Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tibżaʼ mill-Mejtin?

Tibżaʼ mill-Mejtin?

GĦAL din il-​mistoqsija, ħafna jwieġbu sempliċement, “Le. Għala għandi nibżaʼ?” Huma jemmnu li dawk li mietu huma tassew bla ħajja. Madankollu, miljuni huma konvinti li l-​mejtin jibqgħu jgħixu bħala spirti.

F’Benin, fil-​punent taʼ l-​Afrika, ħafna jemmnu li l-​mejtin jistgħu jiġu lura biex joqtlu membri oħrajn tal-​familja tagħhom stess. In-​nies ibigħu dak li jippossiedu jew jiddejnu biex jagħmlu sagrifiċċji taʼ l-​annimali jew ċerimonji ħalli jikkalmaw lill-​qraba mejtin. Xi wħud jipprattikaw l-​ispiritiżmu, li jinkludi l-​idea li parti mill-​bniedem li hija spirtu tibqaʼ ħajja fil-​mewt u tistaʼ tikkomunika mal-​ħajjin. Oħrajn għaddew minn esperjenzi tal-​biżaʼ li jaħsbu li ġraw minħabba l-​influwenza taʼ l-​ispirti tal-​mejtin.

Wieħed li għadda minn esperjenza bħal din kien Agboola, raġel li jgħix viċin il-​fruntiera bejn Benin u n-​Niġerja. Hu jgħid: “Fl-​inħawi tagħna l-​ispiritiżmu hu parti mill-​ħajja taʼ kuljum. Hija d-​drawwa li naħslu l-​iġsma ċerimonjalment biex nippreparawhom għall-​qasam taʼ l-​ispirti. Jien spiss kont niġbor flimkien dak li jkun fadal mis-​sapun u nħalltu maʼ ċertu weraq. Imbagħad, hekk kif kont nidlek it-​taħlita mas-​senter tal-​kaċċa tiegħi, kont ngħid b’leħen għoli liema tip t’annimal ridt noqtol. Prattiki bħal dawn huma komuni u jidhru li huma effettivi mhux ħażin. Madankollu, xi aspetti taʼ l-​ispiritiżmu kienu tal-​biżaʼ.

“Meta tnejn minn uliedi mietu mewta misterjuża, issuspettajt li xi ħadd kien qed jipprattika l-​ispiritiżmu kontrija. Biex inkun naf, mort għand raġel xiħ li kien magħruf għall-​qawwiet spiritistiċi tiegħu. Hu kkonfermali s-​suspetti tiegħi. Agħar minn hekk, hu qalli li wliedi issa kienu qed jistennew fid-​dinja taʼ l-​ispirti biex la jmut dak li qatilhom isiru qaddejja tiegħu. Ir-​raġel xiħ żied li t-​tielet iben tiegħi kien se jmut ukoll. Ftit ġranet wara, dan l-​iben miet ukoll.”

Agboola mbagħad iltaqaʼ maʼ John, wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova mill-​pajjiż tan-​Niġerja li hu qrib. L-​ispjegazzjoni taʼ John fuq il-​kundizzjoni tal-​mejtin kienet ibbażata fuq il-​Bibbja. Dik l-​ispjegazzjoni biddlet ħajjet Agboola. Tistaʼ tbiddel tiegħek ukoll.

X’Jiġri mill-​Mejtin?

Min jistaʼ jwieġeb l-​aħjar din il-​mistoqsija? Mhux xi bniedem, ikun kemm ikun magħruf. Minflok, Ġeħova, il-​Ħallieq taʼ kull ħajja “fis-​smewwiet u fuq l-​art, dawk viżibbli u dawk inviżibbli,” għandu t-​tweġiba. (Kolossin 1:16) Lill-​anġli ħalaqhom biex jgħixu fil-​qasam taʼ l-​ispirti u lill-​bnedmin u lill-​annimali biex jgħixu fuq l-​art. (Salm 104:4, 23, 24) Il-​ħajja kullimkien tiddependi minnu. (Rivelazzjoni 4:11) Mela kkunsidra x’tgħid il-​Kelma t’Alla stess, il-​Bibbja, dwar il-​mewt.

Ġeħova kien l-​ewwel wieħed li tkellem dwar il-​mewt. Hu wissa li jekk Adam u Eva ma jobduhx kienu se jmutu. (Ġenesi 2:17) X’kien ifisser dan? Ġeħova spjega: “Trab int u trab terġaʼ ssir.” (Ġenesi 3:19) Fil-​mewt il-​ġisem jitmermer; imur lura lejn it-​trab. Il-​ħajja tieqaf.

