“Kien Għadu M’Huwiex il-Waqt li Mmut”
Is-sewwieq taʼ trakk enormi li jiġbor l-iskart tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu. It-trakk telaʼ fuq il-bankina, laqat koppja u żagħżugħ taʼ 23 sena li kienu mexjin fuqha. Skond rapport f’gazzetta tal-Belt taʼ New York, il-koppja mietet mad- daqqa u ż-żagħżugħ intilef minn sensih. Meta qam u ra x’kien ġara, l-ewwel ħsieb tiegħu kien: ‘Ma rridx nemmen li qed iseħħ dan. Jekk jogħġbok Alla, ħallini ngħaddi minn dan b’wiċċ il-ġdid.’ Hu qal, “Kien għadu m’huwiex il-waqt li mmut.”
X’AKTARX li smajt bi stejjer bħal dawn. Meta xi ħadd jeħlisha bi żbrixx minn diżastru, in-nies jgħidu, ‘Ma kienx il-waqt għalih li jmut,’ imma meta xi ħadd imut f’aċċident mhux tas-soltu, huma jikkonkludu, ‘Kien il-waqt li jmut’ jew ‘Hija r-rieda t’Alla.’ Kemm jekk jemmnu li r-riżultat hu minħabba d-destin, il-fortuna, il-predestinazzjoni, jew Alla, it-twemmin hu bażikament l-istess. Ħafna nies jemmnu li l-ġrajjiet f’ħajjithom u r-riżultat tagħhom huma determinati minn qabel u li m’hemm xejn x’jistgħu jagħmlu dwarhom. U din ir-reazzjoni żgur li m’hijiex limitata biss għal meta jkun hemm mewt jew aċċident u lanqas m’hi limitata għal żmienna biss.
Per eżempju, il-Babiloniżi tal-qedem kienu jemmnu li l-affarijiet tal-bniedem huma influwenzati mill-istilel u l-movimenti tagħhom. Għalhekk, huma kienu jħarsu lejn is-smewwiet għas-sinjali u jużaw it-teħbir biex jiggwidahom. Il-Griegi u r-Rumani qiemu allat nisa tad-destin, li l-qawwiet tagħhom biex ixerrdu l-fortuni tajbin u ħżiena kultant donnhom għelbu saħansitra r-rieda taʼ l-allat prinċipali tagħhom, Żews u Ġove.
Fl-Orjent, il-Ħindu u l-Buddisti jemmnu li dak li jgħaddi minnu individwu bħalissa hu r-riżultat taʼ dak li għamel f’ħajja taʼ qabel u l-azzjonijiet tiegħu f’din il-ħajja jiddeterminaw dak li se jesperjenza fil-ħajja li jmiss. Reliġjonijiet oħrajn—inkluż ħafna knejjes tal-Kristjaneżmu—jaċċettaw ukoll dan it-twemmin dwar id-destin bid-duttrina tagħhom tal-predestinazzjoni.
Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li anki fi żmienna, meta suppost it-twemmin u l-opinjonijiet tan-nies huma bbażati fuq il-fatti, ħafna nies xorta għadhom jemmnu li s-sitwazzjoni taʼ ħajjithom, ir-riżultat taʼ l-affarijiet tagħhom taʼ kuljum, u x’jiġri minnhom fl-aħħar mill-aħħar huma lkoll kontrollati mid-destin. Ukoll jemmnu li ftit li xejn hemm x’jistgħu jagħmlu dwar dan. Int hekk tħossok dwar il-ħajja? Huma l-ġrajjiet u l-inċidenti, is-suċċessi u l-fallimenti fil-ħajja—saħansitra t-twelid u l-mewt—tassew predestinati? Hija ħajtek maħkuma mid-destin? Ejja naraw kif il-Bibbja tistaʼ tgħinna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Ken Murray/New York Daily News