Kont Taf?
Alla kif kien iqisha l-prattika taʼ l-astroloġija fost l-Israelin?
Skond dizzjunarju wieħed, l-astroloġija hija “l-istudju tal-movimenti tal-pjaneti, ix-xemx, il-qamar, u l-istilel bit-twemmin li dawn il-movimenti jistgħu jinfluwenzaw ħajjet in-nies.” Hekk kif l-art iddur max-xemx kull sena, il-kostellazzjonijiet taʼ l-istilel jidhru li qed jiċċaqalqu minħabba li l-pożizzjoni taʼ l-art tinbidel. Sa mill-qedem, in-nies osservaw dawn il-bidliet u sostnew li għandhom sinifikat kbir.
Probabbilment, l-astroloġija oriġinat mill-Babiloniżi tal-bidu li qiemu l-istilel u l-kostellazzjonijiet. Din il-forma taʼ qima bdiet tiġi prattikata mill-Israelin meta żvijaw mill-qima vera. Sa żmien Ġosija, is-Sultan taʼ Ġuda, l-astroloġija kienet tiġi prattikata ħafna fil-pajjiż. Il-ħarsa t’Alla lejn il-kwistjoni kienet ċara. Skond il-Liġi Mosajka, li nkitbet mijiet taʼ snin qabel, min kien iqim l-istilel kellu jinqatel.—Dewteronomju 17:2-5.
Fost il-miżuri li ħa s-Sultan Ġosija biex ibiddel il-prattiki reliġjużi tal-Lhud kien hemm il-projbizzjoni tas-sagrifiċċji “lix-xemx u lill-qamar u lill-kostellazzjonijiet taż-żodjaku u lill-armata kollha tas-smewwiet.” Ir-rakkont Bibliku jgħid li s-sultan ħa dan il-pass għaliex hu ried “jimxi wara Ġeħova u jħares il-kmandamenti” tiegħu. (2 Slaten 23:3-5) Dan ħalla eżempju saħansitra għan-nies taʼ llum li jridu jqimu lil Alla “bl-ispirtu u l-verità.”—Ġwanni 4:24.
Min kienu “Wlied Żews” imsemmijin f’Atti 28:11?
Fil-ktieb Bibliku taʼ l-Atti hemm miktub li l-appostlu Pawlu vvjaġġa lejn Ruma minn Malta għal Putijoli fuq ġifen li fil-pruwa kellu s-simbolu taʼ “Wlied Żews.” (Atti 28:11) L-użu taʼ dawn il-figuri kien popolari fost il-baħrin u l-vjaġġaturi tal-qedem.
Skond il-mitoloġija Griega u Rumana, Żews (magħruf ukoll bħala Ġove) u Leda kellhom tewmin subien, Kastor u Polluks. Fost affarijiet oħrajn, dawn l-‘Ulied Żews’ kienu meqjusin bħala baħrin tas-sengħa b’qawwiet fuq ir-riħ u l-mewġ. Għalhekk, huma bdew jiġu meqjumin bħala allat patruni tal-baħrin. Il-vjaġġaturi kienu joffrulhom sagrifiċċji u jsejħulhom għall-protezzjoni tagħhom matul il-maltempati. Kien twemmin komuni li l-allat tewmin kienu juru l-qawwiet protettivi tagħhom billi jidhru fil-forma tan-nar taʼ Sant’Iermu, dawl elettriku qawwi li kultant jidher fl-arblu tal-bastimenti matul maltempata.
Il-qima taʼ Kastor u Polluks kienet mifruxa sew fost il-Griegi u r-Rumani, u sors tal-qedem isemmiha b’mod partikulari fid-distrett madwar Ċirene, fit-tramuntana taʼ l-Afrika. Il-ġifen imsemmi fl-Atti kien mill-belt fil-qrib taʼ Lixandra, fl-Eġittu.
[Stampa f’paġna 9]
Ġebla Babiloniża li għandha mnaqqax fuqha stampa tas-Sultan Nażimaruttas bil-Kostellazzjonijiet
[Stampa f’paġna 9]
Munita taʼ dinar b’‘Ulied Żews’ fuqha, 114-113 Q.E.K.
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 9]
Ġebla: Réunion des Musées Nationaux/Art Resource, NY; munita: Courtesy Classical Numismatic Group, Inc./cngcoins.com