Ħames Raġunijiet Biex Tibżaʼ Minn Alla Mhux mill-Bniedem
IŻ-ŻAGĦŻUGĦ kellu sorpriża sabiħa. Dak li kien għadu kif seħħ kien totalment mhux mistenni. Id-diskussjoni li kellu maʼ tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova għallmitu xi ħaġa ġdida. Il-mistoqsija għala Alla jippermetti s-sofferenza kienet ilha snin sħaħ tinkwetah, imma issa ġiet imwieġba b’mod ċar mill-Bibbja. Hu ma kienx jaf li l-Bibbja fiha daqstant informazzjoni taʼ valur li tistaʼ tagħmlek ferħan.
Ftit minuti wara li telqu dawk li żaruh, sidt il-kera daħlet tiġri fil-kamra tiegħu u b’rabja staqsietu, “Min kienu dawk in-nies?”
Peress li qabditu fuq sieq waħda, iż-żagħżugħ ma setax iwiġibha.
“Jien naf min huma,” għajtet hi, “u jekk terġaʼ tilqagħhom, tistaʼ titlaq u tmur tfittex kamra xi mkien ieħor!”
Hi sabbtet il-bieb u telqet.
Is-Segwaċi Veri taʼ Kristu Jistennew l-Oppożizzjoni
Dak li ġara lil dan iż-żagħżugħ m’huwiex rari. Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tispjega: “Kulmin jixtieq jgħix bid-devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:12) Ġeneralment, il-Kristjani veri m’humiex popolari u qatt ma kienu. Għala le? L-appostlu Ġwanni qal lill-Kristjani sħabu: “Aħna nafu li noriġinaw minn Alla, imma d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” Satana x-Xitan huwa deskritt ukoll bħala “ljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Ġwanni 5:19; 1 Pietru 5:8) Waħda mill-iktar armi effettivi taʼ Satana hi l-biżaʼ mill-bniedem.
Saħansitra Ġesù Kristu, li għamel tant tajjeb u li ma wettaq l-ebda dnub, kien ridikolat u persegwitat. Hu osserva: “Bagħduni għalxejn.” (Ġwanni 15:25) Fil-lejl taʼ qabel mewtu, hu pprepara lis-segwaċi tiegħu b’dan il-kliem: “Jekk id-dinja tobgħodkom, tafu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. Żommu f’moħħkom il-kliem li għedtilkom, Ilsir mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.”—Ġwanni 15:18, 20.
Minħabba din it-twissija, ħafna żammew lura milli jieħdu waqfa għall-qima vera. Dwar dawk li darba waħda bdew ifittxu lil Ġesù, il-Bibbja tgħidilna: “Naturalment, ħadd ma kien jitkellem dwaru fil-pubbliku, għax kienu jibżgħu mil-Lhud.” (Ġwanni 7:13; 12:42) Il-mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-żmien heddew li jkeċċu mis-sinagoga lil kulmin ipoġġi fidi fi Kristu. Għalhekk, il-biżaʼ mill-bniedem żamm lil ħafna milli jsiru Kristjani.—Atti 5:13.
Iktar tard, wara li l-kongregazzjoni Kristjana kienet ġiet stabbilita, naqraw dwar “persekuzzjoni kbira” kontra l-kongregazzjoni f’Ġerusalemm. (Atti 8:1) Fil-fatt, kullimkien fl-Imperu Ruman, il-Kristjani kellhom jissaportu l-persekuzzjoni. Irġiel prominenti f’Ruma qalu lill-appostlu Pawlu: “Aħna nafu li din is-setta kullimkien jitkellmu kontriha.” (Atti 28:22) Iva, il-Kristjani ġenwini kellhom oppożizzjoni minn kullimkien.
