Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dwar “it-Tmiem”

Dwar “it-Tmiem”

Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù

X’se jintemm?

Id-​dixxipli taʼ Ġesù staqsewh: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” (Mattew 24:3) Meta wieġeb dik il-​mistoqsija, Ġesù ma qalx li l-​art letterali kienet se tinqered. Qabel, hu kien tkellem dwar “is-​sistema” u kien uża dan it-​terminu biex jirreferi għas-​sistema sekulari u reliġjuża kollha kemm hi li hija dominata minn Satana. (Mattew 13:22, 40, 49) Għalhekk, din kienet is-​sistema li kellu f’moħħu meta qal: “Jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

Ġesù kif iddeskrivieh it-​tmiem?

It-​tmiem taʼ din is-​sistema inġusta huwa “aħbar tajba.” Ġesù qal: “U din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” Ġesù ddeskriva t-​tmiem tas-​sistema preżenti b’dan il-​mod: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn. Fil-​fatt, kieku dawk il-​jiem ma jitqassrux, ebda bniedem ma jiġi salvat.”—Mattew 24:14, 21, 22.

Min se jinqered?

Dawk biss li ma jħobbux u ma jaqdux lil Ġeħova u lil Ġesù se jinqerdu. Nies bħal dawn ma jobdux lil Alla. Ġesù qal: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem. Għax bħalma f’dawk il-​jiem qabel id-​dilluvju . . . ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” (Mattew 24:36-39) Ġesù qal li ħafna qegħdin fit-​triq li twassal għall-​qerda. Madankollu, hu wiegħed li hemm ‘triq imħarbta li tieħu għall-​ħajja.’—Mattew 7:13, 14.

Meta se tintemm din is-​sistema?

Meta ġie mistoqsi dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu “u tal-​konklużjoni tas-​sistema,” Ġesù wieġeb: “Għax ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti . . . u minħabba li jiżdied il-​ħażen tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.” (Mattew 24:3-12) Għalhekk, l-​aħbarijiet ħżiena kollha taʼ llum għandhom sinifikat inkuraġġanti—dalwaqt il-​gvern tas-​Saltna t’Alla se jġib paċi lill-​umanità ubbidjenti. Ġesù qal: “Meta taraw dawn l-​affarijiet iseħħu, kunu afu li s-​saltna t’Alla tkun qrib.”—Luqa 21:31.

X’għandek tagħmel int?

Ġesù qal li Alla “ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Trid tkun tafhom sew ’l Alla u ’l Ibnu biex teżerċita fidi fihom. Għalhekk, Ġesù qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Oqgħod attent li l-​ansjetajiet u l-​problemi ma jżommukx lura milli titgħallem kif turi mħabbtek għal Alla. Ġesù qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu . . . [b’]ansjetajiet tal-​ħajja, u f’daqqa waħda dak il-​jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa. Għax jiġi.” Jekk tagħti kas it-​twissija taʼ Ġesù, int se ‘jirnexxilek taħrab minn dak kollu li għandu jseħħ.’—Luqa 21:34-36.

Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 9, “Qegħdin Aħna Ngħixu fl-​‘Aħħar Jiem’?,” tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? a

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.