Hemm Żmien Għal Kollox
“Għal kollox hemm żmien stabbilit; iva, kull ħaġa taħt is-smewwiet għandha waqtha,” tgħid il-Bibbja. Il-kittieb taʼ dan il-kliem, is-sultan għaref tal-qedem Salamun, kompla jgħid li hemm żmien li titwieled u żmien li tmut, żmien li tibni u żmien li ġġarraf, żmien li tħobb u żmien li tobgħod. Fl-aħħarnett, hu osserva: “X’vantaġġ hemm għall-ħaddiem fix-xogħol iebes tiegħu?”—Ekkleżjasti 3:1-9.
META jaqraw dan il-kliem, xi nies jikkonkludu li l-Bibbja tassew tgħallem li hemm żmien determinat minn qabel għal kollox; jiġifieri, jaħsbu li l-Bibbja tappoġġa t-twemmin fid-destin. Huwa dan tassew minnu? Tappoġġa l-Bibbja l-idea li kollox fil-ħajja hu kontrollat mid-destin? Ladarba “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla,” dak li naqraw f’parti waħda tal-Bibbja jrid jaqbel maʼ dak li naqraw f’partijiet oħrajn fiha. Għalhekk, ejja naraw x’għandu x’jgħid il-kumplament tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja, dwar il-kwistjoni.—2 Timotju 3:16.
Iż-Żmien u l-Ġrajjiet Mhux Mistennijin
Fil-ktieb t’Ekkleżjasti, Salamun kompla jikteb: “Erġajt dort biex nara taħt ix-xemx li l-ħfief mhux dejjem jirbħu t-tiġrija, u lanqas is-setgħanin ma jirbħu dejjem il-battalja; l-għorrief ukoll ma jkollhomx ikel, u dawk li għandhom l-abbiltà li jifhmu wkoll ma jkollhomx rikkezzi, u lanqas dawk li għandhom l-għarfien ma jkollhom l-approvazzjoni.” Għala? Hu spjega: “Għax iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”—Ekkleżjasti 9:11.
Minflok ma kien qed jissuġġerixxi li fil-ħajja kollox hu determinat mid-destin, Salamun kien qed juri li l-bnedmin ma jistgħux ikunu jafu b’mod eżatt minn qabel ir-riżultat taʼ kulma jipprovaw jagħmlu “għax iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” Spiss, xi ħaġa tiġri lil individwu sempliċement għaliex ikun fil-post tajjeb fil-waqt tajjeb, jew nistgħu ngħidu, fil-post ħażin fil-waqt ħażin.
Per eżempju, ejja nieħdu l-istqarrija: “Il-ħfief mhux dejjem jirbħu t-tiġrija.” Forsi tiftakar jew qrajt dwar it-tellieqa tan-nisa taʼ 3000 metru li hi famuża, għalkemm stramba, u li saret fil-Logħob Olimpiku taʼ l-1984 f’Los Angeles, Kalifornja, l-Istati Uniti taʼ l-Amerika. Żewġ ġerrejja, waħda tirrappreżenta lill-Britannja u l-oħra lill-Istati Uniti, kienu qed jittamaw li jirbħu l-midalja tad-deheb. Madankollu, f’nofs it-tellieqa, huma daħlu f’xulxin. Waħda minnhom waqgħet u spiċċat barra mit-tellieqa; l-oħra tant ħassitha skuraġġita li spiċċat fis-sebaʼ post.
Kien minħabba d-destin li l-affarijiet spiċċaw b’dan il-mod? Xi wħud għandhom mnejn jgħidu iva. Imma jidher ċar li kienet il-ħabta—aċċident li ħadd ma setaʼ jkun jaf bih—li kkaġunat li t-tnejn li huma jitilfu t-tellieqa. Allura, kien id-destin li ġegħelhom jaħbtu? Għal darb’oħra, hemm
min jistaʼ jgħidlek iva. Però, il-kummentaturi qalu li l-aċċident kien tort tal-kompetizzjoni qawwija bejn iż-żewġ atleti b’saħħithom li kienu qed jiġru tellieqa ras imbras, waqt li t-tnejn li huma bdew jipprovaw jgħaddu lil xulxin. Bħalma tgħid il-Bibbja, “iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” Minkejja kemm ikun preparat tajjeb dak li jkun, dejjem hemm affarijiet mhux mistennijin li jistgħu jeffettwaw ir-riżultat taʼ biċċa xogħol, u dan m’għandu ebda konnessjoni mad-destin.Allura, il-Bibbja xi trid tfisser meta tgħid: “Għal kollox hemm żmien stabbilit”? Hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex ninfluwenzaw ir-riżultat taʼ ħajjitna—id-destin tagħna?
L-Aqwa Żmien Għal Kull Xogħol
Il-kittieb ispirat tal-Bibbja mhux talli ma tkellimx dwar id-destin taʼ xi individwu jew ma ddeskriviex ir-riżultat li kellu jkun hemm fil-ħajja taʼ xi ħadd, imma talli kien qed jitkellem dwar l-iskop t’Alla u kif kellu jeffettwa lill-umanità. Kif nafuh dan? Bażikament, dan hu dak li jgħidilna l-kuntest. Wara li semma ħafna affarijiet li donnhom għandhom “żmien stabbilit,” Salamun kiteb: “Rajt l-attività li Alla ta lil ulied il-bnedmin biex ikunu okkupati biha. Kulma għamel għamlu sabiħ u f’waqtu.”—Ekkleżjasti 3:10, 11.