Anki llum, Satana għadu juża l-biżaʼ mill-bniedem bħala arma biex ifixkel lil ħafna milli jsiru segwaċi ġenwini taʼ Kristu. Nies sinċieri li qed jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova jiffaċċjaw oppożizzjoni jew twaqqigħ għaċ-ċajt fl-iskola, fuq ix-xogħol, mill-ġirien, jew minn sħabhom. Huma forsi jibżgħu li se jitilfu r-rispett, il-ħbieb, jew l-appoġġ materjali. F’xi pajjiżi, il-bdiewa jibżgħu li l-ġirien jistgħu jirrifjutaw li jgħinuhom fil-ħsad jew fil-protezzjoni taʼ l-annimali. Madankollu, minkejja dan il-biżaʼ, miljuni huma determinati li jafdaw f’Alla u jgħixu fi qbil mal-Kelma t’Alla biex jimitaw lil Ġesù Kristu. Ġeħova berikhom talli għamlu hekk.
Għala Għandek Tibżaʼ Minn Alla u Mhux mill-Bniedem
Il-Bibbja tħeġġiġna biex nibżgħu minn Alla u mhux mill-bniedem. Hi tgħid: “Il-biżaʼ taʼ Ġeħova hu l-bidu taʼ l-għerf.” (Salm 111:10) Dan “il-biżaʼ” jġegħelna nevitaw li nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lid-Donatur tal-ħajja tagħna. Dan “il-biżaʼ” t’Alla hu relatat mill-qrib maʼ l-imħabba. Imma għala għandna nibżgħu minn Alla u mhux mill-bniedem? Ejja nikkunsidraw ħames raġunijiet.
1 Ġeħova hu l-Wieħed Suprem. Ġeħova hu bil-wisq iktar qawwi minn kull bniedem. Inkunu qed inżommu man-naħa taʼ Dak li Jistaʼ Kollox jekk nibżgħu minn Alla, li għalih “il-ġnus huma bħal qatra minn barmil.” (Isaija 40:15) Peress li Alla jistaʼ kollox, hu għandu l-qawwa biex jegħleb ‘kwalunkwe arma li tissawwar kontra’ dawk li huma leali lejh. (Isaija 54:17) U ladarba hu jiddetermina min jistħoqqlu li jirċievi l-ħajja taʼ dejjem, inkunu għaqlin li ma nħallu xejn iżommna milli nitgħallmu dwaru u dwar ir-rieda tiegħu.—Rivelazzjoni 14:6, 7.
2 Alla se jgħinna u jipproteġina. “It-tregħid mill-bniedem huwa nassa, imma min jafda f’Ġeħova jkun protett,” tgħid il-Bibbja fi Proverbji 29:25. Il-biżaʼ mill-bniedem hu nassa minħabba li jistaʼ jżommna lura milli nistqarru l-fidi tagħna f’Alla. Alla jaċċertana dwar l-abbiltà li għandu biex isalvana: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa.”—Isaija 41:10.
3 Alla jħobb lil dawk li jersqu qrib tiegħu. L-appostlu Pawlu kiteb dan il-kliem li jmiss il-qalb: “Jien konvint li la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, la l-affarijiet li għad iridu jiġu, la l-qawwiet, la l-għoli u lanqas il-fond, u l-ebda Rumani 8:38, 39) Jekk nitgħallmu nafdaw f’Alla u nħobbuh, nistgħu ngawdu l-imħabba dejjiema tas-Sovran Universali. Xi privileġġ!
ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” (4 Napprezzaw dak kollu li Alla għamel magħna. Ġeħova huwa l-Ħallieq tagħna, il-wieħed li għamel il-ħajja possibbli. Iktar minn hekk, hu mhux biss ipprovdielna l-bżonnijiet tal-ħajja imma wkoll l-affarijiet li jagħmlu l-ħajja pjaċevoli u interessanti. Tabilħaqq, huwa s-Sors taʼ kull għotja tajba. (Ġakbu 1:17) David, raġel leali li apprezza l-qalb tajba bl-imħabba t’Alla, kiteb: “Int għamilt ħafna affarijiet, Iva, għemejjel taʼ l-għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna . . . [Saru] ferm iżjed milli nistaʼ nsemmi.”—Salm 40:5.
