Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala ma Jużawx Xbihat fil-Qima Tagħhom?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala ma Jużawx Xbihat fil-Qima Tagħhom?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu

Madwar id-​dinja, il-​Ħindu, il-​Buddisti, il-​Kattoliċi, u l-​membri tal-​Knisja Ortodossa jħarsu lejn l-​użu taʼ l-​idoli, ix-​xbihat, u l-​ikoni bħala parti vitali mill-​qima tagħhom. F’partijiet taʼ l-​Afrika, in-​nies iqimu tinqix taʼ l-​injam jew il-​ġebel li jaħsbu li fih qed jgħix alla jew spirtu taʼ xi alla.

Kuntrarju għal dan, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jużaw ebda forma taʼ idolu jew ikona fil-​qima tagħhom. Jekk iżżur il-​postijiet fejn jiltaqgħu, magħrufin bħala Swali tas-​Saltna, la se ssib ikoni taʼ “qaddisin” u lanqas statwi taʼ Ġesù u Marija. a Għala le? Innota x’tgħid il-​Bibbja dwar dan is-​suġġett.

Alla X’Kien Jeħtieġ mill-​Israelin?

Wara li ħeles lill-​Israelin mill-​Eġittu, Alla Ġeħova tahom direzzjoni ċara dwar kif riedhom jagħtuh qima. It-​tieni mill-​hekk imsejħin Għaxar Kmandamenti jgħid: “Tagħmilx għalik xi xbieha skolpita jew forma bħal xi ħaġa li hemm fis-​smewwiet ’il fuq, jew li hemm fuq l-​art taħt, jew li hemm fl-​ilmijiet taħt l-​art. Tmilx quddiemhom u lanqas tiġi mħajjar biex taqdihom, għaliex jien Ġeħova Alla tiegħek, jien Alla li nesiġi devozzjoni esklużiva.”—Eżodu 20:4, 5.

Eżatt meta Alla kien qed jagħti dawn il-​kmandamenti lil Mosè, l-​Israelin kienu qed jagħmlu għoġol tad-​deheb, x’aktarx li b’imitazzjoni għall-​qima taʼ l-​annimali taʼ l-​Eġizzjani. Huma ma sejħux lix-​xbieha bl-​isem taʼ xi alla Eġizzjan. Minflok, huma assoċjawha mal-​qima taʼ Ġeħova. (Eżodu 32:5, 6) Alla kif irreaġixxa? Ir-​rabja tiegħu xegħlet kontra dawk li qiemu l-​idolu, u Mosè qerdu.—Eżodu 32:9, 10, 19, 20.

Iktar tard, Alla Ġeħova żied id-​dettalji dwar it-​tieni kmandament. Permezz taʼ Mosè, hu fakkar lill-​Israelin li m’għandhomx jagħmlu għalihom infushom “xi xbieha skolpita, il-​forma taʼ xi simbolu, ir-​rappreżentazzjoni taʼ raġel jew mara, ir-​rappreżentazzjoni taʼ xi bhima li hemm fuq l-​art, ir-​rappreżentazzjoni taʼ xi għasfur bil-​ġwienaħ li jtir fis-​smewwiet, ir-​rappreżentazzjoni taʼ xi ħaġa li titħarrek fuq l-​art, ir-​rappreżentazzjoni taʼ xi ħuta li hemm fl-​ilmijiet taħt l-​art.” (Dewteronomju 4:15-18) Jidher ċar li l-​Israelin ma kellhomx jużaw idoli taʼ kwalunkwe tip jew forma fil-​qima t’Alla.

Minkejja dan, iktar tard l-​Israelin waqgħu fl-​idolatrija. Biex jikkoreġihom, Ġeħova bagħat il-​profeti li wissewhom dwar il-​kastig li kien ġej minħabba l-​qima tagħhom lill-​idoli. (Ġeremija 19:3-5; Għamos 2:8) Bħala ġens, Israel injora t-​twissijiet t’Alla. Għalhekk, fis-​sena 607 Q.E.K., Ġeħova ħalla lill-​Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u jieħdu l-​ġens fil-​jasar.—2 Kronaki 36:20, 21; Ġeremija 25:11, 12.

X’Kienu Jemmnu l-​Kristjani taʼ l-​Ewwel Seklu?

Meta dawk li ma kinux Lhud ikkonvertew għall-​Kristjanità fl-​ewwel seklu, huma ma komplewx jużaw l-​idoli fil-​qima tagħhom lil Alla. Innota x’qal Demetriju, l-​arġentier li kien jagħmel l-​idoli f’Efesu, dwar l-​ippridkar taʼ l-​appostlu Pawlu: “Irġiel, tafu tajjeb li b’dan in-​negozju sejrin tajjeb ħafna. Ukoll, qed taraw u tisimgħu kif mhux biss f’Efesu, imma kważi fid-​distrett kollu taʼ l-​Asja, dan Pawlu pperswada lil ħafna nies u dawwarhom għal opinjoni oħra, għax qed jgħid li dawk li huma magħmulin bl-​idejn m’humiex allat.”—Atti 19:25, 26.

Il-kliem taʼ Pawlu stess jikkonferma din l-​akkuża li saret minn Demetriju. Meta kien qed ikellem lill-​Griegi f’Ateni, Pawlu qal: “M’għandniex nimmaġinaw li d-​Divin hu bħad-​deheb jew il-​fidda jew il-​ġebel, bħal xi ħaġa skolpita bl-​arti u bl-​invenzjoni tal-​bniedem. Veru, Alla għalaq għajnejh għal żminijiet taʼ injoranza bħal din, iżda issa qed jgħid lill-​bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll.” (Atti 17:29, 30) Dwar l-​istess suġġett, Pawlu kiteb lil dawk f’Tessalonika u faħħarhom bil-​kliem: “Dortu lejn Alla mill-​idoli tagħkom.”—1 Tessalonikin 1:9.

Minbarra Pawlu, anki l-​appostlu Ġwanni wissa lill-​Kristjani kontra li jużaw ix-​xbihat fil-​qima tagħhom. Fi tmiem l-​ewwel seklu, Ġwanni qalilhom b’sodizza: “Ħarsu ruħkom mill-​idoli.”—1 Ġwanni 5:21.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jobdu d-​direzzjoni ċara t’Alla biex ma jużaw ebda tip taʼ xbieha fil-​qima tagħhom lejh. Huma jemmnu kliem Alla Ġeħova meta qal: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi; u lil ħadd iktar ma nagħti l-​glorja tiegħi, lanqas it-​tifħir tiegħi lix-​xbihat minquxin.”—Isaija 42:8.

[Nota taʼ taħt]

a Xi Swali tas-​Saltna fihom pitturi taʼ karattri Bibliċi. Madankollu, dawn l-​istampi jintużaw biex iżejnu u ma jingħatawx qima bħala ikoni reliġjużi. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jitolbux lil dawn l-​istampi, u lanqas ma jmilu quddiemhom.

[Kumment f’paġna 31]

“Jien Ġeħova. Dak hu ismi; u lil ħadd iktar ma nagħti l-​glorja tiegħi, lanqas it-​tifħir tiegħi lix-​xbihat minquxin.” —Isaija 42:8