeskriva b’mod eżatt l-​istrateġija taʼ Ċiru—dik li jdawwar ir-​rotta tax-​Xmara Ewfrat li kienet isservi biex tipproteġi l-​belt. Hu saħansitra bassar li Ċiru kellu jsib li l-​bibien il-​kbar tal-​belt li jintlewew fi tnejn tħallew miftuħin bi traskuraġni, u dan ikkontribwixxa għar-​rebħa faċli taʼ Ċiru.​—Isaija 44:24–45:7.

Imqabbel m’Alla, il-​bniedem m’għandux setgħa jitkixxef il-​futur. “Tiftaħarx dwar il-​jum t’għada,” kiteb is-​sultan għaref Salamun, “għax ma tafx jum x’jistaʼ jiled.” (Proverbji 27:1) Dik l-​osservazzjoni għadha minna. L-​ebda bniedem ma jistaʼ jara l-​futur bil-​quddiem, lanqas tiegħu stess. X’jagħmel lil Alla differenti? Hu jifhem kompletament kull ħaġa li ħalaq, inkluż in-​natura u l-​inklinazzjoni tal-​bniedem. Meta jagħżel li jagħmel hekk, Alla jistaʼ jara bil-​quddiem eżattament kif se jaġixxu individwi jew ġnus sħaħ. Iżjed minn hekk, hu għandu abbiltà bla limitu biex jikkontrolla r-​riżultati tal-​ġrajjiet. Meta jbassar li se tiġri xi ħaġa permezz tal-​profeti tiegħu, hu jsir il-​wieħed ‘li jagħmel il-​kelma tal-​qaddej tiegħu sseħħ, u li jwettaq kompletament dak li jxandru l-​messaġġiera tiegħu.’ (Isaija 44:26) Alla Ġeħova biss jistaʼ verament jagħmel dik l-​istqarrija.

Isaija għex iktar minn 700 sena qabel Ġesù, il-​Messija. Madankollu, Isaija pprofetizza dwar il-​miġja tal-​Messija. Però, partikolarment mis-​seklu 18 ’il quddiem, kritiċi tal-​Bibbja attakkaw l-​awtentiċità tal-​ktieb taʼ Isaija. Huma sostnew li l-​profeziji taʼ Isaija ma kinux verament imbassrin minn qabel imma ġew miktubin wara li seħħew, jiġifieri, li kittieb li ġie iktar tard sempliċement niżżel bil-​miktub dak li kien diġà seħħ. Huwa minnu dan? Fl-​1947 ġiet skoperta kopja tal-​ktieb taʼ Isaija, flimkien maʼ skrolli oħrajn tal-​qedem, ġo għar viċin il-​Baħar il-​Mejjet. Studjużi ddeterminaw li din il-​kopja kienet saret iktar minn mitt sena qabel it-​twelid tal-​Messija, jew il-​Kristu, li kien imbassar. Iva, il-​Bibbja rrivelat il-​futur!

Isaija u kittieba oħrajn tal-​Bibbja ma setgħux ibassru ġrajjiet futuri bbażati biss fuq l-​għarfien tagħhom. Minflok, dawn “tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Fl-​artikli li ġejjin, se niffokaw fuq xi dettalji tal-​ħajja taʼ Ġesù li kienu mbassrin permezz taʼ Isaija. U mbagħad se nikkunsidraw ġrajjiet li Ġesù u d-​dixxipli tiegħu bassru għal żmienna u għall-​futur.