Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tbassar il-Futur Immedjat Tagħna

Tbassar il-Futur Immedjat Tagħna

META kien qed jiddiskuti l-​futur tal-​bniedem u taʼ l-​art, l-​appostlu Pietru kiteb: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Oriġinalment kien permezz tal-​profeta Isaija li ngħatat wegħda taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida.” (Isaija 65:17; 66:22) Pietru, billi kwota din il-​profezija, wera li fi żmienu kienet għadha ma ġietx imwettqa għalkollox.

Iktar tard, madwar is-​sena 96 E.K., ir-​Rivelazzjoni li ngħatat permezz taʼ l-​appostlu Ġwanni għamlet konnessjoni bejn dik l-​“art ġdida” u l-​barkiet taħt is-​Saltna t’Alla. (Rivelazzjoni 21:1-4) Il-​kliem taʼ Ġesù kif ukoll dak taʼ l-​appostlu Pawlu dwar il-​kundizzjonijiet tad-​dinja eżatt qabel ma tiġi s-​Saltna t’Alla issa qed jitwettaq. Għalhekk, nistgħu nistennew li dik is-​Saltna dalwaqt iġġib id-​dinja l-​ġdida. Kif se tkun dik id-​dinja l-​ġdida? Il-​ktieb Bibliku taʼ Isaija jgħidilna.

Barkiet fid-​Dinja l-​Ġdida

Paċi Globali u Qima f’Unità. “U jkollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet u l-​lanez tagħhom fi skieken taż-​żabra. Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-​gwerra.”—Isaija 2:2-4.

Paċi Bejn in-​Nies u l-​Annimali. “Il-​lupu se jgħammar għal xi żmien mal-​ħaruf, u l-​leopard jimtedd mal-​gidi, u l-​għoġol u l-​iljun b’saħħtu u l-​annimal magħluf tajjeb ilkoll flimkien; u tifel ċkejken se jkun mexxej fuqhom. U l-​baqra u l-​ors se jirgħu; il-​frieħ tagħhom se jimteddu flimkien. U saħansitra l-​iljun se jiekol it-​tiben bħall-​barri. . . . Ma se jagħmlu ebda ħsara jew ħerba fuq il-​muntanja qaddisa kollha tiegħi; għax l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.”—Isaija 11:6-9.

Ikel Abbundanti Għal Kulħadd. “Ġeħova taʼ l-​armati se jagħmel għall-​popli kollha, fuq din il-​muntanja, ikla kbira bi platti mħawrin sew biż-​żejt, ikla kbira bi nbid imħolli joqgħod fuq it-​tartru, bi platti mħawrin sew biż-​żejt mimlijin mudullun, taʼ nbid imħolli joqgħod fuq it-​tartru, imsoffi.”—Isaija 25:6.

Ma Jkunx Hemm Iżjed Mewt. “Hu [Alla] jiblaʼ l-​mewt għal dejjem, u l-​Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-​dmugħ mill-​uċuħ kollha. U t-​tmaqdir tal-​poplu tiegħu se jneħħih mill-​art kollha, għax Ġeħova qalu dan.”—Isaija 25:8.

Il-Mejtin Jiġu Rxoxtati. “Il-​mejtin tiegħek jgħixu, ġisimhom jerġaʼ jqum. Dawk li huma reqdin fl-​art se jistenbħu u jgħajtu bil-​ferħ . . . L-​art se trodd lil dawk li ilhom mejtin għal twelid mill-​ġdid.”—Isaija 26:19, The New English Bible.

Il-Messija Mħallef Ġust. “Mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-​sewwa jiġġudika lill-​batuti, u b’mod rett jagħti twiddib għan-​nom tal-​ġwejdin taʼ l-​art.”—Isaija 11:3, 4.

L-Għomja u t-​Torox Imfejqin. “Jinfetħu għajnejn l-​għomja, u jinfetħu widnejn it-​torox.”—Isaija 35:5.

Art Mitluqa Ssir Produttiva. “Ix-​xagħri u r-​reġjun bla ilma se jifirħu, u l-​pjanura tad-​deżert se tifraħ u twarrad bħaż-​żagħfran. Bla dubju din twarrad, u tifraħ bil-​ferħ u b’għajat ferrieħ.”—Isaija 35:1, 2.

Art Ġdida. “Qed noħloq smewwiet ġodda [gvern ġdid fis-​sema] u art ġdida [soċjetà umana ġdida u ġusta]; u l-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-​qalb. Imma ifirħu u thennew għal dejjem b’dak li qed noħloq. . . . Se jibnu [l-abitanti tad-​dinja l-​ġdida t’Alla] djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-​dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor. Għax jiem in-​nies tiegħi jkunu bħall-​jiem taʼ siġra; u l-​magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-​sħiħ. Ma jitħabtux għalxejn, u lanqas ma jildu għall-​inkwiet; għax huma nisel magħmul mill-​imberkin taʼ Ġeħova, u d-​dixxendenti tagħhom magħhom. U jseħħ li qabel isejħu jien inwiġibhom; waqt li jkunu għadhom qed jitkellmu, jien nismagħhom.” “‘Bħalma s-​smewwiet ġodda u l-​art ġdida li qed nagħmel huma weqfin quddiemi,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘hekk ukoll nisilkom u isimkom se jibqgħu weqfin.’”—Isaija 65:17-25; 66:22.

Tbassar Futur Grandjuż

Il-​ktieb Bibliku taʼ Isaija m’huwiex l-​uniku wieħed li jbassar barkiet għall-​futur. Il-​Bibbja hija mimlija bi profeziji li jiddeskrivu l-​affarijiet meraviljużi li Alla se jwettaq permezz tas-​Saltna tiegħu taħt Kristu. a Tixtieq tgħix f’ġenna taʼ l-​art b’kundizzjonijiet bħal dawn ? Int tistaʼ tagħmel dan! Ara għalik innifsek dak li l-​Bibbja tgħallem verament dwar l-​iskopijiet tajbin t’Alla għall-​futur, u tgħallem kif tistaʼ tkun involut. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova se jkunu kuntenti li jgħinuk.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar is-​Saltna t’Alla u dwar dak li se twettaq, ara l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? paġni 76-85, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 8]

In-​nies se jkunu f’paċi bejniethom u maʼ l-​annimali

[Stampa f’paġna 9]

Il-​mejtin se jerġgħu jgħixu

[Stampa f’paġna 10]

L-​art kollha se tkun ġenna