Kont Taf?
Kellu raġuni Ponzju Pilatu biex jibżaʼ minn Ċesari?
Biex jisforzaw lill-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu joqtol lil Ġesù, il-mexxejja Lhud qalu: “Jekk teħles lil dan ir-raġel, m’intix ħabib taʼ Ċesari.” (Ġwanni 19:12) “Ċesari” li jissemma hawn kien l-Imperatur Ruman Tiberju. Kellu raġuni Pilatu biex jibżaʼ minn Ċesari?
X’tip taʼ persuna kien Tiberju Ċesari? Snin qabel il-ġuri taʼ Ġesù, Tiberju kien diġà sar “raġel li kien jidher li jinteressah biss f’li jissodisfa x-xewqat tiegħu u l-modi dejjem iktar perversi tiegħu biex jissodisfahom,” tgħid The New Encyclopædia Britannica. Il-paranojja ġegħlitu jittortura u joqtol lil kull min kien saħansitra ssuspettat bi tradiment. “Jekk nistgħu nemmnu l-istorjografi li għexu fi żmienu,” jgħid l-istess xogħol taʼ referenza, “id-divertimenti favoriti tiegħu kienu krudili u oxxeni. Hu kien joqtol b’kefrija u kważi kulmeta ried u jkun min ikun.”
Għalhekk, ir-reputazzjoni taʼ Tiberju setgħet wasslet lil Pilatu biex iċedi għall-pressjoni li għamlulu l-mexxejja Lhud u jordna l-qtil taʼ Ġesù.—Ġwanni 19:13-16.
Għala Ġesù ħasel saqajn l-appostli tiegħu?
F’Israel tal-qedem, ħafna nies komuni kienu jagħmlu l-attivitajiet taʼ kuljum tagħhom ħafjin. Iż-żraben, għal min kien jużahom, kienu sandlijiet li ma kienu xejn iktar ħlief qiegħ marbut b’ċinga mas-sieq u l-għaksa. Ladarba t-toroq u l-għelieqi kienu bit-trab jew bit-tajn, is-saqajn tan-nies ma setgħux ma jitħammġux.
Għalhekk, kienet id-drawwa li persuna tneħħi s-sandli tagħha qabel ma tidħol fid-dar. L-ospitalità kienet titlob li jinħaslu saqajn il-mistieden. Dan ix-xogħol kien isir mill-kap tad-dar jew mill-qaddej. Il-Bibbja fiha għadd taʼ referenzi għal din il-prattika komuni. Per eżempju, Abraham qal lill-viżitaturi fit-tinda tiegħu: “Ħa nġib ftit ilma, jekk jogħġobkom, u aħslu saqajkom. Imbagħad oqogħdu bil-qiegħda taħt is-siġra. U ħa nġib biċċa ħobż, u sostnu ruħkom.”—Ġenesi 18:4, 5; 24:32; 1 Samwel 25:41; Luqa 7:37, 38, 44.
Din l-informazzjoni tgħinna nifhmu għala Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu matul l-aħħar Qbiż magħhom. F’dik l-okkażjoni, ma kienx hemm kap tad-dar jew qaddej biex iwettaq dan is-servizz u evidentement ħadd mid-dixxipli ma offra biex jagħmel dan. Għalhekk, billi ħa friskatur bl-ilma u xugaman biex jaħsel u jixxotta saqajn l-appostli tiegħu, Ġesù ta lil dawk l-irġiel lezzjoni taʼ mħabba u umiltà.—Ġwanni 13:5-17.