Kont Taf?
Kienet il-marda tal-ġdiem deskritta fil-Bibbja l-istess bħall-marda magħrufa bl-istess isem illum?
It-terminu mediku “ġdiem” illum jintuża biex jirreferi għall-infezzjoni tal-batterji tal-bniedem. Dawn il-batterji (Mycobacterium leprae) ġew identifikati għall-ewwel darba minn Dr. G.A. Hansen fl-1873. Ir-riċerkaturi skoprew li l-batterji jistgħu jibqgħu ħajjin sa disat ijiem barra l-ġisem f’likwidi li joħorġu mill-imnieħer. Sabu wkoll li n-nies li jissieħbu mill-qrib maʼ pazjenti tal-ġdiem għandhom iktar ċans li taqbadhom il-marda u li jistgħu jiġu infettati mill-ilbies li jkun ġie kontaminat. Skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ġew rapportati iktar minn 220,000 każ ġdid taʼ ġdiem fl-2007.
M’hemm ebda dubju li l-ġdiem kien jolqot lin-nies fil-Lvant Nofsani fiż-żminijiet Bibliċi, u l-Liġi Mosajka kienet teħtieġ li individwu bil-ġdiem jitqiegħed fi kwarantina. (Levitiku 13:4, 5) Madankollu, il-kelma Ebrajka zaragħat li tiġi tradotta “ġdiem” ma kinitx biss kundizzjoni medika. Zaragħat kienet teffettwa wkoll l-ilbies u d-djar. Dan it-tip taʼ ġdiem setaʼ joħroġ fuq ilbies tas-suf jew l-għażel jew fuq kwalunkwe ħaġa magħmula mill-ġild. F’xi każi setaʼ jiġi eliminat bil-ħasil, imma jekk il-marda tal-ġdiem tibqaʼ “ħadra safranija jew ħamranija,” l-ilbies jew il-ġild kellu jinħaraq. (Levitiku 13:47-52) Fid-djar, il-marda kienet toħroġ “fil-ħitan tad-dar bħal ħofor jagħtu fl-aħdar jew l-aħmar.” Il-ġebel u t-tajn effettwati kellhom jitneħħew u jintremew—’il bogħod minfejn jgħammar il-bniedem. Jekk il-ġdiem jerġaʼ joħroġ, il-bini kellu jiġi meqrud u l-materjal kellu jintrema. (Levitiku 14:33-45) Xi wħud jissuġġerixxu li l-ġdiem fl-ilbies jew fid-djar setaʼ ddeskriva dik li llum insejħulha moffa. Madankollu, dan ma jistax jingħad b’ċertezza.
L-ippridkar taʼ l-appostlu Pawlu f’Efesu għala kkaġuna rewwixta fost l-arġentiera?
L-arġentiera t’Efesu stagħnew minħabba li għamlu “mudelli tal-fidda tat-tempju t’Artemi,” li kienet il-patruna t’Efesu, alla mara tal-kaċċa, tal-fertilità, u tat-twelid tat-tfal. (Atti 19:24) L-aduraturi tagħha kienu jgħidu li x-xbieha tagħha kienet waqgħet “mis-sema” u kienet tinżamm fit-tempju t’Artemi f’Efesu. (Atti 19:35) Dan it-tempju kien jitqies bħala wieħed mis-sebaʼ għeġubijiet tad-dinja tal-qedem. Folol taʼ pellegrini kienu jinġemgħu f’Efesu matul Marzu/April kull sena biex jattendu l-festi li jonoraw lil Artemi. Minħabba l-ġemgħat taʼ viżitaturi kien hemm domanda kbira għall-oġġetti taʼ devozzjoni, li kienu jintużaw jew bħala tifkira, amuleti, jew offerti lill-alla mara jew biex il-familji jużawhom fil-qima meta kienu jmorru lura d-dar. Kitbiet tal-qedem minn Efesu jitkellmu dwar il-manifattura taʼ statwi tad-deheb u l-fidda t’Artemi, u kitbiet oħrajn isemmu b’mod speċifiku l-għaqdiet taʼ l-arġentiera.
Pawlu għallem li x-xbihat “magħmulin bl-idejn m’humiex allat.” (Atti 19:26) Għalhekk, l-arġentiera ħassew li l-għajxien tagħhom kien qed jiġi mhedded u qajmu rewwixta biex jipprotestaw kontra l-ippridkar taʼ Pawlu. Demetriju, wieħed mill-arġentiera, esprima l-biżaʼ tagħhom b’dan il-kliem: “Hemm il-periklu li mhux biss xogħolna jaqaʼ fl-għajb, imma wkoll li t-tempju tal-kbira u d-divina Artemi ma jibqax stmat u saħansitra l-kobor u l-ġmiel tagħha, meqjumin fid-distrett kollu taʼ l-Asja u fl-art abitata, ma jdumux ma jispiċċaw fix-xejn.”—Atti 19:27.