Adam u Eva m’obdewx minn jeddhom, u għalhekk ġew sentenzjati għall-​mewt. Madankollu, huma ma kinux l-​ewwel li mietu. Binhom Abel miet l-​ewwel. Ħuh il-​kbir, Kajjin, qatlu. (Ġenesi 4:8) Kajjin ma beżax li ħuh il-​mejjet setaʼ jagħmel vendetta. Minflok, Kajjin kien inkwetat minn dak li setgħu jagħmlulu l-​bnedmin ħajjin.—Ġenesi 4:10-16.

Ħafna sekli wara, is-​Sultan Erodi kien inkwetat meta l-​astroloġi informawh li “sultan tal-​Lhud” twieled fir-​renju tiegħu. Determinat li joqtol lil dan il-​wieħed li jistaʼ jsir sultan, Erodi ppjana li joqtol is-​subien kollha taʼ Betlehem li kellhom sentejn jew inqas. Imma anġlu wissa lil Ġużeppi biex jieħu lil Ġesù u lil Marija u ‘jaħrab lejn l-​Eġittu.’—Mattew 2:1-16.

Meta miet Erodi, l-​anġlu qal lil Ġużeppi biex jirritorna Israel, “għax dawk li pprovaw jieħdu l-​ħajja tat-​tifel [kienu] mietu.” (Mattew 2:19, 20) L-​anġlu, li hu nnifsu hu spirtu, kien jaf li Erodi ma setax jagħmel iktar ħsara lil Ġesù. Ġużeppi ma kellu l-​ebda biżaʼ mis-​Sultan Erodi li issa kien miet. Madankollu, Ġużeppi kien qed jibżaʼ minn dak li setaʼ jagħmel Arkelaw, l-​iben tirann t’Erodi. Għalhekk, Ġużeppi mar joqgħod mal-​familja tiegħu fil-​Galilija, barra mill-​ġurisdizzjoni t’Arkelaw.—Mattew 2:22.

Dawn ir-​rakkonti jgħinuna naraw li l-​mejtin m’għandhomx qawwa. Allura, kif jistgħu jiġu spjegati l-​esperjenzi t’Agboola u t’oħrajn?

“Demonji,” jew Spirti Mhux Nodfa

Meta kien adult, Ġesù ffaċċja ħlejjaq spirti ħżiena. Huma għarfu lil Ġesù u indirizzawh bħala “Bin Alla.” Ġesù wkoll kien jaf min huma. Huma ma kinux spirti taʼ bnedmin mejtin. Minflok, Ġesù identifikahom bħala “demonji” jew spirti mhux nodfa.—Mattew 8:29-31; 10:8; Marku 5:8.

Il-Bibbja titkellem dwar spirti leali lejn Alla u dwar dawk li rribellaw kontrih. Il-​ktieb tal-​Ġenesi jgħidilna li meta Ġeħova keċċa ’l barra mill-​ġnien taʼ l-​Għeden lil Adam u Eva li kienu diżubbidjenti, hu qiegħed kerubini, jew anġli, fil-​lvant tal-​ġnien biex ma jħallu lil ħadd jidħol fih. (Ġenesi 3:24) Milli jidher, din kienet l-​ewwel darba li l-​ispirti saru viżibbli għall-​bnedmin.

Xi żmien wara, għadd t’anġli ġew fuq l-​art u ħadu ġisem uman. Ġeħova ma kienx ħatarhom biex iwettqu xi inkarigu fuq l-​art. Minflok, huma “abbandunaw il-​post xieraq fejn kellhom jgħammru” fil-​qasam taʼ l-​ispirti. (Ġuda 6) Il-​motivi tagħhom kienu egoistiċi. Huma ħadu b’marthom nisa li wildu nisel imħallat magħruf bħala n-​Nefilim. In-​Nefilim u l-​missirijiet ribellużi tagħhom imlew l-​art bil-​vjolenza u b’ħafna ħażen kbir ieħor. (Ġenesi 6:1-5) Ġeħova rranġa s-​sitwazzjoni billi ġab id-​Dilluvju globali taʼ żmien Noè. L-​ilmijiet qerdu l-​irġiel u n-​nisa l-​ħżiena kif ukoll lil dak in-​nisel. Xi ġralhom l-​anġli?

Id-Dilluvju ġegħelhom imorru lura fil-​qasam taʼ l-​ispirti. Madankollu, Ġeħova ma ħallihomx jieħdu “l-​pożizzjoni oriġinali tagħhom.” (Ġuda 6) Il-​Bibbja tgħid: “Alla ma żammx lura milli jikkastiga lill-​anġli li dinbu, imma, billi xeħithom f’Tartaru, tefagħhom f’ħofor taʼ dlam ċappa biex jinżammu għall-​ġudizzju.”—2 Pietru 2:4.