Alla ta ħafna attivitajiet lill-umanità, jew affarijiet x’jagħmlu—Salamun semma għadd minnhom. Alla tana wkoll il-libertà taʼ l-għażla biex nagħżlu xi rridu nagħmlu. Madankollu, għal kull biċċa xogħol, hemm żmien li hu xieraq, jew favorevoli, li jipproduċi l-aqwa riżultat. Per eżempju, ejja nieħdu l-istqarrija taʼ Salamun “żmien li tħawwel u żmien li taqlaʼ l-imħawwel,” misjuba f’Ekkleżjasti 3:2. Il-bdiewa jafu li għal kull prodott tar-rabaʼ, hemm żmien xieraq meta jrid jitħawwel. Xi ngħidu jekk bidwi jinjora dan il-fatt sempliċi u jħawwel il-prodott fiż-żmien jew l-istaġun żbaljat? Għandu hu jwaħħal fid-destin jekk ma
jkollux ħsad tajjeb, avolja jkun ħadem iebes għalih? Dażgur li le! Hu sempliċement ma ħawwilx il-prodott fiż-żmien xieraq. Il-ħsad tal-bidwi setaʼ rnexxa kieku segwa l-ordni naturali taʼ l-affarijiet li ġie stabbilit mill-Ħallieq.Għalhekk, Alla ddeċieda ċerti prinċipji li jaħkmu l-mod kif jimxu l-affarijiet tal-bniedem fi qbil maʼ l-iskop tiegħu u mhux id-destin taʼ individwi jew ir-riżultati tal-ġrajjiet kollha. Biex il-bnedmin igawdu r-riżultat taʼ dak li jridu jagħmlu, huma jridu jagħrfu l-iskop u ż-żmien t’Alla u jaħdmu fi qbil magħhom. Dak li hu predestinat u ma jinbidilx huwa dak li Alla għandu l-iskop li jagħmel u mhux id-destin taʼ individwi. Permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova ddikjara: “Kelmti li toħroġ minn fommi . . . ma terġax lura lejja mingħajr riżultati, imma żgur tagħmel dak li jogħġobni, u żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.
Imma allura, x’inhi l-‘kelma’ t’Alla, jew l-iskop mistqarr tiegħu, dwar l-art u l-futur taʼ l-umanità li “żgur tirnexxi”?
Nifhmu l-Waqt t’Alla
Salamun ipprovda ħjiel. Wara li qal, “Kulma għamel [Alla] għamlu sabiħ f’waqtu,” hu kompla jgħid, “Saħansitra poġġielhom f’qalbhom l-eternità, sabiex il-bnedmin qatt ma jsiru jafu mill-bidu sat-tmiem l-għemil li għamel l-Alla l-veru.”—Ekkleżjasti 3:11.
Inkitbu ħafna affarijiet dwar dan il-vers. Imma l-fatt sempliċi hu li fil-fond taʼ qalbna, ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra ħsibna dwar it-tifsir tal-ħajja u dwar fejn se nispiċċaw fl-aħħar mill-aħħar. Matul is-snin, in-nies sabuha diffiċli jaċċettaw li l-ħajja tikkonsisti biss fit-taħbit tax-xogħol li hemm bżonn isir, biss biex imbagħad il-mewt ittemm kollox. Bħala bnedmin aħna uniċi fost il-ħlejjaq ħajjin kollha minħabba li ma naħsbux biss dwar il-preżent imma wkoll dwar tmiem il-ħajja u wara. Saħansitra nixxennqu għall-possibbiltà li ngħixu għal dejjem, għall-eternità. Għala? Bħalma tispjega l-iskrittura, lill-bnedmin Alla “poġġielhom f’qalbhom l-eternità.”
Biex jissodisfaw dik ix-xenqa, in-nies spiss ħasbu dwar jekk hemmx ħajja wara l-mewt. Xi wħud jikkonkludu li xi ħaġa fina tibqaʼ ħajja wara li mmutu. Oħrajn jemmnu li nibqgħu nerġgħu nitwieldu għal dejjem kulmeta mmutu. Jerġaʼ oħrajn jaħsbu li kollox fil-ħajja hu predestinat mid-destin jew minn Alla u li ma nistgħu nagħmlu xejn dwar dan. B’sogħba, ebda waħda minn dawn l-ispjegazzjonijiet m’hi sodisfaċenti għalkollox. Dan hu minħabba li bl-isforzi tagħhom stess “il-bnedmin qatt ma jsiru jafu mill-bidu sat-tmiem l-għemil li għamel l-Alla l-veru,” tgħid il-Bibbja.
Salm 145:16) Nistgħu nsibu spjegazzjonijiet sodisfaċenti dwar il-ħajja u l-mewt, u dwar l-iskop etern t’Alla rigward l-art u l-familja umana billi nistudjaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja.—Efesin 3:11.
Dan il-konflitt diffiċli li ilu jeżisti, bejn ix-xewqa li nkunu nafu t-tweġiba u n-nuqqas t’abbiltà li nsibuha, itturmenta lill-filosfi tul iż-żminijiet. Madankollu, ladarba Alla poġġa din ix-xenqa jew ix-xewqa f’qalbna, m’huwiex loġiku li rridu nduru lejh biex jipprovdilna dak li hemm bżonn ħalli nissodisfaw din ix-xewqa? Wara kollox, il-Bibbja tgħid dwar Ġeħova: “Int qed tiftaħ idek u tissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” ([Kumment f’paġna 5]
“Il-ħfief mhux dejjem jirbħu t-tiġrija.” —Ekkleżjasti 9:11
[Kumment f’paġna 6]
Jekk bidwi ma ħawwilx il-prodott fiż-żmien xieraq, għandu hu jwaħħal fid-destin għall-ħsad fqir tiegħu?
[Kumment f’paġna 7]
Aħna naħsbu dwar il-ħajja u l-mewt għaliex lill-bnedmin Alla “poġġielhom f’qalbhom l-eternità”