Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova li Huma l-Uniċi Wħud li Se Jsalvaw?

Jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova li Huma l-Uniċi Wħud li Se Jsalvaw?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li sabu r-​reliġjon il-​vera. Kieku ma kinux jemmnu hekk, kieku kienu jibdlu t-​twemmin tagħhom. Bħall-​aduraturi f’ħafna mir-​reliġjonijiet l-​oħrajn, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jittamaw li jsalvaw. Madankollu, huma jemmnu wkoll li m’huwiex għalihom li jiġġudikaw min se jiġi salvat. Fl-​aħħar mill-​aħħar, Alla hu l-​Imħallef. Hu jiddeċiedi.—Isaija 33:22.

Il-Kelma t’Alla turi li dawk li se jsalvaw mhux biss għandhom ikunu jridu s-​salvazzjoni imma wkoll jikkooperaw mas-​Salvatur. Biex nagħtu eżempju: Ejja ngħidu li wieħed li jkun mar mixja jintilef fid-​deżert. Hu b’mod iddisprat irid isib it-​triq biex isalva. Se jmut jew se jsalva? Ir-​riżultat jiddependi mill-​mod kif iwieġeb għall-​għajnuna. Minħabba l-​kburija, hu għandu mnejn jirrifjuta l-​għajnuna tal-​wieħed li jiġi biex isalvah. Mill-​banda l-​oħra, hu jistaʼ jaċċetta l-​għajnuna umilment u jirnexxilu jsalva.

B’mod simili, is-​salvazzjoni tappartjeni lil dawk li jikkooperaw mas-​Salvatur taʼ l-​umanità, Alla Ġeħova. Is-​salvazzjoni hi għotja mingħand Alla, però, mhux in-​nies kollha se jiksbuha. Ġesù, l-​Iben t’Alla, qal: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet, imma min jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet.”—Mattew 7:21.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li Alla jeħles biss lil dawk li jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù u jżommu qrib kemm jistaʼ jkun mat-​tagħlim tiegħu. (Atti 4:10-12) Ikkunsidra tliet ħtiġijiet importanti għas-​salvazzjoni li huma rivelati fil-​Kelma t’Alla.

(1) “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom,” qal Ġesù lil sħabu. (Ġwanni 13:35) L-​eżempju taʼ Ġesù nnifsu meta ta ħajtu għall-​oħrajn enfasizza l-​importanza taʼ l-​imħabba. Dawk li jħobbu lil oħrajn qed juru kwalità li hi vitali għas-​salvazzjoni.

(2) “Għarrafthom ismek,” qal Ġesù meta kien qed jitlob lil Missieru. (Ġwanni 17:26) Ġesù kien jaf kemm kien importanti għal Missieru l-​isem persunali t’Alla, Ġeħova. Ġesù talab biex isem Missieru “jitqaddes.” (Mattew 6:9) It-​taqdis taʼ l-​isem t’Alla jinkludi li nkunu nafu dak l-​isem u nittrattawh bħala li hu importanti u qaddis. Bħal Ġesù, dawk li jfittxu s-​salvazzjoni għandhom bżonn jużaw l-​isem t’Alla. Huma għandhom bżonn ukoll jgħallmu lil oħrajn dwar l-​isem u l-​kwalitajiet t’Alla. (Mattew 28:19, 20) Fil-​fatt, dawk biss li jsejħu isem Alla se jiġu salvati.—Rumani 10:13.

(3) “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja,” qal Ġesù lil Ponzju Pilatu. (Ġwanni 18:36) Ftit illum juru fidi fis-​Saltna, jew il-​gvern, t’Alla, li s-​Sultan tagħha hu Ġesù. Minflok, huma jpoġġu l-​fiduċja tagħhom f’istituzzjonijiet umani. Kuntrarju għal dan, dawk li se jiġu salvati jappoġġaw lealment is-​Saltna t’Alla u jgħallmu lil oħrajn dwar kif se teħles lill-​bnedmin leali kollha.—Mattew 4:17.

Wara li tgħallmu dwar xi ħtiġijiet għas-​salvazzjoni, id-​dixxipli taʼ Ġesù qalu: “Min jistaʼ jiġi salvat?” Ġesù wieġeb: “Dak li hu impossibbli għall-​bnedmin, hu possibbli għal Alla.” (Luqa 18:18-30) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jħabirku biex jipprovaw jgħixu skond dawn il-​ħtiġijiet għas-​salvazzjoni. Huma jaħdmu iebes ukoll biex jgħinu lil oħrajn isalvaw.