Tartaru m’huwiex xi post partikulari; hu kundizzjoni bħal taʼ ħabs li tillimita l-​attività taʼ dawn l-​imkeċċijin. Id-​demonji m’għadhomx jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom, imma xorta għad għandhom qawwa kbira u jinfluwenzaw bil-​kbir l-​imħuħ u l-​ħajjiet. Huma jistgħu jikkontrollaw il-​bnedmin u l-​annimali. (Mattew 12:43-45; Luqa 8:27-33) Ukoll, huma jqarrqu bil-​bnedmin billi jagħmluha taʼ l-​ispirti tal-​mejtin. Għala? Biex iżommu n-​nies milli jaduraw lil Ġeħova bil-​mod li jogħġob lilu u biex iħawduhom rigward il-​kundizzjoni vera tal-​mejtin.

Kif Tegħleb il-​Biżaʼ

Agboola fehem ir-​raġunevolezza taʼ l-​ispjegazzjonijiet tal-​Bibbja rigward il-​mewt u l-​identità taʼ l-​ispirti. Hu fehem li kellu bżonn jitgħallem iktar. Beda jaqra l-​Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja maʼ John. Agboola sab faraġ fl-​għarfien li wliedu huma reqdin fil-​qabar u mhux qed jistennew fil-​qasam taʼ l-​ispirti biex isiru l-​qaddejja taʼ dak li qatilhom.—Ġwanni 11:11-13.

Agboola rrealizza wkoll li hu kellu jwaqqaf għalkollox kull prattika spiritistika. Hu ħaraq l-​affarijiet kollha tiegħu li kellhom x’jaqsmu maʼ l-​okkult. (Atti 19:19) Xi wħud mill-​komunità wissewh li l-​ispirti ma kinux se jieħdu pjaċir. Imma Agboola ma kellu l-​ebda biżaʼ. Hu segwa l-​parir li nsibu f’Efesin 6:11, 12: “Ilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla . . . għax aħna [nissaraw] . . . kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar.” Din l-​armatura spiritwali tinkludi l-​verità, is-​sewwa, l-​aħbar tajba tal-​paċi, il-​fidi, u s-​sejf taʼ l-​ispirtu, il-​Kelma t’Alla. Armatura bħal din toriġina minn Alla u hi qawwija!

Agboola ġie mwarrab mill-​ħbieb u mill-​qraba tiegħu meta ma baqax jipprattika d-​drawwiet assoċjati maʼ l-​ispiritiżmu. Madankollu, fis-​Sala tas-​Saltna lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, hu sab ħbieb ġodda li jemmnu dak li tgħallem il-​Bibbja.

Agboola issa jaf li Ġeħova dalwaqt se jnaddaf l-​art mill-​ħażen u se jwaqqaf għalkollox l-​attività tad-​demonji. Eventwalment, Hu se jeqridhom. (Rivelazzjoni 20:1, 2, 10) Alla se jirxoxta hawn fuq l-​art lil “dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira.” (Ġwanni 5:28, 29) Dan jinkludi lil Abel, lit-​tfal innoċenti li qatel is-​Sultan Erodi, u lil miljuni oħrajn. Agboola hu fiduċjuż li t-​tliet uliedu se jkunu inklużi. Il-​maħbubin tiegħek li mietu jistgħu jkunu fosthom. Dawn l-​uħud kollha li se jiġu mqajmin se jikkonfermaw li mill-​mewt tagħhom sa l-​irxoxt tagħhom, huma ma kienu jafu assolutament xejn—ma jafu bl-​ebda ċerimonja li saret għalihom.

M’għandek l-​ebda raġuni biex tibżaʼ mill-​mejtin. Minflok, tistaʼ tħares ’il quddiem biex terġaʼ tingħaqad mal-​maħbubin mejtin. Sadanittant, għala ma tistudjax il-​Bibbja biex isaħħaħ il-​fidi tiegħek? Assoċja maʼ dawk li jemmnu dak li tgħallem il-​Bibbja. Jekk qed tieħu sehem f’xi spiritiżmu, ieqaf immedjatament. Ipproteġi lilek innifsek mid-​demonji billi tilbes “l-​armatura sħiħa mingħand Alla.” (Efesin 6:11) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova se jkunu ferħanin li jgħinuk. Huma joffru studji tal-​Bibbja fid-​djar bla ħlas billi jużaw il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? a

Agboola m’għadux jibżaʼ mill-​mejtin u tgħallem kif jirreżisti d-​demonji. Hu qal: “Ma nafx min ikkaġuna l-​mewt tat-​tliet uliedi. Imma minn mindu bdejt naqdi lil Ġeħova, jien kelli sebat itfal oħra. Ħadd mill-​qasam taʼ l-​ispirti qatt m’għamlilhom ħsara.”

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 13]

Agboola m’għadux jibżaʼ mill-​mejtin u tgħallem kif jirreżisti d-​demonji

[Stampa f’paġna 12]

Kajjin ma beżax li ħuh il-​mejjet setaʼ jagħmel vendetta