5 Uħud li jopponuna jistgħu jinbidlu. Int tistaʼ tgħin lil dawk li jopponuk billi ma tagħmilx kompromess imma tibqaʼ żżomm sod mal-biżaʼ u l-imħabba tiegħek lejn Alla. Ikkunsidra l-qraba taʼ Ġesù. Għall-ewwel, huma ma poġġewx fidi fih imma qalu: “Tilef moħħu.” (Marku 3:21; Ġwanni 7:5) Iktar tard, wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù, ħafna minnhom saru jemmnu. Ġakbu u Ġuda, ħut Ġesù mill-omm, saħansitra kitbu porzjonijiet mill-Iskrittura. Kien hemm ukoll il-persekutur fanatiku Sawl, li sar l-appostlu Pawlu. Uħud li issa qed jaqilgħulna l-inkwiet jistgħu jindunaw li aħna għandna l-verità mill-Bibbja minħabba l-waqfa kuraġġuża tagħna.—1 Timotju 1:13.
Per eżempju, Aberash, mara fl-Afrika, kienet titlob biex issib il-verità dwar Alla. Wara li bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, hi ffaċċjat oppożizzjoni ħarxa mill-membri tal-familja u mill-mexxejja reliġjużi tagħha. Xi wħud mill-qraba tagħha, li wkoll kienu bdew jistudjaw, tant beżgħu minn dawn in-nies li waqqfu l-istudju tagħhom tal-Bibbja. Imma hi talbet lil Alla bil-ħniena għas-saħħa u l-kuraġġ u tgħammdet bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Ir-riżultat? Tmienja mill-qraba tagħha ġew inkuraġġiti bl-eżempju tagħha, reġgħu bdew l-istudju tal-Bibbja tagħhom, u qed jagħmlu progress spiritwali tajjeb.
Tistaʼ Tegħleb il-Biżaʼ mill-Bniedem
Agħmel kulma tistaʼ biex issaħħaħ imħabbtek għal Alla ħalli tevita li ssir vittma tal-biżaʼ mill-bniedem. Int tistaʼ tagħmel dan billi tistudja l-Bibbja u timmedita fuq skritturi bħal Ebrej 13:6, li tgħid: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?” Tinsiex ir-raġunijiet għala l-ħaġa ġusta u għaqlija li tistaʼ tagħmel hi li tibżaʼ minn Alla minflok mill-bniedem.
Ukoll, żomm f’moħħok il-ħafna barkiet li jiġu meta tapplika dak li titgħallem mill-Bibbja. Tistaʼ ssib tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet importanti tal-ħajja. Tistaʼ tikseb l-għaqal biex jirnexxilek tkampa maʼ sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja. Tistaʼ tgawdi tama meraviljuża minkejja l-kundizzjonijiet taʼ llum li jikkonfonduk. U int tistaʼ titlob lil Alla li Jistaʼ Kollox fi kwalunkwe ħin.
L-appostlu Ġwanni kiteb: “Id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Issa huwa ż-żmien li nżommu sod u nimxu fil-biżaʼ t’Alla. Minflok ma tħalli l-fidi tiegħek tiddgħajjef minħabba l-biżaʼ mill-bniedem, int tistaʼ tagħżel li twieġeb għal dak li jħeġġiġna Alla: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Xi privileġġ kbir hu dan!
Ftakar li l-ebda bniedem ma jistaʼ jagħtik dak li Alla se jagħti lil dawk li jibżgħu minnu: “Ir-riżultat taʼ l-umiltà u l-biżaʼ taʼ Ġeħova hu rikkezzi u glorja u ħajja.”—Proverbji 22:4.
[Stampa f’paġna 30]
Minħabba l-kuraġġ t’Aberash, tmienja mill-qraba tagħha għadhom qed igawdu studju tal-Bibbja persunali