Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Irwol taʼ Marija fl-Iskop t’Alla

L-Irwol taʼ Marija fl-Iskop t’Alla

MATUL il-​ministeru taʼ Ġesù, waħda mara għolliet leħinha iktar mill-​istorbju tal-​folla u għajtet: “Hieni l-​ġuf li ġarrek u s-​sider li rdajt!” Kieku Ġesù ried li ommu tiġi meqjuma, hawn kellu opportunità tad-​deheb biex jirrikkmanda din il-​forma taʼ devozzjoni. Minflok, hu wieġeb: “Le, pjuttost, Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!”—Luqa 11:27, 28.

Ġesù la ta lil ommu xi unuri speċjali u lanqas qatt ma qal lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dan. Dan kif jaqbel mal-​qima li ħafna wħud sinċieri jagħtu lil Marija? Ejja nikkunsidraw x’tgħid il-​Bibbja rigward it-​tagħlim popolari dwar omm Ġesù.

“Mimlija Grazzja,” “Mbierka . . . Fost in-​Nisa”

L-​anġlu Gabrijel qal lil Marija x’se jkun l-​irwol tagħha fl-​iskop t’Alla. F’dik l-​okkażjoni, hu sellmilha billi qalilha: “Is-​sliem għalik, int li ġejt favorita bil-​kbir, Ġeħova miegħek.” (Luqa 1:28) Mod ieħor kif tiġi tradotta din it-​tislima hi: “Is-​sliem għalik, mimlija grazzja, il-​Mulej miegħek.” Ftit wara dan, Eliżabetta sellmet lil Marija bil-​kliem: “Imbierka int fost in-​nisa, u mbierek il-​frott taʼ ġufek!” (Luqa 1:42) Ma jindikawx dawn il-​frażijiet li għandha tingħata qima speċjali lil Marija?

Fir-realtà, le. Għalkemm dan il-​kliem qiegħed imdaħħal f’talba li l-​Kattoliċi jindirizzawha lil Marija, il-​Bibbja nfisha ma tagħti l-​ebda ġustifikazzjoni biex nitolbu lilha. Gabrijel u Eliżabetta għarfu l-​privileġġ taʼ l-​għaġeb li kellha Marija bħala l-​waħda li se tiled il-​Messija, imma l-​ħsieb li jitolbu lilha m’huwiex fl-​Iskrittura. Għall-​kuntrarju, meta d-​dixxipli taʼ Ġesù staqsewh biex jgħallimhom jitolbu, hu wriehom li t-​talb għandu jiġi indirizzat lil Missieru. Fil-​fatt, it-​talba mudell famuża taʼ Ġesù tibda bil-​kliem: “Missierna fis-​smewwiet.”—Mattew 6:9.

Fost il-​Ħakkiema

Tagħlim ieħor komuni dwar Marija hu li issa hi “r-​Reġina tas-​sema.” Il-​Bibbja qatt ma tagħtiha titlu bħal dan. Madankollu, din turi li hi tokkupa post speċjali fl-​arranġament t’Alla fis-​sema. X’post hu dan?

Ġesù indika li xi wħud mid-​dixxipli leali tiegħu kienu se jaħkmu miegħu f’Saltnatu. (Luqa 22:28-30) Lil dawn l-​uħud magħżulin Ġesù se jagħtihom l-​awtorità biex iservu bħala “qassisin għal Alla tagħna u se jsaltnu għal fuq l-​art.” (Rivelazzjoni 5:10) Il-​Bibbja b’mod ċar twassalna għall-​konklużjoni li Marija hi fost dawk li ngħataw dan l-​unur kbir. Kif nistgħu ngħidu dan?

Int forsi tiftakar li wara l-​mewt taʼ Ġesù, Marija kienet ‘tippersisti fit-​talb’ flimkien mad-​dixxipli taʼ Ġesù u ħutu. Madwar 120 minnhom iltaqgħu għal dan l-​għan, inkluż “xi nisa.” (Atti 1:12-15) Il-​Bibbja tgħid li “f’jum il-​festa taʼ Pentekoste, kienu lkoll flimkien fl-​istess post” meta l-​ispirtu qaddis t’Alla ssawwab fuqhom, u tahom l-​abbiltà li jitkellmu lingwi barranin.—Atti 2:1-4.

Il-fatt li Marija kienet fost dawk li ġew imberkin b’dan il-​mod juri li hi u n-​nisa l-​oħrajn li rċivew l-​ispirtu qaddis kienu magħżulin biex ikunu parti mis-​Saltna tas-​sema taʼ Ġesù. Għalhekk, għandna kull raġuni biex nemmnu li Marija issa qiegħda maʼ Ġesù fil-​glorja tas-​sema. (Rumani 8:14-17) Ikkunsidra xi privileġġi li hi u l-​ħakkiema l-​oħrajn imseħbin maʼ Kristu se jkollhom fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet t’Alla.

Iġibu Barkiet Meraviljużi lill-​Umanità

Il-​ktieb Bibliku tar-​Rivelazzjoni jgħid li 144,000 individwu se jiġu rxoxtati għall-​glorja fis-​sema biex jaqdu flimkien maʼ Ġesù bħala qassisin, imħallfin, u slaten. (Rivelazzjoni 14:1, 4; 20:4, 6) Bħala qassisin, huma se jkollhom sehem f’li japplikaw il-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù għall-​umanità ubbidjenti kollha, u jwassluha għall-​perfezzjoni spiritwali, morali, u fiżika. (Rivelazzjoni 21:1-4) Xi privileġġ se jkun għall-​qaddejja leali kollha taʼ Ġeħova li jaraw dan iż-​żmien taʼ l-​għaġeb! a

Marija kellha u għad għandha sehem fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet taʼ Ġeħova. Hi jistħoqqilha li nimitawha għall-​umiltà, il-​fidi, l-​ubbidjenza, u d-​devozzjoni tagħha bħala omm, biex ma nsemmux is-​sabar tagħha taħt prova. Ladarba wildet il-​Messija u għandha sehem f’li tqassam il-​benefiċċji tal-​fidwa lill-​umanità, hi għandha tiġi rispettata bil-​kbir.

Madankollu, l-​iktar lezzjoni importanti li nitgħallmu minn Marija hi li, flimkien mal-​qaddejja leali kollha t’Alla, hi tqim lil Ġeħova u lil ebda alla ieħor. Marija, flimkien mal-​ħakkiema l-​oħrajn imseħbin maʼ Kristu fis-​sema, tgħolli leħinha biex tipproklama: “Lil Dak li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron [Alla Ġeħova] u lill-​Ħaruf [Ġesù] ikunu l-​barka u l-​unur u l-​glorja u s-​setgħa għal dejjem taʼ dejjem.”—Rivelazzjoni 5:13; 19:10.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni rigward dawn il-​barkiet, ara kapitlu 8 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 10]

L-​umiltà, il-​fidi, u l-​ubbidjenza taʼ Marija jistħoqqilhom li jiġu imitati